Il-Kostituzzjoni tal-Knisja Evanġelika Trinità
WERREJ
Daħla
Isem
Il-Knisja
Relazzjonijiet
Il-Kredu
Stqarrija ta’ Fidi
Adozzjoni
Għeluq
DAĦLA
1. Il-Kostituzzjoni unika, sħiħa, infallibbli u awtorevoli ta’ din il-knisja hi l-Iskrittura Mqaddsa. Dan id-dokument hu biss ġabra ta’ prinċipji u tagħlim skritturali rigward il-fidi u l-prattika tagħna. Ma jinkludix kull aspett tar-rivelazzjoni divina, u lanqas m’għandu jitqies obbligatorju fih innifsu; madankollu hi l-konvinzjoni tagħna li hu fidil għall-Kelma t’Alla, u għalhekk naċċettawh bħala xhieda miktuba tal-Kostituzzjoni tagħna.
ISEM
2. Din il-kongregazzjoni Battista hi Ecclesia Reformata et semper Reformanda.
Jisimha “Knisja Evanġelika Trinità.” Tissejjaħ ‘Evanġelika’ biex naffermaw il-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu kif imħabbar fl-Evanġelju tal-grazzja; u biex nistqarru l-impenn tagħna li nxandru l-istess Evanġelju lill-oħrajn. Tissejjaħ ‘Trinità’ biex nagħtu xhieda ta’ Alla veru, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu li minnu, bih u għalih konna maħluqa u mifdija.
IL-KNISJA
3. Il-Knisja ta’ Sidna Ġesù Kristu hi waħda u kattolika; tikkonsisti mill-għadd sħiħ tal-magħżulin t’Alla, jiġifieri dawk kollha li kienu, huma u għad ikunu miġbura flimkien taħt Kristu, ir-Ras tagħhom.
4. Kull persuna riġenerata hi membru fil-Knisja ta’ Kristu. Għaldaqstant il-Missier ma jridx li wliedu jgħixu indipendenti jew iżolati minn xulxin, iżda jingħaqdu flimkien fi knejjes lokali għall-qima pubblika t’Alla, u għall-benefiċċju tal-aħwa.
5. Din il-knisja għandha tikkonsisti minn dawk li jemmnu fil-Mulej Ġesù Kristu u jistqarruh għas-salvazzjoni tagħhom, u li huma mgħammda f’isem it-Trinità Mqaddsa, u li ma jgħarrqux l-istqarrija tagħhom b’ereżija jew bi dnub mingħajr indiema. Il-membri għandhom jilqgħu u jgħinu lil xulxin permezz tal-ministeru tal-Kelma, u l-qadi reċiproku, li jinkludi l-amministrazzjoni tal-ordinanzi u d-dixxiplina bibblika. Huma msejħa biex b’kull umilta’ u manswetudini, b’sabar u saportu fl-imħabba, iħabirku ħalli jżommu t-twaħħid tal-Ispirtu fir-rabta tas-sliem.
6. Sidna Ġesù Kristu hu r-Ragħaj il-Kbir u r-Ras tal-Knisja: jiggvernaha permezz tal-Ispirtu u l-Kelma tiegħu. Il-presbiteri maħtura minnu stess (magħrufa wkoll bħala rgħajja jew isqfijiet), b’ebda mod mhuma s-sidien tagħha, iżda qaddejja ta’ Kristu għaliha. Il-presbiterju hu responsabbli jieħu ħsieb il-knisja lokali u jmexxiha skond ir-rieda divina rivelata fl-Iskrittura. L-aħwa għandhom jirrikonoxxu s-setgħa tal-presbiteri tagħhom, billi jobduhom u jissottomettu għalihom fil-Mulej. Id-djakni huma fdati wkoll bil-ministeru tagħhom għall-benefiċċju tal-knisja.
7. Id-dixxiplina tal-knisja, kif awtorizzata u regolata mill-Mulej fl-Iskrittura, hi meħtieġa biex jerġgħu jintrebħu u jinkisbu aħwa offensivi; biex l-oħrajn ikunu impeduti minn offiżi simili; biex titneħħa l-ħmira li tista’ tinfetta l-għaġna kollha; biex jitmantna l-unur ta’ Kristu, u l-professjoni qaddisa tal-evanġelju; u biex ikun evitat l-għadab t’Alla, li jista’ ġustament jaqa’ fuq il-knisja, jekk tippermetti li l-patt tiegħu, u s-siġilli tal-istess patt, ikunu profanati minn trasgressuri notorji u stinati.
