Kif nuri simpatija ma' min qed ibati?
Sakemm għadna f'did-dinja lkoll kemm aħna, xi darba jew oħra, ikollna nesperjenzaw xi forma ta' tbatija. Minn dan tista' tkun żgur: Jew batejt, jew qed tbati, jew se tbati.
Din it-tbatija tista' tkun varjata sew fil-forma kif ukoll fit-tul tagħha. Għaldaqstant aħna li nġibu l-isem ta' Kristjani, fuq l-eżempju u l-kmand ta' Sidna, jeħtieġ nuru simpatija ma’ min qed ibati. Jekk nindunaw, u jalla nkunu attenti mhux aljenati jew ħajjitna ddur biss magħna nfusna, li xi ħadd qed ibati ma nistgħux nibgħu passivi jew indifferenti. Lanqas imissna noqgħodu lura bi skuża li rridu nirrispettaw il-privatezza tal-persuna. Ma ninsewx li aħna komunità ta' imħabba, u għaldaqstant meta membru wieħed iweġġa' l-membri l-oħra jridu jinfaxxawh. Jeħtieġ induru b'xulxin, 'nerfgħu t-toqol ta’ xulxin' (Gal 6:2), u mhux kulħadd ifendi għal rasu. Għal dan l-għan ukoll Missierna ġabna flimkien.
Hemm diversi modi kif nistgħu nuru simpatija ma' min qed ibati. Dawn li ġejjin 7 suġġerimenti li jgħinuna. Mhux bilfors tagħmilhom kollha f'darba waħda fl-ordni li qegħdin. Uża d-dixxerniment u s-sens komun u applikahom b'sensittività kbira. Agħraf ukoll il-mument opportun meta għandek tpoġġi wħud minnhom fil-prattika, speċjalment dawk li jinvolvu l-qsim ta' xi vers mill-Kelma t'Alla jew xi verità dwar Alla, it-tbatija eċċ.
- Iskot. Uża s-silenzju. Kultant tgħanniqa sinċiera, għafsa tal-idejn, taptipa fuq l-ispallejn, ħarsa simpatetika biżżejjed.
- Kun magħhom. Il-preżena tiegħek ‘titkellem b’vuċi għolja’
- Isma’ b'attenzjoni x’għandhom xi jgħidulek. Agħtihom il-ħin jispjeawlek minn xiex għaddejin. Attent/a titfix l-istorja tagħhom b’tiegħek.
- Agħtihom il-wisa’ jiżbaljaw fis-sens li jesprimu d-dubji dwar Alla, l-għejja, in-niket li qed jesperjenzaw. Ippermettilhom ibatu għal mument b'mod imperfett.
- Itlob magħhom – u għalihom. Ħu fuqek l-impenn li titlob għalihom regolarment.
- Offrilhom u agħtihom għajnuna prattika skont iċ-ċirkostanzi partikolari li jinsabu fihom. Il-Kristjani f'Antjokja eżempju tajjeb ta' kif inġorru t-toqol ta' xulxin b'mod prattiku (Atti 11:27-30).
- Agħtihom tama. Kelmtu tama għal dawk kollha li qed ibatu.
- Fakkarhom f’Alla Trinità. Fil-karattru meraviljuż tal-Missier u tal-Iben, fil-mod li fil-passat l-Ispirtu s-Santu ħadem fil-ħajja ta’ niesu u tagħhom ukoll u kif ċertament jinsab attiv ukoll fihom anke f'daż-żmien.
- Fakkarhom fil-wegħdiet ta' Alla speċjalment dawk li jitkellmu dwar il-qrubija tal-preżenza tiegħu magħna il-jiem kollha, il-protezzjoni ċerta u soda tiegħu, il-premju kbir u l-wirt meraviljuż li hemm merfugħ għalina fil-ġenna. X'differenza tista' tagħmel għal xi ħadd li għaddej mit-tbatija meta pereżempju tgħidlu jew tgħdilha; "il-Mulej Ġesù jinsab miegħek," (Mattew 28:20) jew, "il-Mulej żgurament mhux se jħallik, lanqas qatt mhu se jabbandunak" (Ġożwè 1:5, Ebrej 13:5).
- Fakkarhom li t-tbatija mhix fiergħa imma hija waħda mill-mezzi li Alla juża’ biex jimmaturana u jibdilna fix-xbieha ta’ Kristu (2 Korintin 1:8-9).
- Fakkarhom fl-għajnuniet li Alla provdielom għal żmien bħal dan.
- Fakkarhom li t-tbatija b'ebda mod mhi se tisraqilhom lil Kristu jew tisseparahom minn m’Alla (Rum 8:35-39).
- Fakkarhom li t-batija għad tgħaddi u wara d-dlam għad ifeġġ id-dawl.