X'inhu evanġeliku?


Ħafna nies familjari, xi ftit jew wisq, mat-terminu 'Evanġeliku'. F'Malta għandna knejjes li isimhom jinkludiha, bħal pereżempju Knisja Evanġelika Battista u Knisja Evanġeilka Trinità. Organizzazzjoni lokali jisimha ‘The Evangelical Alliance of Malta’, u librerija ġġib l-isem Malta Evangelical Library. Gruppi fuq FB bħal Maltese Evangelical Christians jużaw din il-label u jiġu organizzati attivitajiet b’din il-label tipo Evangelical Women’s retreat. Anke blog għandna, ta’ Dr. Joe Mizzi, bl-isem ‘Evanġeliku’. Dan biex ma nsemmux kemm-il darba xi wħud minna nużaw din il-label meta waqt xi konverżazzjoni jistaqsuna aħniex Kattoliċi u nwieġbu “Le, aħna Evanġeliċi.” 

Però, kif qal tajjeb il-predikatur C.H. Spurgeon, “Ikun paroli fil-vojt li ngħajtu, ‘Aħna Evanġeliċi; ilkoll Evanġeliċi,’ u madankollu ma ngħidux xi tfisser tkun Evanġeliku.”

It-tikketti tajbin?

Ħalli qabel inwieġbu l-mistoqsija prinċipali; ‘X’inhu Evanġeliku?’ nistaqsu mistoqsija oħra importanti biex niċċaraw punt: “Tajjeb li nużaw tikketta bħal din biex nidentifikaw lilna nfusna jew knisja lokali magħha? Wara kollox qed nagħmlu sew jew le?” “Assolutament le!” jgħidulna xi wħud.

Waqt laqgħa li attendejt persuna għamlet intervent u bdiet billi stqarret b'ton pjuttost kburi; “Jien la jien Evanġeliku u lanqas Kattoliku, ma nidentifikax mal-ebda ‘kamp/partit’” Milli stajt nifhem, għalih it-tikketti ma jfissrux wisq, huma inutli, anzi it-tali labels diviżivi, iservu biss biex bħall-ħitan jifirduna. Allura jekk irridu nħobbu ’l xulxin, u nkunu ta’ xhieda effettiva quddiem id-dinja, ikun aħjar neliminawhom. 

Imma t-tikketti verament ħżiena, huma daqshekk negattivi? Dan it-tali, u ħafna oħrajn tal-istess fehma tiegħu, għandhom raġun meta jgħidulna li aħjar nevitaw il-labels u nwarrbuhom għax ħlief konfużjoni, firda u nuqqas t’imħabba ma jġibux? Ma naħsibx! Ikkunsidra dan l-eżempju sempliċi. Li kieku kelli nippreżentalek żewġt iflixken identiċi, wieħed mimli bl-ilma u l-ieħor bil-velenu, u ngħidlek biex tixrob minn dak li fih l-ilma. X’tippreferi li jkollok tikketta li tidentifika wieħed minn ieħor billi tgħidlek x’fih jew le? F'dal-każ il-label f’postha, tkun t’għajnuna għalik jew tfixkil? Aħjar biha jew mingħajrha? Mhux biss, imma min l-aktar jurik imħabba vera: dak li jużaha jew dak li jneħħieha? It-tweġibiet ovvji. Mela l-labels, mhux fil-flixken biss, bżonnjużi ferm, anzi essenzjali. 

X'inhu evanġeliku?

Ħa nerġgħu lura għall-mistoqsija tal-bidu: X’qed nifhmu eżattament kull darba li qed nużaw it-terminu Evanġeliku? Għaliex la qed nużawh, u nagħmlu tajjeb li nużawh u anke li niddefenduh, bilfors li jfisser xi ħaġa preċiża u definittiva, bilfors li fih jiġbor u jinkludi ċerti veritajiet u jeskludi oħrajn.

Issa ċertu kliem u terminoloġija bħal din tista’ tkun xi ftit jew wisq vaga u tikkonfondi lil xi wħud. Faċilment persuna, jew knisja, taqbad din il-label u tużah superfiċjalment inkella mingħajr ma wieħed jifhem xi tfisser eżatt. Bħal pereżempju meta xi wħud jidentifikaw ruħhom bħala 'Born again Christians.' Kieku jifhmu it-termini li qed jużaw u allura li ma tistax tkun 'Christian' veru jekk m'intix 'born again' u li jekk int 'born again' verament allura int 'Christian' ma jagħmlux dawn l-iżbalji xi ftit jew wisq banali. Għaldaqstant huwa importanti ħafna illi jkollna definizzjoni ċara ta’ x’inhu l-Kristjan Evanġeliku, aktar u aktar għaliex Evanġeliku għandu karatteristiċi pekuljari li minnhom jingħaraf u li jiddistingwuh mill-Kristjani inġenerali. 

Sintendi, fil-proċess irridu noqgħodu attenti u nevitaw żewġ estremi. L-ewwel periklu hu li fid-definizzjoni tagħna nkunu estremament dojoq jew riġidi żżejjed għaliex dan iwassal għal dik li nsejħula xiżma. It-tieni periklu huwa eżatt l-oppost; tant inkunu wiesgħin u miftuħin li nispiċċaw bla definizzjoni, għaliex kif qal xi ħadd ‘kelma li tista’ tfisser kollox ma tfisser xejn.’ Jiġifieri li l-umbrella tal-Evanġelikaliżmu tant inwessgħuha illi prattikament kulħadd jista' jiffittja taħtha. Meta dan iseħħ nispiċċaw inċedu għall-ispirtu ekumeniku modern.

