Kif qed nilqgħu lil dawk li jiġu fostna?



Ġieli dħalt fil-bini tal-knisja u nnotajt li kien hemm xi ħadd li ġie għall-ewwel darba? Forsi tkun familjari miegħu jew magħha inkella jista’ jkun li qatt ma tkun rajtu f’għomrok. X’se tkun ir-reazzjoni tiegħek u kif se ġġib ruħek miegħu? Nittama li m’intix daqshekk passiv u indifferenti illi tqis dil-ħaġa daqslikieku xejn jew ma jimportakx u tibqa’ għaddej/ja bħas-soltu. Għall-kuntrarju nispera li tifraħ b’ferħ spiritwali u fik titqanqal xewqa li trid tagħti merħba ġenwina lill-individwu/i. Ftakar illi ġemgħa ta’ Kristjani trid tkun akkoljenti u turi ospitalità għaliex b’hekk tkun qed tirrifletti l-karattru t’Alla Trinità li jilqa’ għandu l-bnedmin, anke l-agħar midinbin, b’idejh miftuħa. 

Mela, kif imissna nġibu ruħna ma’ dawn il-persuni li jiġu fostna? L-ewwel darba li attendejt fost ġemgħa ta’ Kristjani Evanġeliċi ħassejt li kont milqugħ bl-iktar mod insensittiv possibbli. L-individwu li ‘laqgħani’ jew ma kienx jaf inkella ma kienx jimportah biżżejjed biex iġib ruħu miegħi b’mod sew. Ibbumbardjani b’mistoqsijiet dwar it-twemmin tiegħi, faqagħli moħħi b’argumenti kontra xi prattiċi spiritwali li semmejtlu. Ikkoreġa kulma bdejt naqsam miegħu bi kwotazzjonijiet mill-Bibbja u argumenti, u dan mhux b’xi spirtu manswet jew umli imma aktarx b’superjorità spiritwali, kondixxendenza u saħna tar-ras. Insomma niftakar li tlaqt minn hemm konvint li ma kontx se nerġa’ nirritorna. Fil-fatt li mhux għall-grazzja u l-pjan sovran t’Alla ċertament ma kontx se nerġa’ nersaq lil hemm. 

Minflok għajnuna dan l-individwu seta’ serva ta’ għodda f'idejn Satana u ostaklu serju fil-mixja tiegħi biex ningħaqad ma’ ġemgħa ta’ fidili. Dakinhar tgħallimt waħda mill-ewwel lezzjonijiet kif ma jmissnix nilqa’ persuna li tiġi għall-ewwel darba fostna. Mal-mgħodija taż-żmien innotajt diversi aħwa li wkoll żbaljaw fil-mod li taw merħba, u jkolli nammetti illi anke jien għamilt numru ta’ żbalji. Minn dawn dejjem tgħallimt dak li m’għandiex nagħmel kif ukoll xi jmissni nagħmel biex nagħti merħba xierqa. 

Nixtieq naqsam magħkom lista ta’ xi ftit minn dawn l-iżbalji sabiex nevitawhom, kif ukoll ftit suġġerimenti pożittvi u prattiċi li jmissna nħaddmu sabiex inkomplu nikbru u nsiru ġemgħa li tabilħaqq tilqa’ lil kulmin jiġi jżurna u li bl-ebda mod ma nservu ta’ tfixkil għal xi ħadd. Sintendi dawn mhumiex xi 'kmandamenti' u mhux kollha japplikaw għal kull individwu jew sitwazzjoni. Pereżempju irridu nagħmlu differenza bejn il-barranin minn pajjiżi oħra li jiġu darba jew darbtejn u Maltin li jiġu b’possibilità li jingħaqdu magħna bħala membri attivi. Għaldaqstant irridu neżerċitaw l-għaqal u d-dixxerniment fl-applikazzjoni tagħhom.

Żbalji li jmissna nevitaw 

  1. Titfax l-attenzjoni tal-ġemgħa b’mod pubbliku fuq persuna li ġiet l-ewwel darba. Mhux kulħadd l-istess, u hawn min hu timidu u jkun jixtieq l-art tibilgħu jekk pereżempju tipponta lejh u tgħidlu biex jintroduċi lilu nnifsu eċċ. Sebgħin fil-mija ta’ dawk li jattendu għall-ewwel darba jirrispondu b’mod negattiv jekk ikunu identifikati pubblikament b’dal-mod. Biżżejjed li jsir avviż fejn tingħata merħba ġenerali lil dawk kollha li ġew għall-ewwel darba. Evita wkoll li titlob pubblikament għall-persuna li ġiet l-ewwel darba, sakemm din ma tkunx urietek ix-xewqa hi qabel il-laqgħa.
  2. Tibdiex il-konverżazzjoni tiegħek fuq punti teoloġiċi, pereżempju tistaqsix, “Int Kattoliku jew Evanġeliku?’ jew ‘int Kalvinist jew Arminjan?’ eċċ. Ftakar li quddiemek għandek raġel jew mara, missier jew omm, student eċċ; ċoè persuna maħluqa fuq xbieha t’Alla mhux xi ħadd b’tikketta ta’ Kattoliku, Pentekostali eċċ. Jekk l-individwu juri x-xewqa u jibda’ jitkellem fuq suġetti bħal dawn kompli miegħu imma tkunx int li mill-ewwel taqbad dibattitu teoloġiku.  
  3. Tiddominax il-konverżazzjoni int u tispiċċa tredden biss int bla ma tagħti ċ-ċans lil dak li jkun ifendi mqar kelma waħda. Ikkontrolla lsienek u l-emozzjonijiet tiegħek. Isma aktar milli titkellem.
  4. Jekk trid tistaqsi mistoqsijiet, staqsi waħda tipo: ‘X’kien li ġabek hawn?’ jew xi mistoqsija pertinenti fuq dak li jkun sar fis-servizz (jekk qed titkellem wara li jkun spiċċa s-servizz). Tgħallem kif tistenna t-tweġiba sħiħa mhux immedjatament li tistaqsiha terġa tgħid xi ħaġa oħra jew tpoġġi xi mistoqsija oħra bla ma tagħti ċans lil dak li jkun jispiċċa. Meta mbagħad iwieġbek, tħossokx obbligat li bilfors trid tirribatti xi tweġiba li jidhirlek hi skorretta jew mhux eżatta. Iġġibx ruħek ta' Inkwiżitur!
  5. Jekk tara li hemm xi ħadd, jew tnejn, diġà qed ikellmu lill-individwu ġdid stenna qabel tmur int ukoll. Ħa ma niffollawx ilkoll fuq persuna waħda u noħonquha, iktar u iktar jekk kull wieħed minna jispiċċa jgħid tiegħu.
  6. Meta ssib ruħek wiċċ imb’ wiċċ ma’ xi ħadd ġdid toqogħodx tiċċassa lejn xi ħaġa evidenti fil-persuna quddiemek. Forsi għandu tpinġija, misluta f'imnieħru, ilbies stramb, xi difett fiżiku  ovvju eċċ.
  7. Xi ħadd darba mar fuq persuna li ġiet l-ewwel darba u qalilha li kienet bilqiegħda fil-post tiegħu u jekk jistax iqum u jsib post ieħor! Nispera li ħadd minna ma jirrepeti dan l-iżball.