8. Kristu waqqaf żewġ ordinanzi għal niesu. Il-Magħmudija hi amministrata permezz tal-immersjoni fl-ilma, lil dawk li jipprofessaw l-indiema lejn Alla u fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, u hi sinjal tax-xirka tal-fidil ma’ Kristu fil-mewt u l-qawmien tiegħu, tal-maħfra tad-dnubiet u tal-identifikazzjoni mal-ġisem viżibbli ta’ Kristu. L-Ikla hi tifkira tal-Mulej, proklamazzjoni tas-sagrifiċċju offrut darba għal dejjem fuq il-Kalvarju għall-fidwa tagħna, u komunjoni ma’ Kristu rxoxt u ma’ l-aħwa.
9. Daqskemm il-kongregazzjoni tqim ’l Alla fl-ispirtu u l-verità, tedifika lill-qaddisin fi ħdanha, u twassal l-evanġelju lill-mitlufa, tkun qed twettaq l-għan ewlieni tagħha: li tingħata glorja lil Alla fil-knisja bi Kristu Ġesù.
RELAZZJONIJIET
10. Din hi knisja teonoma, esklussivament suġġetta għal Sidha Kristu, li jforniha bis-setgħa u l-awtorità meħtieġa għat-tmexxija tagħha, u għalhekk hi indipendenti minn kull forma ta’ gvern impost fuqha minn barra. Ir-responsabbilta’ prinċipali tagħha hi li tieħu ħsieb lilha nfisha sabiex il-membri jimtlew bil-għarfa tar-rieda t’Alla ħalli jimxu kif jixraq lill-Mulej u jogħġbuh f’kollox billi jagħmlu l-frott f’kull egħmil tajjeb u jikbru fil-għarfa tiegħu.
11. Nirrikonoxxu l-ħtieġa ta’ interdipendenza ma’ knejjes simili, nirrispettaw l-awtorità tagħhom, u nħabirku għall-għaqda tal-fidi, ftehim, sliem u koperazzjoni bejnietna. Nagħrfu wkoll li, bħalna, kongregazzjonijiet oħra ġenwinament ta’ Kristu, huma suġġetti għall-iżball u taħlit. L-ispirtu partitarju bejn il-knejjes jikkontradixxi l-evanġelju. In necessariis unitas, in non necessariis libertas, in omnibus charitas.
12. Il-knisja għandha tesibixxi l-qdusija u l-imħabba t’Alla billi ma tikkompromettix il-verità ta’ Kelmtu, f’attitudni ta’ mħabba lejn l-aħwa l-oħra. Għalhekk għandha tirregola r-relazzjonijiet ma’ individwi, knejjes, gruppi u organizzazzjonijet kwalunkwe biex tħares lilha nfisha minn influwenza ħażina, u ma tapprovax u wisq inqas tenkoraġġixxi l-errur imħaddan mill-oħrajn, iżda twissihom bl-imħabba. F’ċerti każijiet is-separazzjoni hi ġustifikata u neċessarja.
13. M’hemm ebda xirka jew sħubija bejn il-Knisja ta’ Kristu u għaqdiet jew reliġjonijiet taparsi Kristjani. Huwa dmirna niddistingwu lilna nfusna minnhom u nqisuhom mitlufa bħall-bqija tal-umanità, u daqshekk ieħor aħna responsabbli nilħquhom bl-Aħbar it-Tajba.
14. L-awtorità ċivili hi istituzzjoni mwaqqfa mill-Mulej, distinta mill-Knisja, u kull Kristjan għandu jissottomettu ruħu għaliha fil-Mulej, is-Sid tal-kuxjenza u s-Sultan tas-slaten. Persuna nominata mill-presbiterju tirrappreżenta lill-knisja fi kwistjonijiet legali u ċivili.
