Prinċipji bażiċi għall-evanġeliżmu fil-familja


Huwa fatt li numru mhux ħażin ta’ Kristjani qed jgħixu f’familja fejn xi membru jew membri mhumiex Kristjani. Dan joffri sfida kbira speċjalment jekk irridu ngħixu f’armonija u unità bejnietna.

Ir-realtà hi li ninsabu għaddejjin fuq żewġ binarji totalment differenti u opposti; naħsbuha b’mod differenti, għandna prijoritajiet u xewqat differenti eċċ. Żball komuni huwa li nistennew imġiba Kristjana minn dawk li mhumiex Kristjani. Teħodhiex bi kbira jekk żewġek jew martek, li mhumiex Kristjani, ma jarawx l-affarijiet kif tarahom int, inkella li l-ġenituri tiegħek jew uliedek, li mhumiex Kristjani, jirraġunaw b’moħħ karnali u mondan u jkollhom attitudnijiet ħżiena.

F’sitwazzjoni bħal din għandna bżonn ħafna sabar u għaqal biex nagħrfu nġibu ruħna sew. Jeħtieġ nitgħallmu ħafna affarijiet speċjalment l-arti tal-kompromess. Sintendi mhux kompromess mal-verità biblika u lanqas mal-ħażen jew mad-dnub, dik qatt! Imma rridu nitgħallmu nkunu flessibbli u lesti nissagrifikaw xi affarijiet għall-imħabba tal-għeżież tagħna, u ż-żamma tal-għaqda u l-ordni fil-familja, mingħajr ma nkunu diżubbidjenti lejn il-kmandamenti u r-rieda t’Alla. Nammettu illi dan mhux dejjem faċli.

Diffikultà komuni oħra meta membru tal-familja mhuwiex kristjan hi li xi drabi wieħed isibha iktar diffiċli jaqsam il-vanġelu mal-membri tal-familja tiegħu milli mal-barranin. Għaliex?

Jista’ jagħti l-każ li billi l-membri tal-familja tagħna huma l-aktar nies li jafuna sew, nippreferu noqgħodu lura milli naqbdu magħhom konversazzjonijiet fuq ħwejjeġ spiritwali għaliex nibżgħu li jittikkettawna bħala ipokriti.
Il-membri tal-familja tagħna, għal kuntrarju ta’ barrani li forsi b’edukazzjoni jżomm lura, ma jaħsbuhiex darbtejn biex jagħtu tweġiba xotta u diretta jew anke ċanfira u korrezzjoni għal dak li ngħidulhom, u dan ukoll jista’ jżommna lura.
Jista’ jkun ukoll illi l-Kristjani jibżgħu mir-riperkussjonijiet li jkollhom iġarrbu riżultat li jkunu qasmu l-vanġelu ma’ xi membru tal-familja tagħhom. Ma’ stranġier tiltaqa’ darba biss f’għomrok, però ma’ membru tal-familja tiltaqa’ ta’ spiss, ġieli kuljum. Jekk diskursata dwar il-vanġelu tmur ‘ħażin,’ it-tensjoni fir-relazzjonijiet fi ħdan il-familja li tinħoloq tista’ tkun skomda ħafna, u allura wieħed jippreferi kif ngħidu aħna ma jdardarx l-ilma b’riżultat li jibqa’ lura milli jevanġelizza.
Kultant ukoll nibżgħu li jekk naqsmu l-vanġelu ma’ xi membru tal-familja nissograw ngħarrqu l-ħbiberija jew relazzjoni li għal snin sħaħ inkunu tħabatna u ħdimmna għalija. Però tajjeb nistaqsu; x’jiswa’ l-iktar, ir-relazzjonijiet jew ħbiberiji (li ovvjament huma ta’ valur u rridu ngħożżuhom u mhux narmuhom bl-addoċċ) jew inkella l-erwieħ eterni u prezzjużi tal-membri tal-familja tagħna? Se nelenkaw fil-qosor numru ta’ prinċipji fondamentali li jistgħu jservu ta’ għajnuniet hekk kif niddeċiedu li b’imħabba, kuraġġ u dipendenza fuq is-setgħa t’Alla naqsmu l-vanġelu ma’ membri mhux konvertiti tal-familja tagħna; kmand li minflok naħarbu minnu jeħtieġ nobduh minkejja kollox. Jekk inpoġġu dawn il-prinċipji fil-prattika indubjament insaħħu l-evanġeliżmu tagħna li spiss ikun fjakk jew inkomplut, jekk mhux ukoll nieqes totalment. Ħafna minn dawn il-prinċipji jgħoddu wkoll għall-evanġeliżmu inġenerali mal-barranin.