Min huma l-evanġeliċi?

Mhux biżżejjed ngħidu pereżempju illi Evanġeliku huwa kull Kristjan li mhux Kattoliku. Id-definizzjoni tagħna trid tkun waħda biblika, storika, konfessjonali u prattika. It-tikketta ‘Evanġeliku’ għandha dawn l-erbgħa dimensjonijiet, kollha importanti.

1. L-għerq bibliku

Il-kelma Evanġeliku ġejja mill-kelma Griega euangelion li tfisser aħbar tajba, vanġelu. Għalkemm il-kelma Evanġeliku ma nsibuhiex fil-Bibbja t-tifsira tagħha hu ‘tal-vanġelu’ jew ‘skont il-vanġelu’. Mela nistgħu ngħidu li Kristjan Evanġeliku huwa xi ħadd li l-fidi tiegħu u ħajtu huma determinati mill-vanġelu Bibliku, dak tal-grazzja ħielsa t’Alla rrekordjat fl-Iskrittura. Ma jqisx xejn iktar importanti mill-vanġelu ta' Sidna Ġesù Kristu, il-pedament tal-fidi tiegħu. 

L-Evanġeliku veru, fehem u jaf l-evanġelu, iħobb l-evanġelju, jipproklama l-evanġelju, u jiddefendi l-evanġelju."

2. Iz-zokk storiku

Jekk l-għeruq tas-siġra Evanġelika huwa l-vanġelu bibliku, iż-żokk hu wieħed storiku; L-ewwel li beda jintuża’ dan it-terminu kien għall-ħabta ta’ nofs is-seklu 16. Martin Luteru u r-Riformisti oħra laqqmu lilhom infushom ‘Evanġeliċi,’ f’kuntrast mal-knisja Kattolika Rumana, li kienet ħbiet l-evanġelu veru bil-ħafna tradizzjonijiet tal-bnedmin u prattikament biddlitu f’evanġelju ieħor. 

Xi 200 sena wara, fil-perjodu tal hekk imsejjaħ Evangelical Revival tas-seklu 18, dan it-terminu sar popolari ferm u ħa post permanenti sal-ġurnata tal-lum. Il-knejjes li ħarġu mir-Riforma Protestanta tas-seklu 16 dottrinalment kienu kollha ‘tal-evanġelju’, ‘evanġeliċi.’ Però sas-seklu 18 is-sitwazzjoni kienet inbidlet u marret għall-agħar. L-evanġelju ma baqax prijorità u ma baqax jixxandar mill-pulpti ta’ ħafna knejjes Protestanti. Meta reġa’ beda jkun skopert mill-ġdid inħass il-bżonn li jinstab terminu li kien jagħmel distinzjoni bejn dawk il-predikaturi li kienu jħaddnu u jxandru l-evanġelu, u dawk li ma kienux. Dawn tal-ewwel ingħataw it-tikketta ta’ Evanġeliċi.

3. Il-fergħat konfessjonali

Id-definzzjoni tagħna ta’ x’inhu Evanġeliku trid ukoll tinkludi d-dimensjoni konfessjonali; dawn huma l-fergħat li joħorġu miz-zokk tas-siġra Evanġelika. Jekk wieħed ma jemminx u jħaddan ċerti dottrini fondamentali u ma jkunx lest jiċħad oħrajn ma jistax jitqies li hu tabilħaqq Evanġeliku, dan jgħodd ukoll għall-knejjes. Knisja li mhix ċara dwar id-dottrini li temmen m’għandhiex dritt tissejjaħ knisja Evanġelika. 

Għalhekk Evanġeliku jenfasizza l-post u l-importanza li għandhom il-Kredijiet storiċi, l-Istqarrijiet ta’ Fidi, il-Katekiżmi, u dokumenti konfessjonali oħra simili. Fihom isib ġabra ta’ dawk id-dottrini li jemmen u jistqarr. Dawn jinkoraġġixxu ċarezza ta’ twemmin. Minnhom jiggwadanja spiritwalment.

X’ħasra li l-maġġor parti tal-Kristjani lanqas biss għandhom idea li jeżistu, aħseb u ara kemm jafu x’fihom! Jekk forsi semgħu bihom iqisuhom bħala dokumenti xotti u jinjorawhom. Mhux l-Evanġeliku! Jgħaraf il-valur tagħhom, jaqrahom, jistudjahom bir-reqqa, isir familjari magħhom u jsibhom t’għajnuna mhux biss fil-kontroversja, imma wkoll għall-konferma tal-fidi tiegħu u t-tisħiħ fl-għixien ġust.

4. Il-frott prattiku

Rajna l-għerq, iz-zokk u l-fergħat tas-siġra Evanġelika, issa jmiss nikkunsidraw fid-dettal il-frott tagħha, ċoè l-aspetti prattiċi u sperimentali. Din li ġejja lista ta’ 14-il karatteristika prinċipali tal-Evanġeliku. Dawn huma karatteristiċi li minn dejjem spikkaw fil-ħajja tal-Evanġeliċi tal-passat. Lejn dawn irridu nħarsu jekk irridu stampa vera u awtentika tal-Evanġeliku u ċertament mhux lejn ħafna Evanġeliċi moderni, li f’ħafna każijiet l-Evanġelikaliżmu tagħhom huwa biss karikatura u saħansitra lanqas biss għadu jingħarfu mill-oriġinal.