IL-KREDU
15. Aħna nemmnu kulma tgħallem l-Iskrittura Mqaddsa, mingħajr tnaqqis, żieda, jew taħlit ta’ tradizzjoni jew ‘rivelazzjonijiet’ oħra. Niċħdu li l-Kredijiet u Stqarrijiet ekkleżjastiċi oħra għandhom awtorità intrinstika, ikbar jew ugwali ma’ dik tal-Iskrittura. Is-siwi u l-awtorità tagħhom jiddependu fuq il-fedelta’ tagħhom għall-Kelma t’Alla.
16. Il-Kredu u l-Istqarrija tal-Fidi huma meqjusa bħala kompendju ta’ wħud mid-dottrini bibliċi ewlenin u jservu bħala dikjarazzjoni tat-twemmin fost il-komunità Kristjana, ta’ distinzjoni mill-ereżija u l-iżball, kif ukoll huma manifestazzjoni tal-unità tal-fidi fost il-knejjes. Huma konvenjenti u xierqa wkoll għall-katekeżi.
17. Filwaqt li ninsabu grati lejn Alla u napprezzaw il-kisbiet magħmula mill-Knisja fl-għarfien ta’ verità smewwija matul il-kriżijiet maġġuri tagħha, aħna nilqgħu bil-qalb il-kredijiet antiki kollha, li huma:-
I. Il-Kredu tal-Appostli;
II. Il-Kredu Niċen;
III. Il-Kredu Atanasjan;
IV. Il-Kredu Niċen-Kostantinopolitan;
V. Il-Kredu ta’ Kalċidonja.
Ma’ dawn, bħala espożizzjoni iżjed estensiva u sistematika tal-Fidi, inħaddnu:-
VI. Il-Katekiżmu ta’ Heidelberg (1563);
VII. Il-Qwienen ta’ Dort (1618-19);
VIII. Il-Katekiżmu Qasir ta’ Westminster (1647);
IX. Il-Katekiżmu Twil ta’ Westminster (1647);
X. L-Istqarrija ta’ Fidi Battista (1689);
XI. Id-Dikjarazzjoni ta’ Chicago dwar l-Inerranza Biblika (1978).
18. Il-presbiteri kollha ta’ din il-knisja huma obbligati jaffermaw u jgħallmu skond l-istqarrijiet kif elenkati hawn fuq, ħlief fejn dawn l-istess dokumenti jesprimu sentimenti pedobattisti. Konvinta mill-valur dottrinali u morali f’dawn id-dokumenti, din il-knisja ħadet ħsieb tittraduċihom għall-ilsien Malti u tippubblikahom għall-gwadann spiritwali ta’ kulħadd.
STQARRIJA TA’ FIDI
Dan li ġej - il-ħames Pilastri tar-Riforma - hu ġabra konċiża tat-twemmin tagħna.
I. Sola Scriptura
19. L-Iskrittura Mqaddsa hi l-Kelma t’Alla miktuba, tikkonsisti minn sitta u sittin ktieb, u ngħatat b’ispirazzjoni plenarja u verbali minn Alla. Il-Bibbja hi r-Rivelazzjoni Divina, propożizzjonali, perspekwa, finali, kompluta, bla żball u infallibbli. L-Iskrittura hi assolutament neċessarja u suffiċjenti għas-salvazzjoni, il-fidi u l-ħajja tal-bniedem, peress li hi l-fehma sħiħa t’Alla għalih. Il-Mulej Alla jorbot il-kuxjenza tal-bniedem u jissuġġetta l-Knisja għall-awtorità assoluta, unika, suprema u finali tal-Iskrittura, liema awtorità tiddependi fuq ix-xhieda tal-Ispirtu s-Santu, l-awtur u l-interpretu tagħha.
II. Soli Deo Gloria
20. Filwaqt li Alla hu traxxendenti u inkomprensibbli, jista’ jkun magħruf verament permezz tar-rivelazzjoni speċjali biss, bl-illuminazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u għalkemm dan l-għarfien hu limitat, huwa suffiċjenti għall-milja tal-għanijiet divini fil-ħajja umana.
21. Alla ħaj u veru huwa esseru personali, spirtu sempliċi, perfett fl-attributi kollha, infinit, indipendenti, immutabbli, etern, omnipreżenti, omnixjenti, tajjeb, imħabba, qaddis, ġust, u omnipotenti.
