Għajnuniet għal min hu involut fi grupp żgħir
Il-laqgħat fi gruppi zgħar huma utli ferm u ta’ benefiċċju kbir fil-mixja tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu fi sħubija mal-knisja. M’għandhomx jieħdu post il-laqgħat l-oħra tal-knisja, bħal-laqgħa għat-talb u l-istudju tal-Bibbja, aktarx iseddquhom.
Jekk qatt ma kont parti minn wieħed li jiffunzjona kif suppost diffiċli tapprezza l-valur tagħhom u kemm jistgħu jkunu parti importanti fil-ħajja tiegħek. F’dawn il-laqgħat insibu l-post adatt u l-klima ideali fejn nistgħu nkunu aktar ‘trasparenti’ u nixxerjaw b’mod aktar personali d-diffikultajiet u l-barkiet li regolarment nesperjenzaw fil-ħajja ta’ kuljum fil-familja, fuq il-post tax-xogħol eċċ. Fihom aktar faċli tiskopri lilek innifsek milli fi grupp jew laqgħa ikbar. Għandek aktar ċans tistaqsi mistoqsijiet li forsi qatt ma staqsejt qabel, tirċievi feedback u tinolvi lilek innifsek b’mod personali. Affarijiet li fil-laqgħat usa’ ma jistgħux isiru minħabba diversi fatturi prattiċi.
Fi grupp żgħir insiru nafu iktar lil xulxin mill-qrib. Dan jirriżulta fi ħbiberijji u relazzjonijiet isħaħ u iktar ġenwini. Ipoġġi wkoll fuqna responsabbilità biex inkunu kontabbli għal xulxin. Mhux biss, imma nistgħu nkunu ta’ inkuraġġiment, sapport u anke nwiddbu lil xulxin b'iktar effettività. Dan ċertament se jgħaqqadna iktar flimkien u jsaħħaħ l-imħabba ta’ bejnietna. Wara kollox il-knisja trid tkun komunità t’imħabba!
Sintendi, bħal ħafna affarijiet oħra, laqgħat simili għandhom 'perikli' abbinati magħhom, pereżempju ma rridux nispiċċaw niddiskutu u nikkritikaw in-nuqqasijiet fl-andament tal-knisja jew inqasqsu fuq dak u fuq l-ieħor minflok inħarsu lejna nfusna, inkella neqirdu biss fuq il-problemi tagħna eċċ.
Dawn li ġejjin huma xi punti prattiċi li jeħtieġ inżommu f’moħħna, u npoġġuhom fil-prattika, meta fi grupp zgħir nixxerjaw. L-ewwel lista tgħodd għal meta nixxerjaw aħna personali, it-tieni għal meta jixxerjaw l-oħrajn.
Punti utli għal meta tixxerja int
1. Għalkemm hi ħaġa tajba u ta’ inkuraġġiment li kull persuna fil-grupp tixxerja, ma rridux inħossuna ‘sfurzati’ biex nixxerjaw. Lanqas m’għandna nixxerjaw sempliċement biex inkunu għidna xi ħaġa. Avolja huwa tajjeb li ninkuraġġixxu ’l xulxin biex ilkoll nixxerjaw, madanakollu jeħtieġ inħallu lil xulxin fil-libertà u ħadd m’għandu jpoġġi pressjoni, diretta jew fin fin, fuq xi individwu biex dan/din jixxerja, speċjalment jekk dan hu ta’ karattru riżervat jew timidu.
2. Segwi kull struzzjoni jew direzzjoni li tingħata mill-persuna li qed tmexxi l-laqgħa sabiex kollox isir bl-ordni. Pereżempju jekk isir appell biex nibdew il-laqgħa billi naqsmu xi barkiet li rċevejna, kun af li dak mhuwiex il-mument tajjeb li tixxerja id-diffikultajiet jew problemi tiegħek. Tgħallem imxi ma’ dak li jkun qed isir u mhux titlaq tredden biex tgħid tiegħek bla ma tagħti kas xejn u ħadd.
3. Kun ċert/a qabel tibda’ tixxerja. Staqsi lilek innifsek; “Għandi nixxerja dil-ħaġa partikolari, illum, hawnhekk?” Forsi mhuwiex il-waqt u lanqas il-post li tixxerjaha. Jekk hu hekk żomm lura sakemm tkun ċert/a. Ftakar li dak kollu li tgħid se jaffettwa lil dawk preżenti b'xi mod jew ieħor.
4. Ixxerja dak li l-iktar qed jaffettwak fil-preżent, dak li qed ifixklek jew li qed ikunlek ta’ barka bħalissa. Dejjem staqsi lilek innifsek; “X’għandi nixxerja?”
5. Ftakar li hemm ċertu affarijiet li m’għandek qatt tixxerjahom fi grupp bħal dan jew waqt laqgħat bħal dawn. Abbli jkunu irrelevanti jew iridu jkunu xxerjati mal-pastor jew xi ħadd ieħor privatament.
