Meta għandi jew m'għandix nitlaq minn knisja?
Sidna Ġesù ddisinnja ‘dar’ jew familja għal niesu: il-knisja. Sfortunatament għadek tiltaqa’ ma’ xi Kristjani li għadhom mhumiex konvinti mill-bżonn ta’ sħubija fi knisja lokali u oħrajn iqattgħu snin mingħajr ma jikkommettu ruħhom. Forsi ma jafux, jew ma jridux jaċċettaw, li huwa d-dmir bibliku ta’ kull persuna mwielda mill-ġdid li jixxierek ma’ ġemgħa ta’ Kristjani.
Apparti mis-sħubija aħna msejħin ukoll biex inkunu leali lejn il-knisja, xi ħaġa li aktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed issir rari. Huwa fatt illi l-impenn serju tal-membri fil-knisja qed jispiċċa u b’konsegwenza l-effettività tax-xhieda tagħha fid-dinja qed tiddgħajjef. Imqar il-ħsieb li l-knisja hi mxebbħa ma’ ġisem; il-ġisem ta’ Kristu, imissu jqanqalna lejn impenn serju u lealtà isħaħ.
Però wieħed irid jistaqsi: il-lealtà tagħna għandha tkun ‘għamja’? Hemm ċirkostanzi fejn huwa ħażin li nibqgħu leali u allura nikkunsidraw nitilqu? Bla dubju. Ma rridux inpoġġu l-lealtà qabel il-verità biblika. Irridu nirrikonoxxu li fil-pjan sovran t’Alla hemm ukoll li xi wħud ‘jiċċaqalqu’ u jħallu knisja biex jingħaqdu ma’ oħra. Sintendi deċiżjoni simili jeħtieġ tittieħed bl-ikbar għaqal u dixxerniment u ċertament mhux bl-addoċċ jew fis-saħna tal-mument. Jeżistu raġunijiet tajbin għala persuna titlaq knisja u raġunijiet ħżiena għala titlaq.
Raġunijiet li m'għandekx titlaq
Nibdew l-ewwelnett billi nsemmu xi raġunijiet jew motivi ħżiena għala xi ħadd jiddeċiedi jitlaq knisja biex ifittex oħra meta fil-fatt ikun aħjar kieku jibqa’ hemm u jiddilja mal-isfidi li jkun qed iħabbat wiċċu magħhom. Titlaqx knisja:- Għax tara ċerti dgħufijiet f’xi membri tal-knisja. Ftakar li dawn se ssibhom f'kull ġemgħa.
- Għax it-talenti jew doni li jidhirlek li tippossiedi ma jiġux rikonoxxuti jew apprezzati u ma tingħatax dik il-pożizzjoni jew ministeru fil-knisja li tixtieq. (F’każijiet simili jista’ jkun, wara dixxerniment, li tista’ titlaq imma m’intix kmandat biex tagħmel dan).
- Għax il-membri ma 'jagħtux kasek,' ma jilqgħukx, ma jiġux jitkellmu miegħek eċċ. Ikkunsidra tagħmel l-ewwel pass int. Minflok tibqa' tistenna lill-oħrajn jiġu lejk, kun int li tersaq lejhom.
- Għax kellek xi ministeru u għal raġunijiet validi tintalab tieqaf minnu.
- Għax m'għandekx grazzja ma' xi membru/i u jdejjquk.
- Għax irċevejt xi azzjoni ħażina jew weġgħa minn xi membru/i. Deċiżjoni li ġejja minn rabja jew sens ta' tpattijia qatt mhi waħda tajba.
- Għax taħseb illi l-membri mhumiex impennjati bħalek jew spiritwali daqshekk.
- Għax ressaqt xi suġġeriment/i li għalik tant huma importanti u validi u dawn ma ntlaqawx, almenu meta u kif ridt int.
- Għax tgħid li ma sibtx dak li kont qed tfittex jew dak li għandek bżonn. Bħal dak li qallu l-knisja xi supermarket li għax ma ssiblux xi prodott li trid, tmur tixtrih x’imkien ieħor! U xi ngħidu għall-fatt li l-knisja m'għandiex tkun primarjament dwar x'se nieħu imma aktarx x'nista' nagħti, kif nista' naqdi biex nibni u nsaħħaħ il-ġisem ta' Kristu?
