L-użu xieraq ta' Facebook
Dawn il-prinċipji huma maħsuba biex jgħinu lilna, l-Insara evanġeliċi, biex nagħmlu użu xieraq minn facebook (FB), għal ġid tagħna u ta' ħaddieħor, u għall-glorja t'Alla.
Il-kwalitajiet ta' FB
- Opportunità biex ixxandar lil Kristu – u tagħti messaġġ ta’ tama u verità f’dinja ddisprata u mitlufa.
- Impersonali – inti mistoħbi wara l-iscreen, 'l bogħod minn dawk li qed tikkomunika magħhom, u għalhekk huwa faċli tiftiehem ħażin jew li tkun iebes wisq. FB hu għodda tajba, imma m’għandux jieħu post komunikazzjoni wiċċ imb wiċċ. (3 Ġwanni 1:13-14).
- Pont two-way għad-dinja – filwaqt li aħna nistgħu ninfluwenzaw id-dinja b’kelma tajba, daqshekk ieħor id-dinja tista’ tinfluwenza lilna b’valuri mgħawwġa u mentalità materjalistà u żienja. Id-dubbiena tfittex il-ħmieġ u xxerred il-mard; in-naħla tfittex il-fjuri u ddakkar il-pjanti. Fuq l-Internet, kun naħla mhux dubbiena (ara Ġuda 1:23).
- Forum pubbliku – bħallikieku qed turi lilek innifsek fuq billboards mxerrdin mal-pajjiż kollu. Hemm ħwejjeġ li għandhom jixxandru pubblikament; oħrajn għandu jkollhom udjenza limitata; oħrajn m’għandhom jixxandru qatt.
- Il-profil tiegħek – b’dak li tikteb (u l-likes u shares li tagħmel) inti qed tagħti stampa tiegħek innifsek, qed turi x’tip ta’ bniedem inti u x’inhuma l-valuri tiegħek. Ftakar li inti Kristjan, u li l-profil tiegħek jirrifletti l-fidi evanġelika li tħaddan, il-knisja li tattendi, u l-isem ta' Kristu.
Linji gwida u suġġerimenti prattiċi
- X’inhuma l-mottivi tiegħi: il-glorja t’Alla jew il-likes għalija; biex inħott jew nibni; biex inferi jew infejjaq?
- Itlob meta tikteb. “Qegħdli għassa, o Mulej quddiem fommi; għasses bieb xofftejja” (Salm 141:3).
- Uża l-FB primarjament biex ixxandar l-evanġelju, mhux għall-politika partiġġjana, frivolitajiet jew kritika inutli ta’ reliġjonijiet oħra.
- Uża ortografija tajba. Tużax lingwa li ma tafx sewwa. Tużax CAP LOCK (diffiċli biex jinqara). Erġa’ aqra sew dak li ktibt qabel tippostja.
- Ikteb korrett, ċar u konċiż. Jekk tikkwota, kun eżatt u agħti isem l-awtur.
- Ikteb il-verità, b’imħabba, biex tgħin, u f’waqtu. (Efesin 4:29).
- Tippostjax ta’ spiss – nissuġġerilek darba jew darbtejn fil-ġimgħa. Aħjar ftit u bis-sugu.
- Tiktibx fis-saħna tal-mument. Stenna ġurnata jew tnejn biex tilħaq tibred u tirrifletti aħjar. Jekk dubbjuż, stenna. Itlob u ħu parir.
- Tidħolx f’battibekki online. Ibgħat messaġġ privat jekk trid tikkoreġi jew twissi lil aħwa Insara, jew aħjar kellmu personalment.
- Attent x’tixxerja – iċċekkja s-sors u l-kontentunt ta’ dak li taqsam. Ftakar li meta tagħmel like jew share tkun qed tapprova jew tassoċja ruħek ma dik il-post u ma min kitibha.
- Żomm f’moħħok min hi l-udjenza. Tagħmilx pubbliku dak li huwa privat jew li jappartjieni għal grupp limitat (familja, knisja).
- Tippostjax ritratti li fihom jidhru nies, jew tagħti informazzjoni dwarhom, inkluż petizzjonijiet għal talb speċifiku, mingħajr il-permess tagħhom.
- Fittex għajnuna, ilqa’ kritika u pariri (Proverbji 27:17)
Rażna
Tkunx skjav ta' FB u l-Internet. Kun dixxiplinat. X'ħin tqum filgħodu ibda l-jum mal-Mulej fit-talb u l-qari tal-Iskrittura, mhux bil-mobile! Taħlix ħin fuq FB – waqt li qed tiskrolja, propjament x'qed tistenna li ssib? Tħallix il-media soċjali tifirdek mill-għeżież tiegħek li qegħdin madwarek.