Ħares lejn ilsienek


Meta kont tifel u kont nimrad, kien jiġi t-tabib id-dar u niftakar kif dejjem kien jibda’ l-viżta tiegħu billi jgħidli; “Iftaħ ħalqek ħa nara lsienek”. Mod tajjeb ħafna biex teżamina l-maturità spiritwali tiegħek: ibda’ billi tħares lejn ilsinek!

Il-Mulej Alla permezz ta’ Ġakbu jgħidilna: “Għax f’ħafna modi nogħtru lkoll. Jekk xi ħadd ma jogħtorx f’diskorsu, dan raġel perfett” (Ġak.3:2). Trid tittestja lilek innifsek u l-maturità spiritwali tiegħek? Ara intix tikkontrolla lsienek, għax min jirnexxielu jrażżnu tabilħaqq jista’ jitqies bħala Kristjan matur. ‘Tkellem ħa narak’ kienu jgħidu l-filosfi antiki għaliex diskorsna jikxef x’aħna verament, u jekk int Kristjan kliemek juri l-qagħda spiritwali vera li tinsab fiha. “Jekk xi ħadd jidhirlu li hu reliġjuż u frattant ma jliġġimx (jiġifieri ma jrażżanx) ilsienu iżda jinganna ’l qalbu stess, ir-reliġjon ta’ dan hi fiergħa” (Ġak.1:26). Fil-fatt, dak li hemm fina fil-moħbi, jixxandar fil-beraħ bi kliemna, u kliemna jirrifletti bħal mera dak li verament hemm fina. Ma ninsewx li kien Sidna stess li qalilna illi mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm.

Veru li Kristjan ġenwin rari ssibu involut fi dnubiet ovvji bħas-serq, sokor, adulterju eċċ. Normalment ssibu wkoll impenjat f’taqtigħa kontra dnubiet moħbija, speċjalment ħsibijiet u xewqat ħżiena. Però jidhirli li neħtieġu korrezzjoni dwar id-dnubiet tal-ilsien. Ħafna minna għandna tendenza li nkunu traskurati f’dan il-qasam u laxki f’diskorsna, bla ma nindunaw jew nammettu l-gravità ta’ nuqqas f’din l-erja.

Mela, tajjeb tistaqsi lilek innifsek kemm int konxju tad-dnubiet tal-ilsien li abbli qed twettaq regolarment. Dan ma jinkludix biss it-tgergir, l-ilmenti jew tqasqis imma jgħodd ukoll għal mod li bih qed tindirizza lil dawk li qed tiltaqa' magħhom ta’ kuljum.
  • Jekk int miżżewweġ: kif qed tindirizza lill-martek / żewġek?
  • Jekk int ġenitur: kif qed tkellem lill-uliedek?
  • Jekk int bint jew iben: kif qed tirrispondi lill-ġenituri tiegħek?
  • Jekk int f’pożizzjoni ta’ awtorità u għandek nies taħtek, kif qed tkellimhom?
Jekk int Kristjan veru minn fommok ma jixraqx li joħroġ kliem bħal; tindaħalx, x’jimpurtani, u int fiex tifhem, kemm int injorant jew xi aġġettiv ieħor, jew diskors iebes simili. Allura jekk xi ħadd iwaddablek kelma provokattiva ma jmissekx tirrispondi billi terġa’ twaddablu lura xi rimarka agħar minn tiegħu. Jgħidu li gwerra tfaqqa’ minħabba t-tieni rimarka! Kelma żejda, mhix f’postha, jew ħarxa, hi biżżejjed biex iġġib diżgwid u nkwiet kbir f'relazzjoni. Speċjalment f’ċirkostanzi diffiċli u ta’ stress imissna noqgħod iżjed u iżjed attent kif nitkellmu. Sforz ir-rabja faċilment joħorġu kliem li wara mbagħad jiddispjaċina talli nkun tkellimna bl-addoċċ. “Min iħares fommu u lsienu, iħares ruħu mill-għali” (Prov.21:23). Jaħasra kemm nevitaw inkwiet kieku nitgħallmu nikkontrollaw dak li joħroġ minn fommna.

Ftakar ladarba kliemek joħroġ minn fommok ma tistax tieħdu lura. Mara stqarret li kienet ikkalunjat lill-ġara tagħha u xtaqek issewwi s-sitwazzjoni. Il-qassis li marret għandu qalilha biex tmur id-dar, tieħu mħadda, titla’ fuq il-bejt u tferrex ir-rix umbagħad terġa lura għandu. Hekk għamlet u qalilha biex issa tmur u tiġbor ir-rix li kienet ferrxet. “Impossibbli” qaltlu. Weġibha, “hekk ukoll impossibbli terġa’ tiġbor lura dak il-kliem indenju li ħareġ minn fommok.”  Veru li wara abbli jiddispjaċik, tindem, u anke tkun rikonċiljat, u hekk għandu jkun, imma l-ħsara tkun għamiltha.

Jekk qed tidneb ripetutament b’dal-mod tipprovax tiġġustifika lilek innifsek billi tgħid kliem tipo ‘għax jien ta’ żaqqi f’fommi’ jew ‘imma jien nervuż,’ u lanqas iġġib skoss skużi jew tweħħel f’ħaddieħor billi tgħid; “u għax ħaraqni u taf kemm hu inkejjuż eċċ.” Erfa’ r-responsabbilita ta’ dnubek int waħdek, stqarr dnubek, itlob maħfra u itlob għall-qawwa biex ma tibqax tirrepeti l-istess dnubiet tal-ilsien.

Qatt u qatt m’għandek tuża’ kliem iebes, li jniggeż jew iweġġa’.  Impenja ruħek li f’kull ċirkostanza żżomm kliemek ħelu, tkun grazzjuż, meqjus fi kliemek hekk kif titgħallem kif titkellem għall-bżonn, biex tibni mhux tkisser lil min jisimgħek. Agħmilha l-abitudni tiegħek li tuża’ ton ġentili. Tkellem bl-imħabba. Imita lil Ġesù Sidna u ħalli kliemek jirrifletti l-karattru manswet u umli tiegħu.

Mela, poġġi għassa fuq fommok. Mas-Salmista stqarr b’reżoluzzjoni ferma; ‘Jien għidt, “Se ngħasses triqati, sabiex ma nidnibx bi lsieni; se ngħasses fommi bħallikieku b’sarima’” (S.39:1). Ftakar li Alla diġà ħaseb għal żewġt iswar quddiem ilsienek biex jgħinek trażżnu; snienek u xofftejk! Tgħallem kif tigdem ilsinek u tiskot għax kelma nieqsa dejjem aħjar minn kelma żejda. Tak ukoll l-Ispirtu s-Santu biex ikabbar fik il-frott tiegħu, fosthom l-awtokontroll, u din ir-rażna tgħodd anke għal diskorsok.

U jekk trid tmur oltrè, mhux biss evita d-dnubiet tal-ilsien imma wżah għat-tajjeb: faħħar, inkuraġġixxi, irringrazzja, għallem, widdeb bl-imħabba, farraġ eċċ. Fuq kollox użah biex bih tagħti ġieħ lil Alla u tesprimi l-gratitudni tiegħek lejh għal kulma għamel u qed jagħmel miegħek.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446