- Għax il-knisja ’l bogħod wisq minn darek jew għandek problemi ta' trasport eċċ (anke f’każ bħal dan jeħtieġ tiddixxerni sew qabel ma tieħu deċiżjoni).
- Għax knisja oħra aktar attraenti, aktar popolari, jew għandha kongregazzjoni ikbar.
- Għax m’hemmx nies ‘bħalek’. Dan jgħodd għall-miżżewġin, koppji bit-tfal, ġuvintur u nisa ‘single’, żgħażagħ, persuni tal-istess qagħda soċjali jew ekonomika eċċ.
- Għax m'għadekx tħossok komdu. Qatt m'għandna nieħdu deċiżjoni mibnija esklussivament fuq il-ħass. Ma ninsewx illi kull relazzjoni tgħaddi minn staġuni ta' nixfa fejn għandhom x'jaqsmu s-sentimenti u l-emozzjonijiet.
Raġunijiet li jeħtieġ titlaq
Hemm diversi raġunijiet leġittimi biex persuna titlaq knisja u tfittex oħra. Il-Mulej f’Kelmtu kostantement isejjaħ lill-uliedu biex joħorġu minn fost knejjes mejta jew indenji (ara pereżempju Rum 16.17; Gal 1.8; 2 Ġw 10.11-12; 1 Tim 6.3-5; 2 Kor 6.14-17 u oħrajn). Aħna kmandati sabiex inżommu ’l bogħod mit-tagħlim u l-għalliema foloz u niseparaw ruħna mill-apostasija. Dal-kmand mhuwiex negattiv aktarx huwa att ta’ ubbidjenza pożittiv u kostruttiv li jissalvagwardja l-messaġġ veru tal-vanġelu u jipproteġi s-safa dottrinali ta’ niesu. Dawn li ġejjin xi erjas li jekk ikunu preżenti u jispikkaw fi knisja juruna li jmissna nitilqu. Mela jmissna nitilqu knisja meta:- Il-mexxejja tal-knisja juru disprezz u indifferenza lampanti lejn il-verità Biblika u d-dottrini li huma fondamentali għall-fidi u s-salvazzjoni tar-ruħ.
- Il-mexxejja jgħallmu, jew jippermettu lil min jgħallem dottrini u prattiċi li mhumiex bibliċi jew li saħansitra jmorru kontra l-verità biblika. Sintendi kun ċert li dak li qed ikun mgħallem huwa fil-fatt ereżija u mhux sempliċement xi ħaġa li ma taqbilx magħha int.
- Knisja, affaċċjata b’offiżi serji evidenti għal kulħadd minn xi membru/i, tirrifjuta li teżerċita d-dixxiplina biblika, anzi tittollera d-dnub sfaċċat. F’każ bħal dan irridu nsemmgħu leħinna ma’ dawk fi tmexxija u jekk il-knisja tibqa’ ma tieħux azzjoni, nitilqu. ‘Tixxirkux,’ jgħidilna Alla permezz tal-appostlu Pawlu, ‘magħhom fl-għemejjel bla frott tad-dlam, imma aktarx saħansitra esponuhom’ (Efes 5.11). Ma ninsewx illi l-Patt il-Ġdid, speċjalment l-1 Korintin 5, jinsisti li nieħdu l-purità tal-knisja bl-akbar serjetà.
- Knisja ma turi l-ebda xewqa li tieħu bis-serjetà l-Kummissjoni l-Kbira, ma tingaġġax ruħha f’ħidma regolari ta’ evanġeliżmu u ma jista’ jsir assolutament xejn biex din titqajjem mir-raqda għal ubbidjenza sħiħa f'din l-erja. Knisja lokali jeħtieġ li tipproklama l-vanġelu. Jekk dil-funzjoni primarja tkun injorata allura l-knisja ma jmisshiex tistenna l-lealtà tal-membri tagħha, aktar u aktar meta dawn imħeġġin biex iservu lill-Mulej f’xandir u proklamazzjoni tal-vanġelu.