22. Alla hu Trinità, jiġifieri hu wieħed, u jissussisti fi tlett Persuni - il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu - distinti minn xulxin, b’sustanza waħda indiviżibbli, u ugwali fil-perfezzjonijiet kollha. Il-qima u l-glorja tal-ħlejjaq kollha tistħoqq lilu waħdu.
23. Alla ħalaq kollox mix-xejn, tajjeb u għall-manifestazzjoni tal-glorja tiegħu. L-anġli huma spirti maħluqa. Ix-Xitan u d-demonji rribellaw kontra Alla u jopponuh; iżda huma suġġetti għall-ħakma tiegħu.
24. Adam, l-ewwel bniedem, kien direttament u immedjatament maħluq minn Alla fuq is-sura tiegħu, personali, ħieles mid-dnub, razzjonali, intelliġenti u b’responsabbilta’ morali lejh. In-natura umana tikkonsisti f’ruħ u ġisem.
25. Alla hu s-Sid sovran tal-ħolqien kollu, u fil-providenza għarfa tiegħu jżomm, jidderieġi u jiggverna l-ħlejjaq u l-avvenimenti kollha biex iseħħ l-għan etern tiegħu.
26. Bil-waqgħa fid-dnub, Adam sar ħati, korrott u suġġett għall-korla divina; ġab fuqu u fuq il-ħolqien saħta u frugħa; u fuq l-umanità mnissla minnu, id-dnub, korruzzjoni tan-natura umana, aljenazzjoni minn Alla, u l-għadab tiegħu. Kull bniedem hu għalhekk suġġett għall-miżerji f’din il-ħajja, il-mewt u l-pwieni tal-Infern. Il-bniedem hu depravat totalment għax kull fakolta’ umana, inkluża r-rieda, hi mniġġsa bid-dnub; u filwaqt li jibqa’ aġent morali tant li jaġixxi skond ir-rieda tiegħu, tilef l-abbilta’ li jobdi l-liġi t’Alla jew li jfittex ’l Alla għax qalbu hi mħassra u m’għandux ħila jibdilha.
27. Alla ddigrieta fih innifsu mill-eternità l-ħwejjeġ kollha li qatt kellhom iseħħu, iżda la hu l-awtur tad-dnub u lanqas japprovah; u lanqas ineħħi l-kontinġenza ta’ kawżi sekondarji. Alla ppredestina lil xi wħud għall-ħajja eterna permezz ta’ Ġesù Kristu, bit-taqdis tal-Ispirtu, u bil-fidi fil-Mulej Ġesù, skond l-għan etern u l-grazzja sovrana tiegħu, u mingħajr ebda virtu’ fil-ħlejqa bħala kondizzjoni jew kawża ta’ din l-għażla; għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu u l-faraġ ta’ wliedu. L-oħrajn huma mħollija fi dnubiethom għall-kundanna ġusta tagħhom u l-manifestazzjoni tal-ġustizzja t’Alla.
28. Alla għoġbu jesprimi l-pjan tas-salvazzjoni permezz ta’ patt, irrivelat fl-Evanġelju, l-ewwel lil Adam u mbagħad progressivament sakemm esibih fis-sħiħ mal-miġja ta’ Ibnu fostna; liema patt iserraħ fuq patt etern bejn il-Missier u l-Iben, u li fih l-Iben daħal bħala garanti u kap rappreżentattiv tal-magħżulin.
III. Solus Christus
29. Il-Mulej Ġesù hu l-Iben Uniġenitu t’Alla, natura waħda mal-Missier. Għalina l-bnedmin u għas-salvazzjoni tagħna niżel mis-smewwiet, inkarnat f’ġuf il-verġni Marija bl-Ispirtu s-Santu, u kien magħmul bniedem. Fl-inkarnazzjoni Kristu ma warrab xejn mill-essenza divina. Hu persuna waħda, u jippossiedi natura divina mill-eternità, u assuma natura umana perfetta fl-inkarnazzjoni, u issa jippossiedi ż-żewġ naturi għal dejjem, mingħajr taħlit, bidla, diviżjoni, jew separazzjoni tagħhom.