6. Iċċekkja li l-motivi tiegħek għala qed tixxerja huma tajbin: jiġifieri biex tedifika u tkun edifikat/a. Għandna ħabta, bl-iskuża li nixxerjaw, illi ngħaddu informazzjoni biex l-oħrajn jaraw ‘l-għemejjel tajba tagħna’ u jfaħħruna. Staqsi lilek innifsek; ‘Il-għala qed nixxerja din il-ħaġa partikolari, biex niftaħar u nuri kemm jiena spiritwali, jew forsi biex l-oħrajn jitħassruni?’
7. Evita li ssemmi dettalji bla bżonn, speċjalment dawk ta’ natura intima. Staqsi; ‘Safejn u kemm imissni nixxerja?’ Dettalji żejda jħawwdu lil dawk li qed jisimgħuk u ma jgħinuhomx jifhmu s-sitwazzjoni preżenti li tinsab fiha.
8. Kun konċiż u ejja għall-punt. Ipprova għid dak li għandek bżonn tgħid fil-qosor kemm jista’ jkun mingħajr ma toqgħod iddur mal-lewża jew iġġibha fit-tul. B’hekk tkun ukoll qed tagħti ċans u opportunità lil ħaddieħor biex anke hu/hi jkollha l-ħin tixxerja. Pereżempju biżżejjed tgħid li t-tfal għejjewk u tħossok frustrata u m’hemmx għalfejn tirrakkonta kulma qed jagħmlu minn xħin iqumu sakemm jorqdu fid-dettall.
9. Meta tixxerja pprova indirizza lil kull membru preżenti, billi tħares lejhom kollha, u mhux tkellem biss lill-koordinatur jew lil żewġ individwi oħra biss. Tinjora ’l ħadd speċjalment lil dawk li huma xi ftit aktar kwieti jew riżervati mill-oħrjan.
10. Qatt tixxerja l-problemi ta’ martek / żewġek jew issemmi d-dnubiet partikolari tiegħu / tagħha lill-membri tal-grupp, speċjalment jekk it-tnejn li intom parti mill-kongregazzjoni. Aktarx dejjem ikkonċentra fuq id-diffikultajiet jew dnubiet tiegħek.
11. Kun af meta għandek tieqaf; għid li għandek tgħid umbagħad iskot.
12. Tibżax tistaqsi mistoqsijiet speċifiċi lil dawk preżenti. Pereżempju; “Qed nissielet ma’ din it-tentazzjoni partikolari, hawn xi ħadd li għandu xi ħsieb kif nista’ ngħelibha?’ jew “Kif se jirnexxieli nibda nitlob kuljum?’ jew ‘Kif inkun naf ir-rieda t’Alla f’din is-sitwazzjoni partikolari?’
13. Meta tingħata xi parir, kun għaqli u ddixxerni qabel ma tpoġġih fil-prattika. Għalkemm kulħadd sinċier fl-isforzi biex jgħinuk, mhux kulħadd ikollu raġun. Tgħallem kif tevalwa dak li qed jingħad u tkunx impressjonat b’min jew b’kif qed jingħad. Dejjem evalwa l-pariri li tingħata ma’ dak li hemm mgħallem fil-kelma skritturata, il-Bibbja.
14. Tistennix iżżejjed. Taħsibx li wara li tkun ixxerjajtspeċjalment xi ħaġ li għalik hi verament importanti, dejjem se jkollok is-simpatija tal-oħrajn jew li se jifhmuk kompletament. Tkunx diżappuntat/a jew skoraġġut/a jew tiddeċiedi li ma terġax tixxerja jekk dawk preżenti ma jurux l-istess sentimenti qawwija ( ta’ dwejjaq u / jew gratitudni, ferħ) li qed tesperjenza int.
Għajnuniet għal meta jixxerja ħaddieħor
1. Ftakar li f’laqgħa bħal din kull membru hu f’pożizzjoni li joffri inkuraġġiment, korrezzjoni eċċ mhux biss il-koordinatur jew dawk il-membri l-iktar ‘esperjenzati’ fil-ħwejjeġ spiritwali. Ilkoll nistgħu nitgħallmu u ngħallmu lil xulxin.
2. Isma’ b’attenzjoni, uri interess ġenwin lejn dak li qed jingħad. Uri li jimportak verament u li dak li qed jingħad hu importanti għalik billi ssegwi b'attenzjoni.
3. Tinterrompix lil xi ħadd li qed jixxerja f’nofs sentenza imma għatih/a ċans tispiċċa (sakemm m’intix il-persuna li qed tmexxi l-laqgħa u xi ħadd qabad ilalblad bla kontroll u qed jieħu l-ħin kollu għalih). Iktar ma tagħti ċans lill-persuna tispjega sew, u aktar ma int isma', aktar se tifhem.
4. Tħossokx ansjuż iżżejjed jew taħt pressjoni bla bżonn li bilfors trid dejjem toffri soluzzjoni jew tagħti parir, gwida jew direzzjoni għal kull ħaġa. Dan jgħodd ukoll, anzi speċjalment, għal min qed jikkoordina.
