L-Ikla tal-Mulej
X’inhi l-Ewkaristija?
L-Ewkaristija hi ordinanza tal-Mulej għad-dixxipli tiegħu; it-tifkira ta’ Kristu, it-tħabbira tal-mewt tiegħu, u s-sinjal tal-unità miegħu u mal-aħwa. Fl-Iskrittura tissejjaħ b’diversi ismijiet:
- Ewkaristija (ringrazzjament) (Mattew 26:26,27)
- L-Ikla tal-Mulej (1 Korintin 11:20)
- It-Tifkira tal-Mulej (Luqa 22:19)
- Il-Komunjoni (l-għaqda, ix-xirka) (1 Korintin 10:16,17)
- Il-Qsim tal-Ħobż (Mattew 26:26,27; Atti 2:42).
Għaliex hi “ordinanza tal-Mulej”?
Għax kien il-Mulej Ġesù li fl-aħħar ċena ordna d-dixxipli jiċċelebraw l-ewkaristija sakemm jerġa’ jiġi lura. “Il-Mulej Ġesù f’dak l-istess lejl li kien ittradut ħa l-ħobż, u wara li radd il-ħajr, qasmu, u qal: ‘Ħudu, kulu, dan hu ġismi, li hu maqsum għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’ Hekk ukoll qabad il-kalċi, wara li kiel, u qal, ‘Dal-kalċi hu r-rabta l-ġdida f’demmi, agħmlu dan, kull darba li tixorbuh, b’tifkira tiegħi.’ Għax kull darba li tieklu dal-ħobż u tixorbu dal-kalċi, tħabbru mewt il-Mulej sakemm jigi” (1 Korintin 11:23-26).
Għaliex hi “għad-dixxipli” ta’ Kristu?
Għax il-Mulej indirizza lid-dixxipli meta ordnalhom jaqsmu l-ħobż u jixorbu l-inbid flimkien b’tifkira tiegħu. Huma biss għandhom sehem mill-ġisem u d-demm ta’ Kristu – “Il-kies tal-barka li aħna nbierku, mhux il-għaqda fid-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li niksru, mhux il-għaqda fil-ġisem ta’ Kristu?” (1 Korintin 10:16). Fil-knisja bikrija, dawk li emmnu l-evanġelju u tgħammdu kienu milqugħa fix-xirka tal-knisja, inkluż fil-ksir tal-ħobż. “Imbagħad dawk li laqgħu l-kelma tiegħu bil-ferħa kienu mgħammdin, u żdiedu magħhom dakinhar madwar tlett elef ruħ. U komplew iżommu sħiħ fit-tagħlim u fix-xirka tal-appostli, u fil-ksir tal-ħobż u fit-talb” (Atti 2:41-42).
Għaliex l-Ewkaristija tissejjaħ “tifkira ta’ Kristu”?
Kristu stess fisser l-Ikla meta qal, “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Fl-aħħar jum mal-appostli, Ġesù ried iħħalilhom rikordju qaddis biex jibqgħu jiftakru fih wara li jmur lura lejn is-Sema. Aħna nemmnu li Ġesù “tela’ fis-smewwiet, u qiegħed fuq il-leminija t'Alla, il-Missier li jista' kollox. Minn hemm għandu jerġa' jiġi biex jagħmel il-ħaqq mill-ħajjin u l-mejtin.” Sakemm jerġa’ jiġi aħna niftakru fih u f’dak li għamel għall-fidwa tagħna, b’ferħ u gratitudni, kull darba li nieħdu sehem mill-Ikla.
Jekk inżommu f’moħħna kif Ġesù stess fisser l-Ewkaristija – “tifkira” – ma nitfixklux biex nifhmu kliemu: “Dan hu ġismi … dan hu demmi.” Mhux diffiċli tifhem x’inkun irrid ngħid jekk nintroduċik ma’ raġel u ngħidlek, “Dan hu missieri.” Lanqas ikun diffiċli tifhem jekk nurik ritratt u ngħidlek, “Dan hu missieri.” Għalkemm użajt l-istess kliem, issa tifhem li r-ritratt hu xebħ u tifkira ta’ missieri. Bl-istess mod, ladarba Ġesù mhux preżenti fiżikament magħna imma jinsab fis-sema minn fejn għad jerġa' jiġi, allura l-ħobż u l-inbid huma t-tifkira tal-ġisem u d-demm tiegħu li kienu mogħtija għalina.
Il-ħobż jibqa’ ħobż; l-inbid jibqa’ inbid – “Għax kull darba li tieklu dal-ħobż … kull min jiekol minn dal-ħobż … ħa jiekol minn dak il-ħobż … ma nixrobx minn dal-frott tad-dielja, sa dakinhar meta nixorbu ġdid magħkom fis-saltna ta’ Missieri” (1 Korintin 11:26-28; Mattew 26:26).
