L-għaxar kmandamenti


Il-Kmandamenti fil-qosor

L-Għaxar Kmandamenti (Id-Dekalogu, Dewteronomju 4:13) insibuhom f’Esodu 20 :1-17 u Dewteronomju 5 :6-21. Din il-lista hi sommarju tagħhom.
  1. Ma jkollokx allat oħra quddiemi.
  2. La tagħmel għalik ebda xbieha minquxa, la tmilx quddiemhom u la tqimhomx.
  3. La ssemmix isem il-Mulej fil-batal.
  4. Ftakar f’jum is-Sibt biex tqaddsu.
  5. Weġġaħ lil missierek u lil ommok.
  6. La toqtolx.
  7. La tikkommettix adulterju.
  8. La tisraqx.
  9. La tgħidx xhieda giddieba.
  10. La tixtieqx ħwejjeġ tal-oħrajn.
X’jgħallmuna l-Kmandamenti
  1. 'Ma jkollokx allat oħra' jgħallimna nqimu lil Alla biss.
  2. 'La tagħmel ebda xbieha' jgħallimna nqimuh fl-ispirtu u s-sewwa, u biex naħarbu l-idolatrija.
  3. 'La ssemmix isem il-Mulej fil-batal' jgħallimna nistmaw b'reverenza l-isem t'Alla.
  4. 'Ħares Jum is-sibt' jgħallimna biex niddedikaw l-ġurnata tal-mistrieħ lill-Mulej.
  5. 'Weġġaħ lil missierek u lil ommok' jgħallimna nirrispettaw u nobdu lill-ġenituri tagħna.
  6. 'La toqtolx' jgħallimna ngħożżu u nħarsu l-ħajja umana.
  7. 'La tikkommettix adulterju' jgħallimna nkunu safja fil-qalb, fid-diskors u l-imġieba tagħna, u fidili fil-patt taż-żwieġ.
  8. 'La tisraqx' jgħallimna nkunu onesti.
  9. 'La tgħidx xhieda giddieba' jgħallimna ngħidu l-verità u nħobbu l-ġustizzja.
  10. 'La tixtieqx ħwejjeġ tal-oħrajn' jgħallimna nkunu kuntenti b'dak li jipprovdielna Alla.
Ħames ċwievet

Dawn il-ħames fatti huma bħal ċwievet li jiftħulna r-rikkezzi tal-10 kmandamenti.
  1. L-10 kmandamenti jirriflettu l-karattru t’Alla. (eż. La tgħidx xhieda giddieba hu mibni fuq il-fatt li Alla hu l-verità u perfettament ġust).
  2. L-awtorità sħiħa tagħhom għadha tgħodd sal-lum. (eż. Is-serq u l-gideb kienu, għadhom u jibqgħu moralment ħżiena).
  3. L-10 kmandamenti kienu ddisinjati għal dawk li jemmnu u mhux biss għall-midinbin. (Ninnotaw li l-Mulej ta l-kmandamenti lil Israel, il-poplu t’Alla).
  4. Kull wieħed mill-10 kmandamenti jkopri familja sħiħa ta’ dnubiet. (eż. La tgħidx xhieda giddieba jkopri kull forma ta’ gideb u qerq).
  5. L-10 kmandamenti, għalkemm huma espressi f’forma negattiva jinkludu wkoll virtujiet pożittivi opposti. (eż. La toqtolx ifisser ukoll li għandna ngħożżu u nħarsu l-ħajja umana).
L-Użu tajjeb tal-kmandamenti
  • Aħna obbligati nobdu l-kmandamenti għax Alla hu s-Sid u l-Feddej tagħna.
  • Il-kmandamenti juruna li aħna kontabbli, midinbin u ħatjin quddiem Alla.
  • Il-kmandamenti ma jsalvawniex; ikun żball fatali jekk tipprova tobdi l-liġi bl-iskop li tkun ġġustifikat quddiem Alla b'għemilek. Ġesù Kristu waħdu jsalvana, permezz tal-fidi fih, u mhux bl-opri tal-liġi.
  • Meta nobdu l-kmandamenti nuru li l-konverżjoni tagħna hi ġenwina u nesprimu l-imħabba tagħna lejn Alla.
  • Il-kmandamenti huma sillabu prattiku għall-qdusija; l-Ispirtu s-Santu jgħinna biex inwettquhom.
  • Meta nobdu l-kmandamenti jkun ta’ ġid għalina u għall-oħrajn.
  • Ikun ta’ dannu għalina jekk ninjoraw il-kmandamenti t’Alla: la jkollna u lanqas ingawdu assigurazzjoni, Alla ma jużaniex b’mod effettiv, ma nesperjenzawx talb mismugħ, inkunu bla saħħa fit-tiġrib, u nġibu fuqna d-dixxiplina tal-Mulej.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446