1. Evanġeliku huwa persuna ta’ ktieb wieħed – il-Bibbja Mqaddsa

Filwaqt li ħaddieħor jibda’ bil-filosofija, bil-psikoloġija, bl-esperjenza, u mitt ħaġa oħra, l-Evanġeliku dejjem jidba’ bil-Bibbja, bil-Kelma t’Alla. Il-punt tat-tluq tiegħu dejjem hu “X’qal Alla” u mhux “X’qed tgħid is-soċjetà, x’inhu in voga, x’naħseb jew x’inħoss jien, x'qalli l-Ispirtu f'xi ħolma jew viżjoni, x'qed jgħidu l-profeti jew l-appostli moderni li ħatru lilhom infushom, x’jaqbilli jew x’jagħmilni l-iktar ferħan eċċ.” 

Għall-Evanġeliku l-unika regola suffiċjenti, ċerta u infallibbli ta’ kull tagħrif salviviku, fidi u ubbidjenza hija l-Bibbja; Il-Bibbja biss (Sola Scriptura), u l-Bibbja kollha minn Ġenesi sa’ Rivelazzjoni (Tota Scriptura). Fil-prattika dan ifisser, li meta jiġi biex jiġġustifika ruħu għala jħaddan ċerti dottrini u jiċħad oħrajn, u għala jġib ruħu mod u mhux ieħor, ma jargumentax; “għax hekk tgħallem il-knisja, il-maġisteru, it-tradizzjoni,” jew “għax hekk jgħidu s-Santi Padri, il-konċilji jew sinodi” Aktarx jistqarr “Għax hekk tgħallem Kelmet Alla!” Martin Luteru ddeskriva din il-karatteristika tal-Evanġeliku tajjeb ħafna meta stqarr; “Il-kuxjenza tiegħi kkaptivata (jiġifieri maqbuda u marbuta) mill-Kelma t’Alla” 

Għalhekk l-Evanġeliku veru ma jirċievi xejn ħlief dak li hu ovvjament preżentat fil-Bibbja. Urih xi ħaġa li b’mod ċar tinsab miktuba u mgħallma fl-Iskrittura, u anke jekk din tmur kontra l-ġisem, tisfidah, tiskomodah, arah lest jirċeviha, jemminha, u jissottometti ruħu għaliha bla kompromessi. Urih xi ħaġa li hi kuntrarju għall-Kelma u għal dak li hemm mgħallem fiha u m’għandekx ċans li se jaċċettaha, tkun kemm tkun popolari jew raġunevoli. Bħall-frotta projbita, lanqas biss imissha, li ma jmurx imut. 

L-Evanġeliku ma jilqa’ ebda tagħlim, ma jemmen u jsegwi xejn li ma jinsabx fil-Bibbja, jew li jista’ jkun ippruvat mill-Bibbja. Jista jkun tagħlim ħelu zokkor, aċċettabbli għar-raġuni jew għal xi dawl interjuri. Jistgħu jirrakkomandawh l-iskulari, l-ixjentisti, il-kittieba u l-għorrief tad-dinja kollha. Imma jekk mhuwiex tagħlim fil-Bibbja, jekk ma jistax ikun provata mill-Bibbja, jekk ma jaqbilx perfettament mat-tagħlim tal-Bibbja, hekk kif inhu mwassal mill-profeti, minn Kristu, u mill-appostli tiegħu, ma jfisser xejn għalih, u ma jinsteressaħx.

Allura dan ifisser li l-Evanġeliku ma jaqra xejn ħlief il-Bibbja, jarmi kull tradizzjoni, u ma jara ebda valur f’kitbiet oħra barra l-Bibbja? Għandu, kif ġieli jikkritikawh, ‘papa tal-karti’? Assolutament le, xejn minn dan! Li jfisser huwa li l-valur u l-awtorità li l-Evanġeliku jagħti lil kwalunkwe kitba jew persuna oħra jinsabu biss sakemm dawn jgħallmu dak li l-Iskrittura tgħallem. Jorbtulu l-kuxjenza tiegħu safejn u sakemm huma purament Skritturali, u għaliex huma hekk.

2. Evanġeliku huwa persuna li dejjem jgħasses, dejjem attent, moħħu hemm

Sintendi noqgħodu attenti li nifhmu sew dan il-punt għaliex hemm mod tajjeb li wieħed jgħasses u ieħor ħażin, imma l-Evanġeliku huwa xi ħadd li dejjem jishar, dejjem fuq l-allert, għaliex wara kollox il-Bibbja hekk tgħallmu.
It-Testment il-Ġdid mimli eżortazzjonijiet biex noqgħodu attenti u nkunu fuq l-allert.
  • “Ishru u itolbu” jgħidilna Sidna. 
  • Jammonina wkoll: “Oqogħdu attenti mill-profeti foloz, attenti mill-ħmira tal-Fariżej”
  • Meta Pawlu l-appostlu sellem lill-presbiteri tal-knisja f’Efesu qalilhom l-istess ħaġa; “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-merħla kollha, li fiha l-Ispirtu s-Santu qegħidkom sopristanti.”
  • Lill-Kolossin avżahom: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jeħodkom priża permezz ta’ filosofija u qerq vojt, skont it-tradizzjoni tal-bnedmin, skont il-prinċipji elementari tad-dinja, u mhux skont Kristu.” (Kol 2:8)
Għalhekk l-Evanġeliku joqgħod b’seba għajnejn:
  • għan-nasses tal-għadu, it-tentazzjonijiet varji. 
  • għall-konverżjonijiet taparsi u esperjenzi mistiċi. 
  • għat-tagħlim żbaljat, l-ereżija u għall-profeti foloz, ilpup libsin ta’ nagħaġ
Ma jiblax kollox fil-pront qisu mazzun, ma jaqbadx u jagħmel likes fuq FB bl-addoċċ imbasta jara salib, Ġesù, isem ta’ predikatur jew pastor popolari eċċ. 
Li jgħodd għalih mhux ‘min’ qed jgħid u lanqas ‘kif’ qed jgħidu imma ‘x’qed’ jgħid.