1. Kun ċert li għandek testimonjanza personali vera u ġenwina

Jeħtieġ 'tipproklama dak li l-ewwelnett int innifsek smajt, rajt b’għajnejk, osservajt u missejt b’idejk' (1 Ġw 1:1-3). Esperjenza sekondaman mhix biżżejjed u lanqas hi valida. Jekk int innifsek għadek mintix imwieled mill-ġdid u konvertit verament la se jkollok xewqa tevanġelizza u jekk tipprova mhux se jirnexxilek tevanġelizza b’mod effettiv. Tinsiex, il-vanġelu jrid ikun ħakem lilek personalment l-ewwel. Ġesù Kristu jrid ikun sar prezzjuż għalik, is-Salvatur tiegħek, il-Mulej tiegħek, eċċ.

2. Kun ċar dwar fiex jikkonsisti l-vanġelu u kun kapaċi aqsmu b’mod konċiż

Wieħed mill-iktar żbalji komuni fl-evanġeliżmu, anke dak ma’ membri tal-familja tagħna, hu illi nispiċċaw niddibattu u nargumentew magħhom fuq numru ta’ topiks u ma naqsmux magħhom dawk il-veritajiet li jifformaw il-vanġelu. Pereżempju niddiskutu dwar il-quddiesa, Marija, il-purgatorju, il-qrar, jew l-evoluzzjoni, l-omosesswalità, l-abort eċċ. u qatt ma naslu biex naqsmu magħhom il-veritajiet dwar il-qdusija t’Alla, id-dnub u l-ħlas tiegħu, il-ġenna u l-infern, il-korla t’Alla, il-grazzja t’Alla esibita fil-persuna u l-missjoni ta’ Ġesù, il-bżonn tat-twelid mill-ġdid u l-ġustifikazzjoni, xi tfisser l-indiema u l-fidi f’Ġesù eċċ.

Tifhmuniex ħażin, hemm post u lok għall dawk id-diskussjonijiet li semmejt, ċoè għall-apoloġetika imma l-mistoqsija kruċjali hi din: “Qatt qsamt u spjegajt il-vanġelju pur lill-membri tal-familja tiegħek?” Għax wara kollox f’dan jikkonsisti l-evanġeliżmu; fil-preżentazzjoni tal-Mulej Ġesù Kristu, u x-xandir ta’ dawk il-veritajiet relatati direttament max-xogħol imwettaq minnu għas-salvazzjoni tal-bnedmin, bl-għan li n-nies jaslu biex iħallu warajhom dak kollu li fil-passat fdaw fih u jqiegħdu l-fiduċja sinċiera tagħhom f’Alla permezz tiegħu, jilqgħuh f’qalbhom bħala l-Feddej u jibqgħu jservuh bħala s-Sid u Sultan uniku tagħhom fix-xirka tal-knisja tiegħu.

3. Ħa jkun l-eżempju tiegħek dejjem fuq quddiem u jmexxi

Dak li int, tant jgħajjat, li ma jħallix lil ħaddieħor jisma’ dak li qed tgħidlu. Ma nistgħux inkunu dawk it-tip ta’ Kristjani li ngħidu lill-membri tal-familja tagħna l-affarijiet li jmisshom jagħmlu umbagħad aħna nfusna qatt ma nagħmluhom. Ma ninsewx illi l-familja tagħna għajnejhom fuqna biex jaraw kif qed ngħixu, attenti għall-mod kif inġibu ruħna f’sitwazzjonijiet diffiċli, kif nirreaġixxu f’ċirkostanzi li jaħsduna u qed jistudjawna sew biex jaraw jekk l-aġir tagħna jixbaħx lil dak ta’ Kristu, li fih nistqarru li nemmnu u li warajh ngħidu li ninsabu mexjin. Faċli ħafna illi f'ħakka t'għajn bl-imġieba tiegħek iġġarraf dak li tkun bnejt bi kliemek.