30. L-Iben hu l-Messija t’Alla, mibgħut biex ikun għall-knisja l-Profeta, il-Qassis u s-Sultan tagħha. Hu voluntarjament ġie fid-dinja u sar ubbidjenti sal-mewt fuq salib għas-salvazzjoni ta’ dawk li tah Alla. Is-sagrifiċċju mdemmi tiegħu kien rappreżentattiv, sostituzzjonarju, vikarju, propizjatorju, rikonċiljatorju u redentiv; seħħ storikament darba għal dejjem fuq il-Golgota u b’ebda mod ma jista’ jiġi mġedded. Bid-debħa tiegħu, Kristu attwalment u realment patta għall-fidwa tal-magħżulin t’Alla, u mhux sempliċament għamel possibbli l-fidwa tal-bnedmin kollha.
31. Mat-tielet jum il-Mulej Ġesù tqajjem fiżikament mill-mewt, u wara li ta provi infallibbli li hu ħaj, kien merfugħ fis-sema u glorifikat fuq il-leminija tal-Missier, fejn qiegħed isaltan, u jwettaq il-medjazzjoni unika bħala l-Paraklitu u s-Sommu Saċerdot kbir ta’ niesu.
IV. Sola Gratia
32. Is-salvazzjoni tal-midneb hi kompletament minn Alla, bil-grazzja tiegħu, fuq il-bażi tal-fidwa miksuba minn Ibnu, u għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu waħdu. Il-bniedem la jista’ qatt jimmerita u lanqas jaħdem għas-salvazzjoni, iżda hu salvat sabiex jaħdem it-tajjeb u jsebbaħ lill-Ħellies tiegħu. Dawk li Alla ppredestina għall-ħajja, fiż-żmien maħtur isejħilhom effettivament bil-Kelma u l-Ispirtu tiegħu mill-mewt għall-ħajja.
33. L-Ispirtu s-Santu hu l-aġent divin u sovran fir-riġenerazzjoni. Kull Kristjan hu mgħammed bl-Ispirtu s-Santu fil-ġisem ta’ Kristu. L-Ispirtu jqaddes u jgħammar fil-fidili kollha u jissiġillahom fil-fidwa tagħhom. Hu jamministra doni lill-aħwa kollha għall-edifikazzjoni tal-knisja. Is-sinjali t’appostlu - għeliem, għeġubijiet u mirakli - flimkien ma’ dawk id-doni tal-Ispirtu lill-aħwa (bħall-ilsna), intemmu meta twettaq l-għan tagħhom.
V. Sola Fide
34. L-indiema u l-fidi huma grazzji inseparabbli, mogħtija minn Alla u dmirijiet umani neċessarji għas-salvazzjoni, maħduma fil-qalb mill-Ispirtu s-Santu mar-riġenerazzjoni. Konvint mill-ħtija, il-periklu u l-inabbilta’ tiegħu, u mill-ħniena t’Alla fi Kristu, il-midneb niedem idur lejn Alla mid-dnub, jitolbu ħniena, u jilqa’ lil Kristu Ġesù Sidu u jafda fih, is-salvatur uniku u suffiċjenti tiegħu.
35. Il-ġustifikazzjoni hi att grazzjuż t’Alla li bih jiddikjara u jqis bħala ġusti lil dawk li jeżerċitaw fidi ħajja fil-Mulej Ġesù, mhux minħabba xi ġustizzja personali li tiġi mil-liġi, iżda minħabba l-ġustizzja li tiġi minn Alla, il-ġustizzja ta’ Kristu magħduda lilhom. Alla ma jgħoddx dnubiethom kontrihom, anzi jqishom ġusti quddiemu għax Kristu, ir-rappreżentant tagħhom, issodisfa kompletament id-domandi kollha tal-liġi divina fuqhom permezz tal-ubbidjenza u s-sagrifiċċju tiegħu nnifsu.