L-Evanġeliku attent ħafna dwar dak li n-nies, speċjalment il-predikaturi, min-naħa jżidu mal-verità u min-naħa l-oħra jnaqqsu u jħallu barra. Ħafna Kristjani ġenwini naiv wisq, lanqas biss jindunaw b’dan, jew idumu wisq biex jirrejalizzaw, imma mhux l-Evanġeliku. Dan attent ħafna u jieħu bis-serjetà t-twissija f’Rivelazzjoni 22:18-19: “jekk xi ħadd iżid mal-kliem ta’ dan il-ktieb, Alla jżidlu l-flaġelli deskritti f’dal-ktieb. U jekk xi ħadd ineħħi mill-kliem tal-ktieb ta’ dil-profezija, Alla jneħħi sehmu mis-siġra tal-ħajja u mill-belt il-qaddisa, li huma deskritti f’dal-ktieb.”

Bl-għajnuna tal-Ispirtu li jgħammar fih, kapaċi jiddixxerni, jagħżel bil-għaqal mhux biss bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-veru u l-falz, imma wkoll bejn dak li hu Skritturali u dak li mhux, li mhux bilfors ikun ħażin /midneb fih innifsu.

Mela, meta persuna tieqaf tishar, ma tibqax fuq l-allert, meta tibda’ tirraġuna u tgħid “u iva, tinkwetax, l-aqwa li lkoll kemm aħna Kristjani, ilkoll inħobbu lill-Mulej,” u kliem simili nistgħu ngħidu li bdiet tiżvijja mill-pożizzjoni Evanġelika. 

3. L-evanġeliku ma jafdax ir-raġuni, speċjalment dik fil-forma ta’ filosofija

Sa minn kmieni Tertuljanu kien qal, “X’għandha x’taqsam Ġerusalemm ma’ Ateni, x’għandu x’jaqsam it-tempju mal-akkademja?” Martin Luteru kien isejjaħ lir-raġuni “Dik is-saħħara x-xiħa” 

Allura l-Evanġeliku huwa anti-intellettwali, jiddisprezza u jwarrab il-ħsieb? Lanqas xejn! Li jfisser hu li l-Evanġeliku jżomm ir-raġuni u l-intellett f’posthom. Huma l-qaddejja, strumenti, għodda biex iservuh mhux l-imgħallmin li jikkontrollawh.  Għalhekk Evanġeliku qatt ma jħalli r-raġuni tiddettalu x’għandu jaħseb u jemmen, jippermettilha biss tgħallmu kif għandu jaħseb u jemmen. 

L-Evanġeliku konxju tal-periklu tar-raġuni, madanakollu ma jibżax minnha, ma jaħrabx u jmur jistaħba, u jingħalaq fih innifsu. Ma jwarrabx kull ħsieb u jibbaża kollox biss fuq l-emozzjonijiet / l-esperjenzi. Jaf li l-problemi jinqalgħu meta l-bnedmin iħallu r-raġuni tiddeterminalhom x’għandhom jemmnu: ċoè jekk xi ħaġa ma tasalx għaliha bir-raġuni, allura armiha lil hemm. 

Madwaru jara numru ta’ Kristjani li minflok jissottomettu ruħhom għall-Iskrittura, iħallu x-xjenza, il-filosofija, jew numru ta’ dixxiplini intelletwali oħra, jiddeterminawlhom il-pożizzjoni u t-twemmin tagħhom. Imma hu jibqa’ sod u f’kwestjonijiet reliġjużi u morali, ħadd ħlief il-Bibbja, mhi l-imgħallem tiegħu. Warajha jimxi u mhuwiex lest isegwi ebda gwida umana, bravu kemm hu bravu. Ma jiddisprezzax ir-raġuni, it-tagħlim, ir-riċerka, jew l-għerf tal-passat. Però jirrifjuta illi jpoġġi xi ħaġa fuq l-istess livell tar-rivelazzjoni divina, jew għola.

4. L-evanġeliku jagħti kas tal-istorja u jitgħallem minnha

Kultant naħsbu li aħna l-ewwel nies li għixna fuq did-dinja. Jimportana biss mir-roqgħa ċkejkna u limitata tagħna. X’viżjoni dejqa u qasira għandhom xi Kristjani!
Ninsew li qabilna ġew ġenerazzjonijiet ta’ nies u ta’ Kristjani. Ninsew li aħna qed ingawdu il-frott tat-taħbit tagħhom. Ninsew li għalkemm tlajna fuq il-qamar fil-fatt m’aħniex wisq differenti minnhom.

“Min ma jimportaħx mill-istorja huwa iblaħ, u ma jdumx ma jsib lilu nnifsu jirrepeti l’istess żbalji ta’ dawk li ġew qablu.” Martyn Lloyd Jones

Mlea l-Evanġeliku mhuwiex iblaħ; jimportah mill-istorja, jafha, jirrispettaha, japprezzaha, lest jitgħallem minnha, avolja mhuwiex skjav tagħha.

