Kif qed tiħħandilja l-verità?
Kull verità biblika tista’ tiġi wżata jew abbużata, bil-konsegwenzi ta' barka u saħta rispettivament. Fil-bidu tal-Epistola tiegħu lir-Rumani l-Appostlu Pawlu ċanfar lil dawk li bl-iskuża mibnija fuq il-verità tal-għana tat-tjubija u t-tolleranza u l-paċenzja t'Alla, intenzjonata biex twassalhom għall-indiema, kienu qed jissupponu illi se jiskappaw il-ġudizzju tiegħu (Rum.2:3-4).
Ftit wara, meta wkoll qal: “Imma fejn żdied id-dnub, il-grazzja kotrot eċċessivament,” tant kien konxju kemm verità bħal din setgħet tkun abbużata, li mill-ewwel żied enfatikament; “X’se ngħidu mela? Nissoktaw fid-dnub sabiex tiżdied il-grazzja? B’ebda mod!” (Rum.5:20,6:1-2)
Hekk hu, il-verità biblika tista' tiġi abbużata, u spiss hekk jiġri. Niftakar esperjenza li snin ilu kkonvinċietni b'aktar saħħa minn dir-realtà. Mara li kellha relazzjoni sesswali ma’ qassis irrakkontatli kif żewġ kelmiet minn fommu; “Alla jaħfrilna” fl-aħħar ‘dawwruha’ biex tasal twettaq l-att żieni. Eżempju wieħed ċar u nikkieti ta’ abbuż ta’ verità u li wassal għal konsegwenzi gravissmi.
Ħa ma nitqarrqux, anke aħna nistgħu nabbużaw minn veritajiet prezzjużi. Dan nagħmluh b’diversi modi, speċjalment meta nużaw verità għal skop differenti minn dak li oriġinarjament kienet intenzjonata għalih. Pereżempju, hemm veritajiet intenzjonati biex fi żmien ta’ tiġrib, qtigħ il-qalb jew dubju jinkuraġġuna, ifarġuna u jassigurawna, mentri nsibu oħrajn li huma intenzjonati primarjament biex fl-apatija spiritwali, aljenazzjoni bil-ħwejjeġ tad-dinja u traskuraġni ta’ ħwejjeġ spiritwali jgħeżżuna, iġibuna f'sensina u jimbottawna għal azzjonijiet bħalma huma l-indiema, impenn ikbar, eċċ. Fi kliem ieħor, ċertu veritajiet huma intenzjonati sabiex “isawtuna” u oħrajn biex “imellsuna”. Allura niżbaljaw jekk meta neħtieġu s-swat nużaw verità melliesa u meta neħtieġu l-wens napplikaw verità ħarxa. Parir li sibtu ta’ għajnuna kien: "Issawwatx lilek innifsek meta Alla jrid iżiegħel bik u żżiegħelx bik innifsek meta Alla jrid isawtek”.
Issa, l-aktar li ninnota abbuż ta’ veritajiet mill-Kristjani hu proprju fejn għandu x’jaqsam it-taqdis tal-ħajja, is-santifikazzjoni prattika. Pereżempju, il-verità mill-isbaħ tal-perseveranza tal-qaddisin, li tassigurana illi l-ħidma tal-grazzja divina mibdija fi qlubna se titkompla sakemm tkun kompluta, u dan permezz tal-ħidma kontinwa tal-Ispirtu s-Santu fina (Fil.1:6), hija intenzjonata għall-inkuraġġiment ta’ dawk li diġà jinsabu impenjati fil-mixja tal-qdusija sabiex minkejja l-għejja, id-diffikultajiet u l-fallimenti varji jkomplu jrossu ’l quddiem. B'ebda mod mhi intenzjonata biex tħassar jew tnaqqas id-dover tal-individwu filli jkompli jaħdem is-salvazzjoni tiegħu nnifsu bil-biża' u t-tregħid (Fil.2:12).
Mela, verità bħal din mhix dik li għandhom bżonn jisimgħu dawk li għal tul ta’ żmien qed jgħixu f’diżubbidjenza kontinwa lejn ir-rieda t’Alla għal ħajjithom, jinsabu spiritwalment letarġiċi u bierda, u bi traskuraġni sejrin lura’ bħal granċ. Ikun abbuż serju u dannabbli tal-istess verità jekk jikkonkludu; “Nista’ nibqa’ traskurat għax wara kollox Alla se jtemm xogħolu fija.”