4. Poġġi fil-prattika l-imħabba biblika

Fl-evanġeliżmu mal-membri tal-familja tiegħek jeħtieġ timxi dejjem u fuq kollox bl-imħabba biblika, kif inhi spjegata fl-1 Korintin kapitlu 13. Urihom imħabba ġenwina, servihom fid-dar, għinnhom anke meta ma jitolbux l-għajnuna tiegħek, imxi magħhom dak il-mil żejjed.

Wisq probabbli għall-membri tal-familja tiegħek int ‘brainwashed’, iffisat, u ngħaqadt ma’ xi tip ta’ setta stramba jekk mhux ukoll perikoluża. Għaldaqstant it-turija tal-imħabba tiegħek f’għemil prattiku ta’ kuljum iwasslilhom messaġġ iktar qawwi minn kliemek u jsaħħaħ ukoll kulma tkun għidtilhom.

Prova wkoll ftakar illi l-għan primarju li qed tevanġeżlizza mhuwiex biex tirbaħ argument per se, jew biex tikxef l-ereżija u l-iżbalji tagħhom. Ċertament lanqas hu biex turi kemm inti bravu, imma tevanġelizza għaliex imqanqal mill-imħabba li l-Ispirtu ferra' f'qalbek tixtieq sinċerament il-ġid etern tal-persuna li qiegħda quddiemek; dak il-ġid etern li jinsab fi Kristu Ġesù u l-vanġelu tal-grazzja u f’ħadd jew f’xejn aktar.

5. Kun konxju u ddixxerni l-attitudni tagħhom, u tiegħek ukoll

Meta qed tiddilja ma’ membri tal-familja tiegħek jeħtieġ tkun taf meta u jekk humiex lesti biex jitkellmu jew jisimgħu dak li għandek xi tgħidilhom. Mhux dejjem faċli tinduna, però ftakar li hemm żmien biex titkellem u żmien biex tiskot, u allura jeħtieġ tkun sensittiv għall-attitudni tagħhom qabel ma tidħol gass down u tibda’ tevanġelizza mingħajr ebda konsiderazzjoni għall-istat li jinsabu fih. Prova agħmel kollox f’ħinu u f’postu.

Mhux biss, imma importanti wkoll nagħrfu sew l-attitudni tagħna wkoll hekk kif nidħlu f’konverżazzjoni dwar il-vanġelu. Lest tisma’ int ukoll dak li għandhom xi jgħidu? Tinsab trankwil jew nervuż u irritat u allura lest biex tisplodi u taqbad argument jaħraq li akkost ta’ kollox trid tirbaħ biex turi li int għandek raġun? Importanti wkoll teżamina l-motivi wara dak li qed tagħmel għax spiss issib li għandek motivi ħżiena moħbija.

6. Żomm f’moħħok ma’ min qed titkellem

Kultant meta nitkellmu, speċjalment għal dawk li jafuna sew, ninstemgħu qisna robots jew pappagalli nirrepetu b’mod mekkaniku dawk il-veritajiet li nkunu smajna f’xi prietka jew qrajna f’xi ktieb. L-evanġeliżmu tagħna jkun bit-tqanżiħ u xejn spontanju. M’aħniex ‘naturali’ magħhom. Ġieli anke l-vuċi nibdlu.

Importanti żżomm dejjem quddiem għajnejk li min jinsab quddiemek mhuwiex xi barrani, mela tkellimhomx qishom barranin. Jekk se tistaqsi mistoqsijiet, kun int ‘tas-soltu’, tinbidilx u tkun aħrax qisek qed tinterrogahom. Tagħtix l-impressjoni li qisek ma tafhomx, meta fil-fatt tafhom sew. Uża ton u tkellem bl-istess mod li titkellem magħhom f’ħinijiet oħra u fuq suġġetti ‘normail’, għax jekk le jindunaw u jarawk stramb u falz għall-aħħar.