5. L-evanġeliku jagħti importanza tremenda lir-riġenerazzjoni (it-twelid ġdid)

L-Evanġeliku jassenja post għoli ferm lix-xogħol riġenerattiv tal-Ispirtu s-Santu fil-qalb tal-bniedem. M'huwiex interessat f’teoloġija korretta imma xotta u mejta. Jenfasizza bidu ġdid, twelid mill-ispirtu, ħajja ġdida fi Kristu, ħolqien ġdid. Meta l-bnedmin, individwalment jew bħala knisja, jieqfu jkunu Evanġeliċi, issibhom ipoġġu dejjem inqas u inqas enfasì fuq ir-riġenerazzjoni, u għandhom tendnza jpoġġu dejjem aktar importanza u enfasì fuq xogħol il-bniedem u l-attività tar-rieda tiegħu u tad-deċiżjoni umana. Però mhux l-Evanġeliku, dan jara kollox mil-lenti tal-azzjoni u l-ħidma potenti t’Alla l-Ispirtu s-Santu fir-ruħ. 

Sakemm dan it-tieni twelid iseħħ fil-bniedem ir-reliġjon tiegħu hija biss qoxra vojta, isem u forma, u mhix kapaċi ssalva. Evanġeliku ssibu jenfasizza li dak li jmissna ngħidu lill-bnedmin huwa biex jixħtu l-attenzjoni tagħhom lejn il-ħidmiet qawwija tal-Ispirtu s-Santu fihom: l-indiema ġewwiena, fidi, mibgħeda lejn id-dnub, l-imħabba, l-ubbidjenza u s-sottomissjoni lejn il-liġi t’Alla. Xogħol interjuri tal-Ispirtu t’Alla hu neċessarju għas-salvazzjoni tar-ruħ. 

L-Evanġeliku mhuwiex sempliċement interessat fil-bżonn ta’ ħajja u qawwa, imma jenfasizzaha b’ruħu u b’ġismu. Mhuwiex sempliċement persuna ortodossa, jiġifieri korrett f’dak li jemmen. Iva, għandu dottrina sana, imma ma jieqafx hemm, ma jikkuntetax b’hekk. Issiblu wkoll din l-enfasì kbira dwar il-ħajja, dwar l-avvanz u l-maturità spiritwali. 

Minħabba f’hekk li l-Evanġeliku ssibu dejjem jenfasizza d-dixxiplini spiritwali: it-talb personali u komunitarju, is-sawm, il-qari u l-istudju tal-Bibbja u ta’ kotba spiritwali, il-qadi eċċ u jagħtihom attenzjoni kbira.

6. L-evanġeliku dejjem lest jaġixxi fuq dak li jemmen

Din karatteristika li tispikka u tolqtok fl-antenati tagħna; dawk l-eroj u ġganti tal-fidi. Huma ħafna dawk il-Kristjani ħfief biex jgħidulek x’jemmnu u ma jemmnux, jargumentaw, jiddiskutu u anke saħansitra jbiddlu l-opinjoni tagħhom, però mbagħad ma jagħmlu xejn konkret, huma tqal biex jieħdu azzjoni fil-prattika. 

Mhux l-Evanġeliku! Mimli bl-Ispirtu u mmexxi minnu lest jaġixxi u jieħu azzjoni li taqbel ma’ dak li jemmen. 

L-Evanġeliku jaqra l-Bibbja, iħaddem il-fakoltà tar-raġuni u jistudja l-Iskrittura. Fiha jiskopri d-dottrini, kapaċi jiġġudika li huma veri, imma ma jieqafx hemm. Jgħaddi biex jgħid, “Jeħtieġli nagħmel xi ħaġa dwar din il-verità.” La spokriha (fil-Kelma t’Alla), la fehma, la laqgħaħha, jeħtieġ jgħamilha fil-prattika.

Ma jibżax mill-bidla, personali jew fil-knisja, anke jekk din abbli toħloq skumdità, kontroversja. Għaliex li jaġixxi fuq dak dak li jemmen hija prijorita għali. Mhuwiex xi teorist imma dejjem issibu lest jieħu azzjoni. Dan hu li jagħmlu differenti minn ħafna oħrajn, anke Kristjani ġenwini, li mhumiex Evanġeliċi.

7. L-evanġeliku jissimplifika kollox

X’differenza mill-Kattoliku Ruman li għandu ħabta jikkomplika kollox. Il-filosofija umana komplikata. B’kuntrast, it-twemmin tal-Evanġeliku, l-evanġelju nnifsu huwa essenzjalment sempliċi. L-Evanġeliku jaħseb u jirraġuna b’mod sistematiku dwar it-twemmin tiegħu. Mhux il-Kattoliku, diffiċli issegwi l-argumenti tiegħu favur dak li jemmen u r-reliġjon, ħafna tidwir u l-logħob bil-kliem li ma jwasslu mkien konkret.

L-approwċ tal-Evanġeliku huwa dejjem wieħed sempliċi. Is-sempliċità tiegħu tispikka fil-modi li jersaq lejn Alla; bl-indiema u afdar sempliċi. Toħroġ ċar fil-qima li joffri ’l Alla:
  • Qima fl-ispirtu u l-verità.
  • Qima reverenti, serja, fl-istess waqt ferrieħa
  • Qima spontanja u ordnata imma mhux formali; m’għandux bżonn liturġiji, ċerimonji, festi. 
Mhix qima estetika: m’għandux bżonn statwi, pitturi, xemgħat, inċens, arranġamenti mużikali, vestwarji ikkuluruti u mitt ħaġa oħra.

Mhux biss imma dan il-prinċipju ta’ sempliċità jidher u joħroġ fil-ħajja sħiħa tal-Evanġeliku.