Veru li kull Kristjan huwa diġà mimli, jew komplut, fi Kristu Ġesù (Kol.2:10) imma veru wkoll li lkoll għadna xogħol mhux komplut; ‘Work in Progress’. Dil-verità li aħna ‘work in progress’ ukoll spiss tkun abbużata minn xi wħud bil-mod li spjegajna. Oqgħod attent qabel ma tirċeviha u tapplikaha għalik innifsek għax abblil mhix il-verità li teħtieġ bħalissa.
Immaġina tkun għaddej minn triq u tilmaħ żewġt id-djar maġenb xulxin; it-tnejn ġebel u saqaf u t-tnejn b’tabella ‘WORKS IN PROGRESS” mal-faċċata. Terġa’ tgħaddi minn hemm xahar wara u tara l-istess tabelli, imma meta tħares sew tinnota li waħda mid-djar inbidlet u sarilha xogħol varju, għal kuntrarju tal-oħra. F’waħda jidhru l-ħaddiema għaddejjin fuq xogħolhom, l-oħra baħħ. Tgħaddi sena wara u issa jidher ċar li dar minnhom kważi lesta u l-oħra għadha kif kont rajtha fil-bidu, jekk mhux ukoll xi ftit jew wisq iktar mitluqa. It-tabelli għadhom imweħħla maż-żewġ faċċati, imma x’differenza bejniethom! Abbli tgħid bejnek u bejn ruħek; "X’weħħel jagħmel dik it-tabella sid dik id-dar mitluqa?" Fejnu l-work in progress meta lanqas ħadd qatt ma jidher b’nemes fuq il-proprjetà u m’hemm ebda evidenza ta’ xogħol li qed isir! Dik it-tabella tagħmel sens għad-dar l-oħra għaliex taqbel mar-realtà evidenti għal kulmin jgħaddi minn hemm li veru hemm works in progress.
Mela, qabel ma tgħaġġel u tapplika verità bħal din għalik innifsek, ieqaf ftit u staqsi lilek innifsek jekk hux din il-verità li bħalissa għandek bżonn. Jekk tabilħaqq tara attività u progress fil-karattru, imġieba, xewqat, ħsieb u diskors, ċoè tara tibdil sostanzjali, allura kun imfarraġ u inkuraġġut biha. Jekk le, allura aħjar toqgħod lura milli tirċeviha għalik, almenu f'daż-żmien.
Għandek bżonn tagħraf Sidek xi jrid jagħtik; jekk hux tmellies jew swat, faraġ jew ċanfir. Min jaf, forsi fl-istat patetiku li tinsab fih tkunlek aktar ta’ siwi verità bħal: “Naf l-għemejjel tiegħek, illi la int kiesaħ u lanqas taħraq; m’hemmx li kont kiesaħ jew taħraq! Hekk billi int fietel, u la taħraq lanqas kiesaħ, appik nobżqok minn fommi” (Riv.3:15-16) jew “Ftakar mela mnejn waqajt, u indem u agħmel l-opri li għamilt għall-ewwel; inkella ġej għandek, u se nneħħi l-kandelabru tiegħek minn postu, jekk ma tindimx” (Riv.2:5), jew “Indem mela; inkella ġej għandek malajr, u se niggwerra kontrihom bix-xabla ta’ fommi” (Riv.2:16), jew “Però jekk ma tistenbaħx, se niġi bħal ħalliel, u ma tkunx taf f’liema siegħa se niġi fuqek” (Riv.3:3). Jekk dan hu l-każ tiddejjaqx miċ-ċanfir u d-dixxiplina t'Alla għax taf illi: “Lil dawk kollha li nħobb, jien inċanfarhom u niddixxiplinahom; kun żeluż, mela, u indem” (Riv.3:19).
Kun af ukoll illi ebda verità mhi intenzjonata sabiex tħallik kif int; stordut/a u aljenat/a f'passività kontinwa lejn il-ħwejjeġ tas-sema, imma aktarx li kull verità titlob minnek rispons xieraq, azzjoni taħt xi forma jew oħra. Għaldaqstant, int x'qed tagħmel bil-verità li qed tkun ippreżentata lilek?
Jalla lkoll kemm aħna noqgħodu attenti biex ma nabbużawx mill-veritajiet sublimi li Alla regolarment qed iwasslilna permezz tal-qari tal-Iskrittura, l-ippritkar, l-għanjiet, it-talb tal-ġemgħa, u l-ordinanza tal-Ikla tal-Mulej. Jalla meta jwasslilna ‘ċavetta’ ta’ verità ma niftħux meta Alla jrid jagħlaq u ma nipprovawx nagħlqu meta Alla jrid jiftaħ. Jalla nilqgħu bil-ferħ u ngħożżu kull verità biblika u napplikawha bil-għaqal għaċ-ċirkostanzi tal-ħajja tagħna fi qbil mal-għan divin u sovran li għalih tkun twasslitilna.