7. Kun sinċier, ċivili u edukat

Uża manjieri tajba għax jekk tkun maledukat b’xi mod timbotta lin-nies minnek. Toqgħodx iddur mal-lewża. Kun sinċier, kun dirett, iva dejjem sensittiv u rispettuż imma toqgħodx tilgħab bil-kliem. Tgħallem kif għandek tibda' konversazzjoni billi tuża frażijijet bħal: “Nista’ naqsam miegħek il-fidi tiegħi fi Kristu?” “Tippermettili nkellemk dwar id-dnub u kif nistgħu nkunu maħfura u nsiru sewwa m’Alla?” “Tixtieq tisma’ dwar it-tama ċerta li għandi għall-futur?” eċċ. Mela tkellem il-verità b’mod edukat u qatt tkun pastaż u arroganti biex mingħalik turi kemm int imħeġġeġ għal Kristu.

8. Ftakar x’inhu postok, u żommu

Żball komuni li bosta Kristjani jagħmlu huwa li jinsew posthom fil-familja, speċjalment meta jiddiljaw ma’ dawk li huma ixjeħ minnhom. Jekk qed tkellem lil missierek jew ’l ommok fuq il-vanġelu ibqa’ urihom ir-rispett li jixraqilhom bħala l-ġenituri tiegħek u mhux tilgħabha li int superjuri għalihom jew li taf iktar minnhom.

Ġenituri, zijiet u nanniet ma tantx jieħdu pajċir li jkunu ‘mgħallma’ minn dawk li huma iżgħar minnhom, iktar u iktar jekk dak it-tagħlim imur kontra dak kollu li jkunu tgħallmu u saħansitra jġarrafilhom kulma kienu qed jistrieħu fuqu tul ħajjithom. Dawn imrobbijin b’diversi ideat; bħal ngħidu aħna li r-reliġjon u l-fehmiet spiritwali huma xi ħaġa privata, u allura ma jitkellmux fuqhom b’faċilità. Kun konxju ta’ dan u imxi bil-għaqal u b’sensittività kbira, hekk kif tippreżentalhom il-vanġelu, u dejjem żomm postok.

9. Itlob għalihom ferventement, ta’ kuljum u ibqa’ ppersevera fit-talb

Qatt ma nistgħu nenfasizzaw biżżejjed l-importanza tat-talb fl-evanġeliżmu. Bl-isforzi tiegħek tiżra’ ż-żerriegħa, bit-talb tiegħek issaqqiha. Bit-talb tiegħek tkun qed turi wkoll li int tiddependi kompletament fuq Alla u l-ħidma tiegħu li jagħti l-frott f’waqtu u li bl-ebda mod m’int tistrieħ jew tafda flisforzi jew ħila tiegħek jew fil-mezzi li wżajt. Irsisti u itlob, itlob u ibqa’ rsisti!

10. Itlob għalik innifsek ukoll

Mhux biss itlob għall-membri tal-familja li mhumiex konvertiti, imma itlob ukoll għalik. Itlob li Alla jagħtik qalb taħraq għas-salvazzjoni tal-mitlufin. Il-ħsieb li l-maħbubin tagħna se jqattgħu eternità fl-infern imissu jservi bħala stimulu qawwi biex ngħelbu kull biża’ u niftħu ħalqna! Nitolbu wkoll li Alla jaħdem fina l-ewwel biex inkunu dak li jridna nkunu; sew jekk fil-familja aħna irġiel jew nisa miżżewġin, ġenituri, nanniet, ulied eċċ.

11. Żomm 'il bogħod mid-dinja

L-effettività tiegħek fl-evanġeliżmu, kif wara kollox jiġri lix-xirka ħelwa tiegħek m'Alla, tgħosfor kompletament jekk titħabbeb mad-dinja u tgħożż il-ħwejjeġ tad-dinja (1 Ġwanni 2:15). Dan ma jfissirx biss li Alla jikkmandak biex ma tkunx involut fi dnubiet ovvji u lampanti imma jfisser ukoll li tkun separat minn dak kollu fid-dinja li l-prinċep tagħha jikkontrolla u b'makakkerija juża' biex jaljenak u eventwalment ibiegħedek minn Alla u mill-ħwejjeġ spiritwali.

Tinsiex li d-dinja kollha qiegħdha fil-Ħażin (1 Ġwanni 5:19), jiġifieri taħt il-kontroll tiegħu. Għandu ħabta jqarraq anke b'numru ta' Kristjani ġenwini u juża' l-affarijiet tad-dinja li jidhru bħala 'innoċenti' jew 'newtrali' imma li finalment iwasslu biex il-persuna ssir għadu t'Alla (Ġakbu 4:4) u allura titlef kull effettività fl-evanġeliżmu u komunjoni miegħu.

12. Kun fornut b’riżorsi li huma teoloġikament korretti biex tgħaddihomlom

Kun preparat u lest biex tissuġġerixxi Bibbji, ‘tracts,’ kotba, prietki, websites, CD's u DVD's għax dawn kollha, kemm-il darba huma teoloġikament u biblikament korretti, jistgħu jkunu wżati mill-Ispirtu t’Alla biex jikkonverti lill-membri tal-familja tiegħek. Toqgħodx lura. Hi ħaġa tal-meravilja kemm nies tul is-sekli jixhdu li kien proprju l-qari ta’ vers jew passaġġ mill-Bibbja, ktejjeb jew tract, jew prietka dak li fil-bidu Alla nqeda’ bih biex fetħilhom għajnejhom għall-qagħda miżerabbli li kienu fiha u għas-soluzzjoni meraviljuża offruta bi grazzja lilhom fi Kristu Ġesù.

13. Kun lest tissagrifika r-relazzjoni biex tirbaħ ir-ruħ tal-membru tal-familja tiegħek

Sidna Ġesù stess qalilna; “Jekk xi ħadd jiġi għandi u ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lit-tfal u lil ħutu subien u bniet, iva, u saħansitra ħajtu stess ukoll, ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. Min ma jġorrx is-salib tiegħu nnifsu u jiġi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi” (Luqa 14:26-27). Jekk tirrifjuta toffi l-vanġelu ma’ membru tal-familja tiegħek għax tibża’ li jiswielek il-ħbiberija jfisser li qed tħobb lilek innifsek aktar milli qed tħobb lilhom. B’dan tkun qed tagħti iktar importanza lir-relazzjoni tiegħek magħhom mir-relazzjoni tagħhom ma’ Kristu Ġesù.

14. Kun konxju li qatt m’int waħdek

Kultant jista’ jkun li tħossok waħdek kontra kulħadd, speċjalment jekk int l-uniku Kristjan fil-familja. Nifhmuk. Però tinsa’ qatt li Ġesù hu r-Ragħaj it-Tajjeb tiegħek. Int ibqa’ miexi miegħu, sus warajh u titbiegħedx minnu, taljenax ruħek biċ-ċuċati tad-dinja imma fittex l-ewwel il-ħwejjeġ tas-sema, u tara kif hu jipprovdilek kulma teħtieġ biex tevanġelizza kif suppost.

15. Qatt ma jmissek tissagrifika l-kontenut tal-vanġelu biex tirbaħ argument jew għal fini ta’ konversazzjoni.

Kulma tgħid lil wieħed barrani fit-triq dwar id-dnub, il-ġudizzju, il-grazzja eċċ trid tkun lest tgħidu wkoll lil membru tal-familja tiegħek. Veru, abbli tgħidu b’mod differenti, però trid tgħidu kollu kemm hu xorta waħda. Il-kontenut tal-messaġġ tiegħek (il-liġi u l-grazzja) jrid jibqa’ l-istess ma’ kull persuna mitlufa minkejja r-relazzjoni li għandek ma’ min hu quddiemek u mhux tnaqqas jew iżżid skont kapriċċik jew biex tingħoġob. Ftakar li l-qawwa ma tinsabx fil-karattru tiegħek imma fil-kontenut tal-messaġġ; fil-vanġelu (Rumani 1:16).

16. Tkunx bla sabar

Nifhmu li abbli int sinċerament imħeġġeġ jekk mhux ukoll iddisprat biex il-membri tal-familja tiegħek jesperjenzjaw dak li inti esperjenzajt, però dan ma jfissirx li tkun bla sabar. Tipprovax tgħid kollox f’darba. Prova kun sensittiv u agħraf jekk il-persuna hiex preparata jew lesta biex tisma’ ċerti ħwejjeġ.

Itlob għall-għerf u biex tkun kapaċi tistenna l-mument t’Alla. Tinsiex li int ukoll qattajt snin twal fid-dlam qabel ma Alla għoġbu jiftaħlek għajnejk u żernaq id-dawl tal-vanġelu.