5. Agħmel l-almu tiegħek biex tipprova tifhem verament dak li qed jingħad, ċoè dak li l-persuna qed tipprova tgħid lilek u lill-grupp. Ġieli persuna, minħabba diversi raġunijiet, ma tixxerjax direttament dak li verament qed itaqqalha imma tagħti biss ħjiel jew indikazzjonijiet u allura int trid tkun attent/a biex tipperċepixxi x’inhi l-qalba tad-diffikultà, x'qed tipprova tgħid.
6. Ikkontrolla lilek innifsek u evita reazzjonijiet ovvji bla bżonn u espressjonijiet fil-wiċċ li juru li int ixxokkjat jew maħsud eċċ. speċjalment meta xi ħadd jixxerja xi ħaġa li ma kontx qed tistenna, iwieġeb xi mistoqsija b'mod skorrett jew jagħmel xi kumment li hu teoloġikament żbaljat.
7. Wara li xi ħadd ikun ixxerja tgħallem kif tpoġġi mistoqsijiet pertinenti bħal; 'X'taħseb li qed jgħallmek Sidna minn dan kollu?' jew, 'Il-Kelma t'Alla kif tridek iġġib ruħek f'sitwazzjoni bħal din?' jew ‘Allura kif nista’ nkun ta’ għajnuna għalik?' Evita li tistaqsi mistoqsijiet 'ħżiena,' pereżempju biex sempliċement titkixxef dwar sitwazzjonijiet jew persuni, jew biex taqta' l-kur'ità dwar xi ħaġa, eċċ
8. Żomm widna waħda miftuħa għall-persuna li qed tixxerja u oħra għal Alla. L-Ispirtu s-Santu jista’ jfakkrek f’xi skrittura li jekk fil-mument opportun tixxerja tkun ta’ faraġ, għajnuna, direzzjoni eċċ għal min qed jixxerja.
9. Jekk xi ħadd jixxerja sitwazzjoni identika jew simili għal dak li għaddejt minnha int fil-passat, kun konxju/a li b’mod speċjali int tista’ tkun ta’ għajnuna. Aqsam l-esperjenza tiegħek fil-qosor, speċjalment dak li lilek għinek biex tgħeleb id-diffikultà jew issolvi l-problema. Sintendi l-ebda żewġ sitwazzjonijiet tal-ħajja, għalkemm jistgħu jkunu simili, qatt mhuma identiċi mija fil-mija.
10. Tagħtix l-impressjoni li int kapaċi, jew suppost tgħin lil kulħadd f’kull sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha jew li trid bilfors twieġeb kull mistoqsija li titressaq. Lanqas tipprova tagħmel dan. Agħraf il-limitazzjonijiet tiegħek u tgħallem irreferi lil dak li jkun għand persuni iktar kompetenti minnek.
11. Wara li xi ħadd ikun ixxerja, sew ħwejjeġ pożittivi kif ukoll negattivi, tistmax jew tiddisprezza skont dak li smajt, u lanqas itella’ jew tniżżel lill-individwu fuq ‘is-sellum’ spiritwali tiegħek abbażi taċ-ċirkostanza preżenti li għadhom kif issemmew.
12. Qis li qatt ma tirrepeti dak li tisma’ waqt il-laqgħa mal-oħrajn, speċjalment barra mil-laqgħa. Dejjem żomm il-konfidenzjalità. Evita tiddiskuti dak li kien ixxerjat fil-laqgħa ma’ membri oħra fil-knisja billi ħafna drabi dan iwassal biss għat-tqasqis fieragħ, avolja tipprova tiskuża lilek innifsek billi tgħid li qed ‘tixxerja spiritwalment’ dwar il-persuna, jew biex jitolbu għalih/a.
14. Itlob qabel, waqt u wara l-laqgħa, speċjalment dwar dawk is-sitwazzjonijiet partikolari li ġew ixxerjati waqt il-laqgħa, sew jekk kienu diffikultajiet u tiġrib kif ukoll jekk kienu barkiet.
15. Kun ċert/a li titlaq minn kull laqgħa u tieħu ‘xi ħaġa’ lura miegħek id-dar. ‘X’nista’ nitgħallem min dak li ġie xxerjat?’ ‘Xi jmissni nevita?’
Konklużjoni
Mela, ħalli napprezzaw il-laqgħat fi gruppi żgħar u nkunu involuti fihom jekk m'aħniex. Ejjew nattendu għal kull laqgħa b'fedeltà u nipparteċipaw b'mod attiv.
Fuq kollox ħa nsegwu dawn il-linji gwida. B’hekk kollox isir b’iktar ordni u kull laqgħa sservi għall-edifikazzjoni u l-avvanz spiritwali ta’ dawk kollha preżenti u t-tisħiħ tal-knisja, għall-akbar glorja t'Alla l-Missier u Sidna Ġesù Kristu.