8. Evanġeliku jagħti importanza tremenda għal mod kif jgħix. 

Evanġeliku jħaddan il-fehma soda li l-grazzja t’Alla hi xi ħaġa li dejjem turi lilha nfisha fil-kondotta, fl-imġieba, fil-mgħodijiet, l-għażliet u l-użanzi ta’ dak li fih tkun. Il-grazzja t’Alla, għall-Evanġeliku m’hijiex xi ħaġa li tista’ tkun fil-bniedem moħbija jew ma tidhrix. Konvint illi kull fejn ikun hemm l-Ispirtu u l-ħidma tiegħu dejjem ikun hemm l-evidenza.

Għalhekk Evanġeliku jsostni illi hija delużjoni perikoluża jekk ngħidu lil xi ħadd, “int imwieled mill-ġdid, ikkonvertit, int Kristjan” meta dan għadu jgħix b’mod traskurat u fil-vizzju tad-dnub. Evanġeliku jafferma li s-siġra tingħaraf mill-frott tagħha, u jekk irridu nkunu nafu persuna x’inhi u lil min qed isservi l-ewwel post li lejh irridu nħarsu huwa lejn ħajjitha. Dan għaliex fejn ikun hemm il-grazzja vera, xi ftit jew wisq, ikun hekk il-frott li jidher fil-ħajja. Grazzja li ma tidhirx fil-prattika, mhi grazzja xejn (Ġak.2:14-26). 

Għaldaqstant impossibbli li Evanġeliku veru jkun Antinomjan – jgħix bla liġi.
Għall-kuntrarju ssibu attent għal kif jgħix ħajtu, anke fl-iċken dettalji. 
  • Attent li ħajtu tkun bla tixlija fil-familja, xogħol, knisja. (Voldiri, ma jagħtix lok li xi ħadd ikollu għalfejn jgħid xi ħaġa fuqu.)
  • Attent li ma jkunx ta’ tfixkil għal min hu aktar dgħajjef minnu (Rum.14). 
  • Attent biex imantni l-opri tajba (Ef.2:10).
  • Attent biex ma jkunx ikkonformat mal-ispirtu tad-dinja (Rum 12:2) jew jitħabbeb imqar ftit magħha (1 Ġw.2:15; Ġak.4:4) imma aktarx jirreżiżti b’kemm għandu saħħa u ma jħallix lilu nnifsu jiġi influwenzat. 
Mhux ta’ b’xejn li xi Evanġeliċi fil-passat kienu jissejħu Puritani, jew Metodisti għaliex kienu attenti ħafna u metodiċi dwar il mod li jgħixu. Nistgħu ngħiduh ukoll dan għall-Evanġeliċi tal-lum?

9. L-Evanġeliku dejjem issibu ikkonċernat dwar id-dottrina tal-knisja lokali

Mhux veru li ma jistmax il-knisja lokali jew jissottovalutaha, jiġifieri jqisha bħala xejn. Il-verità hi li qatt mhu se jgħolliha ’l fuq minn Kristu, jew jgħid li jekk tkun membru f’xi knisja hi ugwali għal li tkun membru fi Kristu. Il-post li jassenjalha hi dik li l-Iskrittura tagħtiha, u xejn aktar.

L-Evanġeliku jrid li l-knisja tkun konformi u taqbel f’kollox mal-pattern li nsibu fil-Patt il-Ġdid. Kollox importanti għalih anke dawk l-affarijiet li jistgħu jidhru irqaqat jew ħmerijiet għal xi wħud. Mhuwiex kuntent bl-istatus quo tal-knisja, qatt ma jgħid ‘u ija ta, m’aħniex ħażin’ imma dejjem issibuh jinkwieta kif jista’ jtejjeb l-affarijiet. Dejjem jaspira li jara l-knisja tilħaq livell għola minn dak diġà milħuq.
Filwaqt li jirringrazzja ’l Alla għall-kisbiet u l-progress jirsisti biex dak li għadu dgħajjef jissaħħah u dak li għadu nieqes jinstab. 

L-idea tiegħu hi li l-knisja hija l-miġemgħa tal-qaddisin:
  • għalhekk jimpurtah li jara knisja dejjem aktar pura
  • Iqis il-knisja bħala l-ġisem ta’ Kristu 
  • għalhekk iridu jarah dejjem aktar b’saħħtu mhux marradi. 
  • Iqis il-knisja bħala l-għarusa tiegħu 
  • għalhekk irid jaraha dejjem tisbieħ u mhux tikrieh. 
10. L-evanġeliku jagħti importanza kbira lill-istejqien

Stejqien, revival, huwa att sovran u qawwi t’Alla, ħafna drabi bi tweġiba għat-talb, fejn Alla jżur lill-poplu tiegħu (jew individwi). Iqajmu mill-istat spiritwali, ħafna drabi wieħed ta’ apatija u telqa, li jkun fih u jagħtih ħajja ġdida.

L-uniċi Kristjani li verament jimportahom minn stejqien ġenwin huma l-Evanġeliċi. Ħafna Kristjani jitkellmu dwar l-istejqien imma mhux veru jemmnu fih u jixtiequh. L-Evanġeliku dejjem issibu jixxennaq għal tferrigħ tal-Ispirtu s-Santu, u regolarment jitlob ’l Alla għalih. Hija xi ħaġa fin-natura u l-identità tiegħu li huwa interessat tremendament fl-istejqien.