36. Il-liġi t’Alla hi eterna, qaddisa u ġusta. Filwaqt li ħadd mhu ġustifikat bl-opri tal-liġi (ladarba kull bniedem hu midneb), il-liġi tgħarrafna bid-dnub u twassal għand Kristu, il-Ħellies. Il-Kristjan mhux taħt il-liġi iżda taħt il-grazzja, għax il-qagħda tiegħu quddiem Alla mhix ibbażata fuq l-ubbidjenza personali; huwa meħlus mill-kundanna tal-liġi, u aċċettat fi Kristu skond l-imħabba gratwita tiegħu. Madankollu wlied Alla huma suġġetti u ubbidjenti għal-liġi divina għax dan hu l-obbligu ta’ kull bniedem, huma mogħtija qalb ġdida, u huma mmexxija mill-Ispirtu. L-ubbidjenza tagħhom hi espressjoni u xhieda tal-gratitudni u mħabba tagħhom lejn Sidhom.
37. Filwaqt li kull fidil hu pożizzjonalment u definittivament imqaddes għal Alla, l-Ispirtu s-Santu jibqa’ jaħdem fih matul ħajtu biex inaddfu mit-tniġġis tad-dnub, iġedded in-natura kollha tiegħu fix-xbieha tal-Mulej, u biex iwettaq opri tajba. It-tali santifikazzjoni hi aspett vitali tal-fidwa, u kull kredent ġenwin jistqarr id-dnub li għadu jgħammar fih, jissielet kontrih, u bl-Ispirtu jimmortifika l-membri li huma fuq l-art, jipproduċi virtujiet u għemejjel ġusti, u jobdi bil-ferħ il-liġi t’Alla miġbura fil-qosor fl-Għaxar Kmandamenti.
38. Il-perseveranza tal-qaddisin hi dik il-ħidma kontinwa tal-Ispirtu s-Santu biex ikompli u jwettaq sa l-aħħar ix-xogħol tal-fidwa mibdi fihom, u tiddependi fuq l-għażla, l-imħabba u l-qawwa divina. Il-Kristjan jista’ jkun ċertament assigurat f’ħajtu li jinsab fi stat ta’ grazzja u jista’ jithenna fit-tama żgura tal-glorja. Din l-assigurazzjoni infallibbli hi msejjsa fuq il-veraċità tal-wegħdi t’Alla għas-salvazzjoni, l-evidenza ġewwiena tal-grazzji marbuta ma’ dawn il-wegħdi, u t-testimonjanza tal-Ispirtu s-Santu.
39. Wara l-mewt, li hi t-tmiem tal-ħajja fiżika bil-firda tar-ruħ mill-ġisem, kull bniedem għandu eżistenza konxja u eterna. Il-Kristjan jgħaddi immedjatament fil-preżenza tal-Mulej fil-Ġenna. Id-destin etern ta’ kull bniedem hu ffissat irrevokabbilment mal-mewt.
40. Fi żmien magħruf minn Alla waħdu, Kristu għad jirritorna fid-dinja, personalment, fiżikament, viżibbilment u fil-glorja. Għas-sejħa tiegħu l-mejtin kollha jqumu u jidhru quddiemu għall-Ġudizzju skond għemilhom. Il-ħżiena jkunu kkundannati u mitfugħa fl-Għadira tan-nar għall-kastig etern. Il-fidili huma mqajma għall-ġieħ b’ġisem glorjuż bħal ta’ Kristu, salvati mill-għadab permezz tiegħu, jirtu s-saltna mħejjija għalihom u jkunu dejjem mal-Mulej. Il-ħolqien preżenti jinqered u jkun hemm sema ġdid u art ġdida li fihom tgħammar il-ġustizzja.
ADOZZJONI
41. Wara li l-knisja kienet ilha topera mill-11 t’Awissu, 1991, skond il-prinċipji mniżżla f’dan id-dokument u tħaddan it-twemmin mistqarr fih, aħna hawn taħt iffermati, f’isem il-kongregazzjoni kollha, b’unanimità nilqgħuh u naddottawh bħala kostituzzjoni uffiċjali tal-Knisja Evanġelika Trinità, illum it-22 ta’ Novembru, 1997.
GĦELUQ
42. Issa Alla tas-sliem, dak li tella’ mill-imwiet ir-ragħaj il-kbir tan-nagħaġ bid-demm ta’ patt etern, Sidna Ġesù, jiġġostakom f’kull ħaġa tajba ħalli tagħmlu r-rieda tiegħu, u jagħmel fina dak li jogħġob ferm quddiemu permezz ta’ Ġesù Kristu, lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem: Ammen.