17. Taqtax qalbek

Ħadd mhu ’l bogħod iżżejjed mill-grazzja t’Alla, jew midneb tant li m’hemmx maħfra biżżejjed għalih. Le, hemm maħfra u grazzja anke għall-agħar midneb. Meta, kif spiss jiġri, membri tal-familja tagħna jirrifjutaw dak li tgħidilhom jew saħansitra jirreżistu l-messaġġ bis-saħħa, taħsibx li kollox mitluf u dik hi l-aħħar kelma. Jista’ jkun li għad jasal jum, Alla biss jaf meta, li jemmnu u jikkonvertu.

Evita wkoll żball komuni ta’ xi wħud li jirraġunaw; “Kellimton diversi drabi fil-passat u issa ddeċidejt li ma nibqax ngħidilhom iktar u se nħallihom f'idejn Alla.” Tagħmel sew li tkun konvint li jrid ikun Alla li finalment isalva lill-membri tal-familja tiegħek u allura tħallihom f’idejh. Però tagħmel żball kbir jekk tieqaf bl-isforzi tiegħek: jekk tieqaf titlob għalihom, tieqaf tkellimhom, tieqaf tgħaddilhom letteratura, tieqaf tistedinhom għal-laqgħat evanġelistiċi. U attent għax dan jista’ jkun sinjal ta’ qtigħ-il qalb, nuqqas ta’ fidi f’Alla, anke suppervja jew kburija spiritwali min-naħa tiegħek.

18. Tinsiex is-sovranità t’Alla fis-salvazzjoni

Kemm iġġib serħan tal-moħħ dil-verità prezzjuża li Alla hu Sovran! Ma nistgħu nagħmlu xejn biex insalvaw lil xi ħadd aħna, jrid ikun Alla li jsalvah, meta u bil-mod li jrid hu. Madanakollu hemm xogħol li jrid isir minna u dak ma nistgħux naħarbu minnu. Alla sejjaħ lilna biex inwasslu l-vanġelu lill-membri tal-familja tagħna u jistenna li nobduh u nibqgħu fidili għal dil-kummissjoni u mhux nabdikaw mir-responsabbilità bl-iskuża li qed inħallu f’idejn Alla.

Konklużjoni

Li Kristjan jgħix fil-familja ma’ persuni li mhumiex konvertiti mhix faċli, però hu possibbli bil-grazzja li jagħtina s-Sid. L-istess jgħodd għall-evanġeliżmu. Filwaqt li tagħmel ħiltek biex tpoġġi dawn il-prinċipji fil-prattika,
  • Tinsa' qatt li l-evanġeliżmu lill-membri tal-familja tiegħek mhux xi opzjoni li tista’ tinvolvi ruħek fih jew le, skont l-aptit. Alla ma jissuġġerilekx imma jikkmandak tevanġelizza. Għalhekk obdih bil-qalb u bil-ferħ.
  • Itlob biex jagħtik il-grazzja kollha li teħtieġ sabiex tirbaħ fuq il-biżgħat tiegħek u tħobbhom sinċerament u iktar milli tħobb lilek innifsek.
  • Tgħannaqx id-dinja jew il-ħwejjeġ tad-dinja, imma tbiegħed minnhom.
  • Kun għaqli, sensittiv, ċar, konċiż fil-preżentazzjoni tal-vanġelu.
  • Dejjem imxi magħhom b’rispett, sinċerità, u safa.
  • Żomm lilek innifsek fuq l-allert, attent għall-opportunità t-tajba li tiġik biex tkellimhom.
  • Preżentalhom il-liġi u l-grazzja bl-umiltà, rispett, sabar u mħabba.
  • Meta tkun għamilt dak li stajt, afda l-isforzi kollha tiegħek kompletament f’idejn Alla Sovran.
  • Itlob u ibqa’ itlob ferventement bla ma qatt taqta’ qalbek minn imqar xi ħadd minnhom. Finalment, jeħtieġ inħallu s-salvazzjoni tal-maħbubin tagħna f’idejn Alla. Irid ikun Alla bil-qawwa u l-grazzja tiegħu li jsalvahom. Li nistgħu nagħmlu aħna hu li nitolbu għalihom, nagħtu xhieda verbali quddiemhom, nagħtuhom eżempju b’ħajjitna u nħobbuhom bl-istess imħabba divina li Alla ħabb lilna.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446