Imġiebiet li jmissna nipprattikaw

Insemmi ftit affarijiet pożittivi li lkoll nistgħu nipprattikaw ma’ dawk li jattendu għall-ewwel darba, u anke għat-tieni u t-tielet! B’hekk inkunu qed nagħmlu ħilitna sabiex nilqugħ lill-barranin kif suppost.
  1. Anke jekk int persuna timida u ta’ ftit kliem ċertament kapaċi tmur fuq xi ħadd ġdid u bi tbissima sinċiera mqar tgħidlu ‘merħba’. Jekk le, allura onestament ma nafx kif qatt se tgħeleb attitudnijiet jew tentazzjonijiet iktar gravi f’ħajtek! Taħsibx li min hu ġdid ma jinnotakx li lanqas biss indenjajt ruħek tilqgħu, mela agħmel sforz u bl-għajnuna t'Alla tgħeleb kull mistħija, timidezza jew apatija li żżommok milli tagħti merħba sempliċi.
  2. Ibda’ billi tintroduċi lilek innifsek. Kompli billi ssir af lil dak li jknu; ismu, minn fejn hu, x’jagħmel eċċ. ’Il quddiem, jekk Alla jrid, ikollok ċans tapprofondixxi r-relazzjoni fuq ħwejjeġ spiritwali.
  3. Jekk wasalt qabel beda s-servizz għin lil dawk ġodda jsibu posthom, ara jixtiequx xi bela ilma jew kafè. Agħtihom l-informazzjoni bażika dwar in-Nursery jew jekk barranin provdilhom il-headphones eċċ. 
  4. Jekk il-persuna ssemmielek esperjenzi passati koroħ jew weġgħat li kellha f’ġemgħat oħra, jew ma’ individwi partikolari, tkomplix magħha jew taqbad tirrakkonta l-esperjenzi koroħ tiegħek.  Ma jedifikax anzi jwassalkom it-tnejn għad-dnub tat-tqasqis. Dan żball komuni fostna. Jekk l-individwu jaqbad fuq hekk uri interess sinċier fl-esperjenzi u empatija imma pprova gwidah lejn il-preżent u l-pożittiv u lejn dak li Alla għandu mħejji għalih. 
  5. Introduċi lill-individwu ma’ xi membri oħra tal-kongregazzjoni speċjalment mal-pastor.
  6. Ikkunsidra li toffri ġentilment xi tract jew ktejjeb lil dak li jkun qabel jitlaq. 

Eżortazzjoni finali

Xi knejjes japplikaw dik li nsejħulha r-regola ta’ ‘tlett minuti’; jiġifieri ma jmorrux jitkellmu mal-membri tal-kongregazzjoni li jafu, u lanqas jintilfu f'attività relatata mal-knisja bħal tindif eċċ, għall-ewwel 3 minuti wara li jispiċċa s-servizz – tipikament it-tul ta’ ħin biex persuna ġdida titlaq – biex jekk hemm xi ħadd li ġie l-ewwel darba jagħtuh merħba. L-aħwa, ma tkunx idea ħażina kieku aħna wkoll napplikaw din ir-regola ma’ dawk li jiġu jżuruna għall-ewwel darba. 

Għeżież qis li ħadd minnha ma jinjora persuna li tiġi żżurna. Ma ninsewx, ilkoll imsejħin biex nilqgħu lill-barranin, mela ħa nkunu ospitali lkoll. Tkun ħasra jekk il-Mulej regolarment jibgħat nies u minħabba n-nuqqas ta' akkoljenza ta' ħafna minna dawn ma nerġawx narawhom.  

Mela, ħa neżaminaw lilna nfusna biex naraw fejn qed nonqsu u x’jeħtieġ li jinbidel fl-attitudnijiet u l-imġieba tagħna ma’ dawk li jiġu jżuruna. Veru Alla jaf jieħu ħsieb lil dawk li huma tiegħu, imma dan ma jnaqqasx mir-responsabbilità tagħna li mhux biss ma nkunux ta’ tfixkil imma aktarx inservu ta’ għajnuna u inkuraġġiment għal dawk l-erwieħ prezzjużi kollha li Sidna jogħoġbu jibgħat fostna.   

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446