Filwaqt li jirringrazzja ’l Alla għal jum il-ħwejjeġ żgħar ma u ma jiddisprezzax jew imaqdru (Żak 4:10), jixxennaq u jitlob lil Alla jċarrat is-smewwiet u jinżel biex il-preżeżnza tiegħu tħeżżeż il-muntanji (Isa.64:1).

11. It-talb huwa vitali fil-ħajja tal-evanġeliku

L-element tat-talb tant jispikka fih, ma jgħaddix mingħajru – huwa n-nifs tal-ħajja spiritwali. Sintendi ma jqisx it-talb bħala xi eżerċizzju jew drawwa imma għalih huwa xirka vera u intima m’Alla Trinità. Għalhekk tarah jagħti importanza tremenda, mhux biss għat-talb fil-privat, ta’ kuljum, imma wkoll għat-talb pubbliku, għal-laqgħat ta’ talb mal-aħwa.

Jekk it-talb mhuwiex fl-għola post fil-ħajja personali tagħna jew tal-knisja tagħna, m’għandna ebda dritt nissejħu Evanġeliċi, kif wara kollox lanqas imissna nissejħu Kristjani!

12. Għall-evanġeliku l-predikazzjoni għandha post fuq quddiem nett

Din hi r-raġuni għala fil-knejjes Evanġeliċi l-post ċentrali huwa mgħoti lill-pulptu mhux lil xi artal, xi palk għall-istrumenti mużikali jew xi ħaġa oħra. Nistgħu ngħidu illi meta n-nies jieqfu juru interess u ħeġġa għall-predikazzjoni, u jibdew ipoġġu xi ħaġa oħra qabilha bħad-diskussjoni, il-kant u l-mużika, iż-żfin, il-mima, id-drama eċċ jieqfu jkunu Evanġeliċi. U meta diversi forom ta’ divertiment bil-mod il-mod jieħdu post il-predikazzjoni, il-predikazzjoni nfisha ssir tedjanti sakemm ma tkunx ‘entertaining.’ Mela, għall-Evanġeliku, il-predikazzjoni hi ċentrali u xejn ma jħabbatha magħha jew jirriplesjaha. 

13. L-evanġeliku kontinwament interessat u impenjat regolarment fl-evanġeliżmu. 

Evanġeliku veru ma jevanġelizzax kultant, bl-iskossi, f’xi okkażjonijiet speċjali imma l-evanġeliżmu parti integrali mill-ħajja tiegħu. Ħafna Kristjani, kemm individwali kif ukoll knejjes, iħaddnu tagħlim Bibliku korrett imma la huma interessati u lanqas impenjati regolarment fl-evanġeliżmu. F’dan il-każ ma jistgħux jissejħu Kristjani Evanġeliċi. Għalliex l-Evanġeliku huwa xi ħadd li għaraf x’għamel Alla miegħu u minħabba f’hekk huwa anzjus biex jara lill-oħrjan jesperjenzawh ukoll. Iħares madwaru u jara lil dawk ta’ madwaru, mitlufin, u dan isir toqol għalih. Mhuwiex se jkun sodisfatt sakemm jagħmel xi ħaġa, anzi jagħmel l-almu tiegħu biex iwassalhom għall-għarfien tal-verità kif inhi fi Kristu Ġesù. F’moħħu jberren dejjem il-ħsieb ta’ kif se jevanġelizza, x’meżżi leġittmi għandu għad-diżpożizzjoni u kif jista' jutilizzahom. 

Din tal-aħħar hija pjuttost negattiva, u ħafna joqomsu appena jismgħuha.
Però f’dan iż-żmien ta’ pożittiviżmu li qed ikaxkar ħafna Kristjani, fiż-żmien fejn il-parti l-kbira tal-Kristjani huma intimidati u ma jażżardawx jiftħu ħalqhom biex jopponu jew jipprotestaw, huwa tajjeb li kif qalet waħda mara ‘ikun hawn min hu kontra xi ħaġa u kuraġġuż biżżejjed biex jiddikjara dan pubblikament’.

14. L-evanġeliku anti-ekumeniku

L-Ekumeniżmu huwa moviment li jġib ’il quddiem l-unità dinjija fost ir-reliġjonijiet, b’mod speċjali fost il-Kristjani bejniethom, permezz ta’ kooperazzjoni isħaħ. L-Evanġeliku mhuwiex favur dan il-moviment u lanqas jappoġġah.

Il-għala?
  • Forsi għax ma jimpurtahx mit-talba ta’ Ġesù għall-unità fi Ġwanni 17, jew jiġi jaqa’ u jqum li jkun xhieda tajba quddiem d-dinja?
  • Forsi għax ma jgħarafx il-prijorità tal-għaqda u jippreferi d-diviżjoni? 
  • Forsi għax stinat, supperv, imkabbar u jaħseb li hu aħjar minn kulħadd?
  • Forsi għax pikuż, u hekk kappriċċjożament jieħu pjaċir jaqla’ l-argumenti, il-kontroversji u l-polemika.
  • Forsi għax minflok mimli bl-imħabba u aċċettazzjoni lejn dawk li ma jaqblux miegħu, mimli bl-intolleranza?
Nassigurakom, li xejn minn dan! 

Sintendi issib min hu hekk, imma mhux l-Evanġeliku veru. Mela l-għala jopponi l-Ekumeniżmu b’daqshekk fermezza? Għaliex għandu raġuni valida; jaf u jinsab konvint illi l-Moviment Ekumeniku modern, filwaqt li fil-qoxra ta’ barra, bil-kliem jistqarr ċerti veritajiet, essenzjalment huwa bbażat fuq l-indifferenza u l-apatija dottrinali. 

