Jien lest



L-aħwa, nixtieq naqsam magħkom xi ħaġa personali: jiena lest immut. Taħsbux li din xi ħaġa li ngħidha spiss jew lil ħafna nies. Le, ma nagħmilx hekk, għaliex naf li hemm ċans kbir li jifhmuni ħażin. Abbli jaħsbu li għidt ‘nixtieq immut issa’ għax forsi ninsab imdejjaq bil-ħajja, mgħaffeġ mill-problemi jew imxebba’ mid-doveri tal-ħajja u allura b’xi mod irrid naħrab minnhom. Inkella xi ħadd jaf jinterpretani ħażin u jaħseb li ma napprezzax il-barkiet li għandi bħall-ħajja nfisha, il-familja, is-saħħa, ix-xogħol u iktar. Imma xejn minn dan, mhux hekk irrid infisser.

Forsi kieku għidt; ‘jiena preparat biex immut’ inqas kont nifthiem ħażin. Imma hekk irrid ngħid; lest immut! Ninsab preparat biex xħin Alla li ħalaqni għalih isejjaħli għal għandu ma jkollux għalfejn ‘jissara’ miegħi u ‘jċarrattni’ minn xi ħaġa li ninsab iggranfat magħha. Se jkun faċli ħafna għall-Missieri jeħodni lura d-dar miegħu għax minix se nġib ruħi ta’ tifel imqareb u ninfaqa’ nibki u nsabbat saqajja u nwerżaq; ‘Għaliex jien? Mhux għalissa, le ma rridx niġi!” Dan ma jfissirx li ma jimpurtaniex jew ma naħsibx b’għafsa ta’ qalb dwar dawk l-għeżież li jekk immut se nħalli warajja; speċjalment l-għażiża marti u l-ulied prezzjużi li fdali Alla, kif ukoll il-membri tal-familja naturali u spiritwali tiegħi. Imma Alla xhud ta’ dan: jiena ngħożż, ingawdi u nirringrazzjah ta’ kull barka temporali u materjali li tnixxi minnu, imma la kont u lanqas jiena marbut sfiq ma’ xi waħda minnhom jew niddependi primarjament fuqha għall-feliċità u l-kuntentizza tiegħi. Mill-ewwel jum tal-konverżjoni tiegħi dak ir-rwol dejjem ħallejtu esklussivament għal Sidna Ġesù Kristu, u ħaristu b’għira qaddisa. Dejjem għamilt ħilti biex nimxu fuq il-prinċipju li darba ngħatajt sabiex nintrabat b’ċoff ħafif ma’ kwalunkwe ħaġa temporanja u transitorja u b’għoqda ssikkata ma’ Sidi Ġesù; l-oħla don u l-iktar sublimi u prezzjuż.

Naf li xi darba kulħadd se jkollu jmut, irid jew ma jridx. Jien ukoll xi darba se jkolli mmut u nħalli kollox warajja. Ma tagħmilx wisq differenza kif se mmut, ħlief jekk forsi din tieħu fit-tul u tkun akkumpanjata mit-tbatija fiżika jew mentali. Imma fit-tul jew b’ħasda konvint li, kif dejjem esperjenzajt, Alla mhuwiex se jħallini nieqes mill-preżenza tiegħu u mill-għajnuna u l-grazzja kollha li nkun neħtieġ biex naqsam l-aħħar xmara bla ma ngħereq u ngħeleb l-aħħar għadu; il-mewt. Dakinhar żgur minix se nfittex lil xi ħadd li joffrili xi tama fiergħa apparti minn Ġesù. Tgħid minix se nitlaq ċima biex naqbad ma’ ħabel tar-ramel! Bl-għajnuna t’Alla, bħalma għext bil-fidi u qatt ma serraħt għas-salvazzjoni ta’ ruħi fuq xejn u ħadd ħlief fuq Kristu u s-sagrifiċċju perfett tiegħu, nittama li mmut ukoll bil-fidi fi Kristu li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija. Hu waħdu l-Blata Soda u Eterna tiegħi. Hu biżżejjed. Il-grazzja tiegħu suffiċjenti għalija. F’dak il-jum xejn mhu se jsib f’dawn l-idejn, ħlief li naqbad mas-salib.

Mhux bi ksuħat jew preżunzjoni u lanqas b’arroganza, imma jien ma nibżax mill-mewt. Għalfejn nitwerwer meta din mhix b’saħħitha biżżejjed biex tifridni mill-imħabba t’Alla u se tkun il-bieb għall-ferħ etern, it-tlugħ u d-dħul tiegħi fil-glorja u r-riċeviment tal-viżjoni beatifika! It-tama tal-ġenna li rċevejt permezz tal-fidi fi Kristu tirbaħ fuq kull biża’ mill-mewt u mewtitha darba għal dejjem. M’għandiex għalfejn nibża’ mmut meta qed nittama li għad ngħix billi mmut. Jien, Kristjan, nibża’ mill-jum ta’ mewti? Lanqas xejn, meta naf li dan se jkun il-funeral tan-niket, dnubiet, tbatijiet, tentazzjonijiet, oppressjoni u persekuzzjonijiet preżenti kollha tiegħi! Veru li l-mewt se tħoll temporanjament l-unjoni tal-ġisem mar-ruħ imma naf ukoll illi se tipperfezzjona l-unjoni tar-ruħ ma’ Alla għall-eternità.

Jiena lest immut. Dan għaliex ninsab ukoll konvint illi kif bil-grazzja t’Alla għext għall-Mulej għad immut fil-Mulej. Tippermettili nistaqsik; u int lest biex tmut?

Sadanittant, Alla jgħidli biex nistenna ftit ieħor. Kemm ma qallix. Għalhekk irrid nibqa’ ngħix hieni ġurnata wara ġurnata, f’kull ċirkostanza u sitwazzjoni li nsib ruħi fiha, b’fiduċja f’Alla u afdar sħiħ fil-ħidma setgħana u providenzjali tiegħu. Irrid inkompli nfittex li nagħmel ir-rieda tiegħu u ngħix f’sottomissjoni u ubbidjenza evanġelika lejh. Irrid li ngawdi l-assigurazzjoni tal-imħabba fidila t’Alla lejja, iċ-ċertezza konfortabbli tal-fidwa u s-salvazzjoni miksuba għalija minn Kristu, is-sliem fil-kuxjenza; mingħajr l-akkużi jew rimors tad-dnubiet passati. Irrid inkompli ngħix ħajja ta’ konverżjoni kontinwata, xhieda tal-ħidma operattiva u setgħana tal-Ispirtu t'Alla fija. Nixtieq, minkejja d-dgħjufija, il-limitazzjonijiet u l-fallimenti tiegħi nibqa' nkun strument f’idejn is-Sid imbierek biex jaħdem permezz tiegħi u jużani kull ġurnata u kull mument sakemm jintlaħaq l-għan etern tiegħu għal ħajti. Lil Alla l-glorja!

Grazzi talli għandi lilkom f’ħajti; rigal ieħor sabiħ ta’ Missieri. Grazzi li stajt naqsam dawn ir-riflessjonijiet personali magħkom. Forsi għidt ħafna, imma żgur li m’għidtx kollox.

“Għax Alla ma ddestinaniex għar-rabja, iżda għall-otteniment tas-salvazzjoni permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex sew jekk mistenbħin (ie ħajjin) jew inkella norqdu (ie mejtin), ngħixu flimkien miegħu. Għaldaqstant inkuraġġixxu ’l xulxin u edifikaw wieħed lill-ieħor, bħalma infatti qed tagħmlu.” 1 Tess.5.9-11.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446