- Knisja tinjora l-istandards li l-Kelma t’Alla tpoġġilna rigward il-qima u l-evanġeliżmu u timplimenta mezzi u stili karnali u mondani ta’ qima u evanġelizzazzjoni. Kif jista' jkun li nibqgħu mħaddna ma’ knisja li tikkorrompi l-ħwejjeġ sagri u ġġiegħel il-membri tagħha jipparteċipaw f’qima mondana kontra dak li hemm miktub f’Ġakbu 4.4 - ‘ma tafux illi l-ħbiberija tad-dinja hi għadwa t’Alla? Għalhekk kull min mela jixtieq ikun ħabib tad-dinja jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla.’
- Fil-knisja tispikka l-ipokrisija fil-mexxejja jew fil-parti l-kbira tal-membri u m’għadx fadal impenn serju lejn Kristu, l-iddixxiplar, il-qdusija fil-ħajja u lejn il-vanġelu.
Prinċipji li jgħinuk tibqa' jew titlaq b'mod tajjeb
- L-ewwelnett, qabel tieħu deċiżjoni, itlob u fittex il-gwida t'Alla biex tiskopri r-rieda tiegħu għalik.
- Tkellem u ddiskuti mal-mexxejja u l-aħwa qrib tiegħek u mhux tagħmel kollox fil-moħbi waħdek bla ma tgħid lil ħadd.
- Jekk se titlaq, kun ċert li se titlaq għar-raġunijiet it-tajba.
- Meta tasal biex titlaq kun ċert li titlaq bi spirtu tajjeb għax dan ikun ta' siwi kemm għalik kif ukoll għal dawk li tħalli warajk.
- Jekk titlaq tabbandunax ir-relazzjonijiet prezzjużi lil kellek mal-aħwa ta' dik il-knisja. Tinsiex li l-knisja mhix il-bini imma l-persuni li jħobbu lil Ġesù u lil xulxin.
- Meta tissepara minn knisja tikkritikax il-knisja li kont fiha u lanqas tidolizza l-knisja l-ġdida li sseħibt magħha.
- Meta tissieħeb ma' knisja tgħaġġilx u lanqas tittratieni żżejjed biex tinvolvi ruħek f'xi ministeru. Anke jekk mhux faċli prova sib il-bilanċ.
Konklużjoni
Ftakru li d-deċiżjoni li titlaq il-knisja lokali qatt m’għandha tkun kwestjoni trivjali jew ta’ ftit importanza. Mhux biss imma deċiżjoni bħal din qatt mhi faċli billi tinvolvi l-bqija tal-ġemgħa, għax aħna familja. Fl-istess waqt irrejalizzaw li l-kura ta’ ruħkom hi ta’ valur u importanza eterna u jekk int tinsab fi knisja fejn ruħek mhix qed tkun mitmugħa bil-verità biblika imma aktarx bil-velenu tal-ereżija, Kelmet Alla qed tkun ikkalpestata eċċ, jeħtieġ taħrab ’il bogħod kemm jista’ jkun minn hemm, akkost li l-membri l-oħra 'tal-familja' iħossuhom offiżi jew traduti minnek.Fl-aħħarnett, b’dan kollu li għidna bl-ebda mod ma rridu ninkoraġġixxu persuni jitilqu mill-knisja fejn jinsabu bl-għaġġla jew mingħajr ma jkun sar proċess ta’ dixxerniment bibliku serju, preferibbilment flimkien ma’ persuna/i maturi fil-fidi. Ċertament wieħed m'għandux jieħu deċiżjoni bħal din meta għaddej minn xi perjodu difiċli f'ħajtu u qed jiffaċċja stress, problemi u tibdiliet fil-familja, fuq il-post tax-xogħol eċċ.
Ħa ma ninsew qatt illi hemm żmien li persuna jeħtieġ tibqa’ fil-knisja fejn qegħdha, żmien fejn tista’ titlaq u żmien fejn jeħtieġ titlaq, u dawn mhux dejjem faċli niddistingwu bejniethom. U jekk ikun il-każ li jeħtieġ nitilqu ħa nisseparaw b'mod li jonora lil Alla u lil dawk in-nies kollha li nħallu warajna.