U l-Evanġeliku qatt u qatt mhu se ssibu indifferenti lejn il-verità Skritturali. Għalih id-dottrina hi fondamentali u essenzjali. M’għandekx ċans li se jagħmel xi kompromess ma’ xi dottrina Biblika. Anzi jenfasizza u jerfa’ ’l fuq id-dottrini bibliċi kollha, u mhux iħaddan xi ftit u jwarrab mal-ġenb oħrajn bħallikieku dawn mhumiex daqshekk importanti. Qatt mhu lest jissagrifika l-verità, jew parti minnha, fuq l-altar tal-unità, f’isem l-imħabba u s-sliem.

Mhux hekk dawk kollha involuti fl-Ekumeniżu Modern; L-għajta tagħhom hi: “Il-Kristjaneżmu huwa persuna mhux dottrina, relazzjoni mhux teoloġija, l-aqwa li temmen f’Ġesù (għalkemm ma jispjegawlekx xi jridu jgħidu biha jew x’qed jifhmu ‘b’temmen f’Ġesù”). Mhuwiex daqshekk importanti x’temmen jew x’ma temminx, l-aqwa l-imħabba, allura mhux vallapena noqgħodu nargumentaw bejnietna fuq ħwejjeġ li ma naqblux dwarhom, aħjar inwarrbuhom u ningħaqdu flimkien f’ġisem wieħed.”

Dawn in-nies mhumiex lesti jagħmlu stqarrijiet ċari tad-dottrini u veritajiet li jħaddnu u dawk li jiċħdu, għax inkella “nonqsu mill-imħabba u noħolqu aktar firdiet.” Imma għall-Evanġeliku l-preċiżjoni u ċ-ċarezza teoloġika importantissimi u vitali. Id-dottrina jqisha bħala t-test kruċjali li biha wieħed jingħaraf x’inhu; huwiex verament Kristjan jew le, jingħaraf jekk l-vanġelju li jgħallem huwiex dak veru inkella dak falz. L-Evanġeliku aktar jibża’ mill-errur dottrinali, mill-ereżija milli mill-kontroversja, għax dak hu li jeqred ruħ il-bniedem. Hu minħabba f’hekk li l-Evanġeliku mhuwiex interessat u lanqas lest iħaddan laqgħat ekumeniċi pubbliċi, għalkemm lest li jħaddan u jilqa’ b’imħabba personalment lil dawk kollha involuti fih u jitlob għalihom.

Sintendi, ħa nkunu ċari, l-Evanġeliku favur l-ekumeniżmu, imma dak veru, ċoè għaqda u kooperazzjoni bejn aħwa Kristjani. Jemmen fl-għaqda u fl-unità, jitlob, jaħdem u jirsisti għalija u jfittex is-sliem. Jobgħod id-diżgwid u l-firda. Iżda ekumeniżmu mal-Knisja Kattolika Rumana u Protestanti liberali biex taparsi aħna magħquda meta fil-verità m’aħniex, huwa inaċċettabbli għalih. Għax għall-Evanġeliku d-dottrina biblika għandha prijorità fuq ix-xirka. Jaf li xirka vera li togħġob ’l Alla hi mibnija fuq dottrina biblika. Konvint illi mhuwiex għaqli nfittxu l-imħabba jew l-unità akkost tal-verità, għax it-tlieta huma indispensabbli.

Mela l-Evanġeliku, f’ċertu sens huwa dejjaq ħafna u mhuwiex miftuħ bħal dwak li tant kemm huma wiesgħin spiċċaw tilfu kull identità.

Iż-żmien li qed ngħixu fih jitlob minnha li nkunu onesti u trasparenti mhux diżonesti u vagi dwar il-konvinzjonijiet li nħaddnu. Irridu nkunu kuraġġużi biżżejjed li nistqarruhom bla biża’ anke jekk jifhmuna ħażin, jikkritikawna u jgħajjruna.

Konklużjoni

Penġejna stampa kemm jista’ jkun tas-siġra Evanġelika. 
  • L-għeruq huma skritturali,
  • iz-zokk storiku,
  • il-fergħat konfessjonali 
F’dawn insibu d-deskrizzjoni vera u awtentika tal-Evanġeliku u mhux fl-Evanġeliċi kontemporanji / ta’ żmienna.

Rajna wkoll il-frott prattiku
  • 14-il marka distintiva li bihom jingħaraf l-Evanġeliku.
  • 14-il karatteristika li jmisshom jispikkaw fih.
Għalkemm ħafna minnhom issibhom fil-Kristjan inġenerali, id-differenza tinsab fl-istima u fl-importanza li aħna l-Evanġeliċi nassenjawlhom. Għalina dawn għandhom post prominenti, ċentrali, fuq quddiem nett. 

Interessanti illi huwa proprju minħabba dawn il-karatteristiċi, jew aħjar minħabba l-importanza kbira li l-Evanġeliku jagħtihom, li huwa spiss attakkat, ikkritikat, iġġudikat u ttimbrat bħala fanatiku għami u intolleranti, estremist bla mħabba, elitist u aktar. 

Jalla ma nieħdux din it-tikketta ‘Evanġeliku’ for granted jew nużawha bl-addoċċ. Min-naħa tagħna la beħsiebna ninjorawha u wisq inqas inwarbuha. Mhux talli m’aħniex se niddejqu jew nistħu nużawha, imma għall-kuntrarju beħsiebna ngħożżuha u niddefenduha, għaliex wara kollox hi dik li tispjega tajjeb it-tip ta’ Kristjani li tabilħaqq aħna: Kristjani evanġeliċi!

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446