X’inbidel, x’ma nbidilx u x’għad jinbidel


X’Inbidel

Il-pandemija ġabet bidliet kbar … irqadna ġo dinja u stembaħna ġo dinja oħra.
  • Ingħalqu l-iskejjel u ħafna ħwienet, ir-ristoranti u anke l-ajruport.
  • Bqajna d-dar magħluqin ġewwa, naqsu l-karozzi mit-toroq, u ħafna ma marrux fuq ix-xogħol.
  • M’għadniex nieħdu b’idejn xulxin jew nitkellmu wiċċ imb wiċċ. Qed nilbsu l-maskri u l-visors meta nidħlu f’ħanut. Kważi tibża’ tgħaddi viċin ħaddieħor.
  • Tgħallimna vokabularju ġdid: covid-19, kwarantina, social distancing, sanitizer, facemasks, zoom u teams, u naturalment, stay safe.
  • Xi wħud naqsilhom id-dħul finanzjarju, oħrajn tilfu x-xogħol, oħrajn ġew deportati.
  • Waqqafna ż-żjarat l-isptar u fid-djar tal-anzjani, u n-nanniet ma setgħux jerfgħu u jbusu lin-neputijiet, ħlief jarawhom fuq Skype.
  • Bżajna meta rajna x’ġara l-Italja: sptarijiet iffullati, u nies imutu bil-mijiet, sikwit weħidhom. Xi ftit ansjetà li nimirdu aħna jew l-maħbubin tagħna ħassejna wkoll.
  • Ma bqajniex niltagħqu flimkien il-knisja biex inqimu ‘l Alla.
  • </ul>
Il-ħajja ‘normali’ kienet il-bieraħ; issa irridu naddattaw għal normalità ġdida.

X’Ma Nbidilx

Ħafna taqlib seħħ fl-aħħar xhur, imma mhux kollox inbidel ...

1. ALLA MA NBIDILX

Alla hu immuttabbli. Kien, għadu u jibqa’ perfett fl-attributi kollha tiegħu.

Fl-Iskrittura naqraw: “U, Int, Mulej, fil-bidu qegħidt is-sisien tal-art, u xogħol idejk huma s-smewwiet; huma jintemmu imma inti tibqa’, kollhom jiqdiemu bħal ma tagħmel libsa u tkebbibihom bħal mantar, u jitbiddlu, iżda int tibqa’ l-istess, u sninek ma jintemmux” (Lhud 1:10-12).

Innota l-kuntrast bejn Alla u l-ħolqien. Alla huwa etern u immuttabbli; il-ħolqien kellu bidu, u qed jinbidel u jeqdiem. Għalhekk m’għandniex nissorprendu ruħna bit-taqlib u l-maltemp, lanqas nistgħu nafdaw fi ħwejjeġ li jgħaddu - is-siġurtà tagħna nsibuha biss f’Alla: “Int ruħi, strieħ biss f’Alla; għax minn għandu tiġini t-tama; hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi: hu l-kenn tiegħi; jien ma niċċaqlaqx” (Salm 62:5-6).

Alla hu blata soda; Alla ma nbidilx ... 
  1. Alla kien u għadu u jibqa’ sovran, dak kollu li jseħħ, inkluż il-pandemija, huwa taħt il-kontroll perfett tiegħu. Għalhekk nistgħu nserrħu moħħna li l-għan tiegħu għalina, li kollox jaħdem flimkien għall-ġid tagħna li nħobbuh, iva, l-għan t’Alla għalina jseħħ fiż-żgur.
  2. Lanqas inbidlet il-Kelma tiegħu. “Għal dejjem, o Mulej, il-kelma tiegħek hi mwaqqfa fis-smewwiet” (Salm 119:18). L-Iskrittura għada l-ġwida ċerta fil-pellegrinaġġ tagħna.
  3. Il-wegħdi t’Alla għadhom sħaħ. Hu wegħdna li jibqa’ magħna sat-tmiem. Ma nħallik qatt u lanqas nitilqek, qalilna. Il-preżenza tiegħu magħna matul il-vjaġġ tagħtina kuraġġ ta’ sur. Mhux biss, il-wegħda li għad jerġa' jiġi u jeħodna miegħu wkoll timliena bit-tama.
2. MA NBIDLITX ID-DIPENDENZA TAGĦNA FUQU

Il-pandemija kixfet kemm aħna vulnerabbli u dgħajfin. Tikka ta' virus ħarbat id-dinja. Fi żmien il-bnazzi nimmaġġinaw li b’ħilitna kapaċi nkampaw, u forsi ninsew il-Mulej, imma fil-maltemp nibżgħu u nduru lejh. Illum, aktar minn qabel, nagħrfu kemm niddependu fuqu.

Neħtieġu 'l Alla biex jiprovdielna materjalment (il-ħobżna ta’ kuljum), u jipprovdielna spiritwalment (il-maħfra u l-protezzjoni tiegħu). Fi kliem ieħor, ma nbidilx il-bżonn li nitolbuh. “Itolbu dejjem!” (Efesin 6:18) ... għax dejjem neħtieġuh.

3. MA NBIDLITX L-OPPORTUNITÀ LI NAGĦMLU L-ĠID

Jekk xejn għandna bżonn nuru soledarjetà ma’ xulxin aktar minn qatt qabel. Social distancing ma tfissirx li ningħalqu fina nfusna u nitwarrbu mill-oħrajn. Għal kuntrarju, aħna li rċivejna l-imħabba ta’ Kristu, ejja nħobbu lill-oħrajn. Ejja nitolbu għal xulxin u ninkoraġixxu wieħed lill-ieħor - anke telefonata jew messaġġ jafu jferrħu lil dak li jkun. Ejja nagħtu daqqa t’id lill-proxxmu fejn nistgħu. Fid-dar, ejja b’attitudni ta’ umiltà u mħabba, nura sabar ma’ xulxin u nservu bil-qalb. Għad għandna wkoll l-opportunità li nxandru l-evanġelju, il-bxara t-tajba li d-dinja infettata bid-dnub tant teħtieġ għall-fejqan tagħha.

X’Għad Jinbidel

Alla ma jinbidel qatt ... u aħna dejjem nibqgħu niddependu fuqu għall-għixien u l-ferħ tagħna, anke fil-ġenna. Dawn iż-żewġ ħwejjeġ qatt m’huma se jinbiddlu.

Imma ħaġa waħda li ma nbidlitx bil-pandemija, għad tinbidel u tispiċċa: l-opportunità li nservu f’din id-dinja. Għax illum hawn u għada m'aħniex. Issa huwa l-waqt! “Billi issa għandna ż-żmien, ħalli nagħmlu l-ġid lill-bnedmin kollha, u l-aktar lil dawk ta’ dar il-fidi” (Galatin 6:10).

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446