Madankollu, il-ħobż u l-inbid huma qaddisa għax jirraprezentaw il-ġisem u d-demm ta’ Ġesù Kristu. Bħalma nagħtu ġieħ lil bandiera ta’ pajjiżna (għax tirrappreżenta n-nazzjon għalkemm hi sempliċiment biċċa drapp); hekk ukoll nieklu u nixorbu kif jixraq lill-Mulej. Altrimenti inżebilħu l-ġisem u d-demm tal-Mulej li jirraprezentaw. “Għalhekk kull min jiekol minn dal-ħobż, u jixrob dal-kalċi tal-Mulej, mhux kif jixraq, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej …min jiekol u jixrob mhux kif jixraq, jiekol u jixrob il-kundanna għalih innifsu, billi ma jagħrafx ġisem il-Mulej” (1 Korintin 11:27-29).
Għaliex l-Ewkaristija tissejjaħ “it-tħabbira tal-mewt” ta’ Kristu?
L-Iskrittura tgħallimna li, “kull darba li tieklu dal-ħobż u tixorbu dal-kalċi, tħabbru mewt il-Mulej sakemm jiġi” (1 Korintin 11:26). Is-sagrifiċċju ta’ Kristu għall-fidwa tagħhna huwa mxandar bil-kelma (fil-qari tal-Iskrittura, fit-talb, fl-ipritkar) u b’mod speċjali permezz tal-ewkaristija. Meta naqsmu u nieklu l-ħobż, u nixorbu l-inbid, nuru kif Ġesù, l-Iben t’Alla li sar bniedem, ta ġismu għalina, u xerred demmu għall-fidwa tagħna. “Ħudu, kulu; dan hu ġismi li hu maqsum għalikom … dal-kalċi hu r-rabta l-ġdida f’demmi” (1 Korintin 11:24,25).
X’inhi din ir-rabta, jew patt, li Alla għamel magħna li nemmnu fi Kristu? Il-Bibbja tispjega: “Din hi r-rabta li nagħmel magħhom wara dawn il-jiem, jgħid il-Mulej: ‘Inqiegħed il-liġijiet tiegħi f’qalbhom, u f’moħħhom niktibhomlhom; u fi dnubiethom u ħtijiethom ma niftakarx aktar.’ Issa fejn hemm il-maħfra ta’ dawn, m’hemmx iżjed offerti għad-dnub” (Lhud 10:16-18).
Is-sagrifiċċju li bih ksibna l-paċi m’Alla seħħ darba għal dejjem – Ġesù “offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet għal dejjem” (Lhud 10:12), u għalhekk ma nistgħux inqisu l-ewkaristija bħala sagrifiċċju għad-dnub. L-ewkaristija hi l-proklamazzjoni, ix-xandir, it-tħabbira ta’ dak is-sagrifiċċju wieħed li seħħ darba għal dejjem fuq is-salib u li bih dnubietna huma maħfura. Illum “m’hemmx iżjed offerti għad-dnub.”
Għaliex l-Ewkaristija tissejjaħ “il-komunjoni”?
L-Ewkaristija, il-ġabra tal-aħwa mal-mejda tal-ikel, turi u ssaħħaħ ix-xirka, jew komunjoni, li għandna mal-Mulej u mal-aħwa kollha fil-knisja.
Meta nieħdu mill-ħobż u l-inbid nuru li għandna sehem minn Kristu u l-barkiet kollha li kisbilna bis-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib. “Il-kies tal-barka li aħna nbierku, mhux il-għaqda fid-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li niksru, mhux il-għaqda fil-ġisem ta’ Kristu?” (1 Korintin 10:16). Għalhekk, ladarba nagħmlu sehem minn Kristu, fih ukoll insibu l-għaqda bejnietna. “Għax għalkemm aħna ħafna, aħna ħobż wieħed, u ġisem wieħed, għax aħna lkoll għandna sehem minn dak il-ħobż wieħed” (1 Korintin 10:17).
Kif nieħu sehem fl-Ikla?
L-Ewkaristija hi okkażjoni ta’ ferħ u barka għall-poplu t’Alla. Għandna nippreparaw ruħna sew, kif twissina l-Iskrittura: “Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, u mbagħad ħa jiekol minn dak il-ħobż, u jixrob min dak il-kalċi” (1 Korintin 11:28). Jekk tieħu sehem mill-Ikla waqt li f’qalbek tibqa’ tgħożż il-ħażen, tkun qed tistieden il-kundanna u d-dixxiplina tal-Mulej. Id-dnub m’għandux iżommok lura mill-Ewkaristija; l-Ewkaristija għandha tkun okkażjoni biex tindem minn dnubietek u tesperjenza mill-ġdid il-ħniena t’Alla.
L-Ewkaristija hi essenzjalment tifkira; għalhekk aħseb fi Kristu, l-imħabba li wasslitu fuq il-Kalvarju għalina. Ħalli qalbek tingħaqad mal-aħwa fit-talb, tifħir u radd il-ħajr lil Kristu.
Ftakar fil-patt li Alla għamel magħna – ħafrilna dnubietna kollha u tana qalb ġdida, kitbilna l-liġi tiegħu f’moħħna u f’qalbna. L-Ewkaristija hi opportunità biex inġeddu l-impenn tagħna ta’ ubbidjenza lejh.