L-użu tajjeb tat-tiġrib
Miktub minn Joseph Farrugia.
Qatt ikkunsidrajtu r-raġuni għala il-Mulej Alla jikkmandana? Ħudu pereżempju kmand partikolari, dak fil-bidu tal-Epistola ta’ Ġakbu v2: Ikkonsidrawh kollu ferħ, ħuti, kull meta tiffaċċjaw tiġrib varju.
Waħda mir-raġunijiet prinċipali għala Alla jagħtina dal-kmand, u ħafna oħrajn, hi għaliex għandna tendenza li ġejja mil-laħam, mill-bniedem il-qadim, li nirreżistu dawk il-ħwejjeġ li huma kmandati u allura merħija liberi ma nagħżlux li nagħmluhom.
Ħudu dal-każ, mhux veru illi meta niltaqgħu ma’ xi forma ta’ tiġrib, afflizzjoni jew tentazzjoni ħafna minna kultant:
- neħduha bi kbira, nippanikjaw u nimtlew b’ansjetà
- nitħassru lilna nfusna, ningħalqu fina nfusna u ninqatgħu mill-oħrajn
- nitolbu ’l Alla jeħlisna fil-pront u meta dan ma jseħħx immdejatament nilmentaw, ingorru, jekk mhux ukoll nirribellaw kontra Alla inkella nitnikktu, niddispraw jekk mhux ukoll naqgħu f’dipressjoni. Altru li nqisu t-tiġrib kollu ferħ!
Issa attenti hawn! Li tqis it-tiġrib kollu ferħ ma jfissirx li tgawdi t-tiġrib. Qis li ma nemmnux il-gidba li xi wħud li jqisu lilhom nfushom 'super-spiritwali' jgħidulna illi għax m’aħniex ingawdu t-tiġrib allura m’aħniex spiritwali daqskemm suppost. Fih innifsu t-tiġrib mhuwiex xi ħaġa pjaċevoli u lanqas mhu intenzjonati biex jitgawda. Għalhekk insejħulu tiġrib! Kieku t-tiġrib jista’ jitgawda ma jibqax tiġrib. Le, ħuti, m’aħniex kmandati biex ingawdu t-tiġrib imma biex nikkunsidrawh kollu ferħ.
Din il-kelma ‘ikkunsidraw’ hija ċ-ċavetta għall-vers u importantissima. Tfisser aħseb, irraġuna, agħmel il-kalkoli, aqbad lil moħħok u ħudu f’ċertu direzzjoni.
Mela fil-mument li nsibu ruħna f’xi forma ta’ tiġrib minflok inħallu lilna nfusna nkunu mkaxkra mill-emozzjonijiet negattivi li semmejna, jeħtieġ inkunu aħna li għax nafu u nemmnu ċerti veritajiet se mmexxu ħsibijietna u nġibu ruħna b’ċertu mod.
Fil-fatt isimgħu kif ikompli l-vers: Ikkonsidrawh kollu ferħ, ħuti, kull meta tiffaċċjaw tiġrib varju, billi tafu illi l-ipprovar tal-fidi tagħkom jiżviluppa l-perseveranza.
Fi kliem ieħor, jirnexxilna nodbu dal-kmand billi nikkunsidraw. Inqisu t-tiġrib varju kollu ferħ għax, għalkemm mhuwiex tajjeb u pjaċevoli fih innifsu, nafu li dan it-tiġrib:
- Mibgħut minn Alla Tajjeb u Ħanin li la se jgħabbina b’piż li m’aħniex kapaċi nġorruh, u wisq inqas se jabbandunana bla ma jgħinna.
- Huwa mibgħut biex jittestja l-fidi tagħna u allura huwa opportunità biex nuru lil Alla illi nafdawh mhux biss fil-bnazzi imma wkoll fil-maltempati.
- Huwa intenzjonat għall-ġid u qatt għall-ħsara.
- Alla se jaħdem fih, u eventwalment se jdawwru f’barka u joħroġ it-tajjeb minnu.
- Il-Mulej se jinqeda’ bih sabiex ikompli jikkonformana fix-xbieha ta’ Ibnu Ġesù, iqaddisna b’mod speċjali billi jsaħħaħ fina d-drawwa tal-perseveranza.
- Se juża dak it-tiġrib biex iżommna umli u dejjem aktar dipendenti fuqu.
Nikkunsidrawh kollu ferħ għax nafu wkoll li t-tiġrib u t-tentazzjonijiet varji huma opportunitajiet biex nigglorifikaw lil Alla fl-imġieba tagħna. Avolja ma ngawdux it-tiġrib xorta kapaċi nitkellmu tajjeb dwar Alla ma dawk kollha li niltaqgħu magħhom.
Ejja nagħmlu użu tajjeb mit-tiġrib varju li nsibu ruħna fih!
U jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, biex jifhem dawn il-veritajiet u jara t-tiġrib minn din il-lenti, ħa jitlob lil Alla u dan jingħatlu liberament. B’hekk jirnexxilena nobdu dal-kmand minkejja t-tendenza u l-emozzjonijiet kollha li jinfluwenzawna għall-kuntrarju.
U ħa ma ninsew qatt l-1 Kor 10:13 Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak komuni għall-umanità; imma Alla hu fidil, li mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib se jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh.