Is-sawm
Sidna Ġesù jgħallimna fuq is-sawm. “U meta ssumu, tkunux bħall-ipokriti, b’wiċċ imqarras: għax huma jqarrsu wiċċhom, biex jidhru lill-bnedmin li huma sajmin. Tassew ngħidilkom: Għandhom ħlashom. Iżda int, meta ssum, idlek rasek, u aħsel wiċċek; Biex ma tidhirx lill-bnedmin li int sajjem, iżda lil Missierek li hu fil-moħbi: u Missierek, li jara fil-moħbi, iħallsek fil-beraħ” (Matttew 6:16-18).
Fil-qosor:
- Ġesù ma jgħidx ‘jekk’ tagħtu, ‘jekk’ titolbu jew ‘jekk’ issumu, imma ‘meta’ tagħtu, titolbu u ssumu. L-Imgħallem jistenna li d-dixxipli tiegħu jagħtu karità, jitolbu u jsumu.
- Is-sawm huwa dixxiplina traskurata fost l-evanġeliċi. Forsi minħabba li s-sawm huwa abbużat f’reliġjonijiet oħra (bħala tpattija għad-dnubiet); u għax jesiġi minna rażna u sagrfiċċju.
- Ejja nsumu għax l-Imgħallem jistenna li hekk nagħmlu, u għax hu wegħdna li Alla l-Missier iħares lejna u jroddilna ħlas. Dak li infittxu fis-sawm jagħtihulna.
- L-attitudni tal-qalb hi kruċjali. Il-fariżej kienu atturi. Kienu jsumu għal għajn in-nies, mhux biex jersqu lejn Alla. Ma kienx eżerċizzju ta’ umiltà, imma ta’ kburija (arawni kien jien twajjeb!)
F’dawn il-passaġġi mill-Bibbja, innota:
- Min kien isum.
- Jekk hux waħda jew f’kommunità.
- L-okkażżjoni għas-sawm.
- Ir-rabta mat-talb.
- L-iskop għas-sawm.
- Jien kont ngħakkes lil ruħi bis-sawm, u kont nitlob b’rasi mgħaddsa fuq ħdani. Salm 35:13
- Jien bkejt u għakkist lil ruħi bis-sawm. Salm 69:10.
- Mur, iġma’ l-Lhud kollha li huma f’Susan, u sumu għalija; u la tiklux u la tixorbux għal tlitt ijiem, u la bil-lejl u la bi nhar; jiena wkoll u l-qaddejja tiegħi msumu hekk. U hekk nidħol għand is-sultan, għalkemm mhux skond il-liġi; u jekk għandi mmut, ħa mmut. Ester 4:16.
- U dawwart wiċċi lejn Sidi l-Mulej, biex infittex bit-talb u t-tħannin, bis-sawm, ilbist ix-xkora, u bl-irmied. Danjel 9:3.
- U ġara, malli smajt dal-kliem, illi qgħadt bil-qiegħda, u bkejt, u għalejt għal ħafna jiem, u somt, u tlabt quddiem Alla tas-sema. Neħemija 1:4.
- U hemm, ħdejn ix-xmara Aħawa, nidejt sawma, biex numiljaw ruħna quddiem Alla tagħna, biex infittxu minn għandu triq tajba għalina, u għat-tfal tagħna, u għal kulma kellna. Għax stħajt nitlob lis-sultan qatgħa suldati u ifirsa biex iħarsuna mill-għadu fit-triq: għax aħna konna għidna lis-sultan: Id Alla tagħna hi fuq kull min ifittex għall-ġid; iżda s-setgħa tiegħu u għadbu fuq kull min jitilqu. U hekk somna u tlabna ’l Alla tagħna għal dan: u sema’ t-talba tagħna. Eżra 8:21-23.
- Għalhekk, issa wkoll jgħid il-Mulej, duru lejja b’qalbkom kollha, u bis-sawm, bil-biki, u bit-tinwiħ. U ċarrtu qalbkom u mhux ħwejjiġkom, u duru lejn il-Mulej, Alla tagħkom, għax twajjeb u ħanin il-Mulej, idum ma jagħdab, u mimli tjieba, u jisgħobbih għad-deni li jibgħat. Ġoel 2:12-13.
- U kienet armla ta’ erbgħa u tmenin sena, u ma kenitx titlaq mit-tempju, iżda taqdi ’l Alla lejl u nhar bis-sawm u t-talb. Luqa 2:37.
- U kien għal erbgħin jum imġarrab mix-Xitan. U ma kiel xejn f’dawk il-jiem: u meta għaddew, wara ħadu l-ġuħ. Luqa 4:2.
- Huma u jagħtu qima lill-Mulej, u jsumu, qal l-Ispirtu s-Santu: Ifirduli ’l Barnaba u ’l Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom. U wara li samu u talbu, u qiegħdu idejhom fuqhom, bagħtuhom. Atti 13:2-3.
- U wara li għamlulhom presbiteri f’kull knisja, u talbu bis-sawm, erħewlhom f’idejn il-Mulej, li fih kienu jemmnu. Atti 14:23.
Fil-qosor:
- In-nies t’Alla, kemm fit-Testment il-Qadim u fil-Ġdid, kienu jsumu.
- Xi drabi kienu jsumu weħidhom u drabi oħra, flimkien.
- L-okkażżjonijiet kienu varji: biex ifittxu r-rieda t’Alla, minħabba l-istat ħażin tal-poplu t’Alla, biex jitolbu għall-protezzjoni, u b’sens ta’ indiema.
- Is-sawm u t-talb qishom id-di u d-do, imorru dejjem flimkien.
- L-iskop għas-sawm huwa espressjoni ta’ indiema u umiltà, biex nersqu lejn Alla. (Xi reliġjużi jippretendu li jimmeritaw il-grazzji t'Alla għax qed isofru l-ġuħ! Din hi attitudni ta' kburija - l-oppost tal-attitudni ta' umiltà li naqraw fuqha fil-Bibbja).
- Aħna messna nimxu fuq it-tagħlim ta’ Sidna, u fuq l-eżempju ta’ tant qaddisin, u minn żmien għal żmien, skont l-okkażżjoni, numiljaw ruħna quddiem Alla bis-sawm u t-talb, weħidna jew flimkien, biex infittxu wiċċu u l-grazzja tiegħu.
Suġġerimenti prattiċi
Jekk għandek xi kundizzjoni medika jew ma tiflaħx, issumx. Alla jaf qalbek. Xorta waħda tista' tixxierek miegħu fil-Kelma u t-talb.
Dakinhar li se ssum, kif tqum filgħodu ibda l-jum bit-talb u l-meditazzjoni fuq l-Iskrittura. Tiekol xejn, imma tista' tixrob kemm tixtieq. F'nofinshar, fil-ħin tal-ikel, erġa' qatta' ħin fit-talb. Jekk matul il-jum jagħtik il-ġuħ, ftakar li qed issum u erfa' ħsibijietek lejn Alla fit-talb. Wara nofsinhar jew filgħaxija, tista' tiekol ... u rringrazzja 'l Alla tal-ikel. (Naturalment wieħed jista' jkollu pjan differenti minn dan; ara dak li jgħodd għalik).