Tista’ tgħidli, ħanini, min għamlek?


Mistoqsija u Tweġiba


M. Tista’ tgħidli, ħanini, min għamlek?

T. Alla li għamel is-sema u l-art.


M. Alla x’għamel għalik?

T. Iħarisni mid-deni bil-lejl u bi nhar, u dejjem jagħmilli l-ġid.


M. U x’imissek tagħmel int għal dan Alla li hu hekk ħanin lejk?

T. L-ewwel imissni nitgħallem li nagħrfu, u mbagħad imissni nagħmel kull ħaġa li togħġbu.


M. Fejn jgħallimna Alla li nagħarfuh, u nogħġbuh?

T. Fil-Kelma Mqaddsa tiegħu.


M. Int tgħallimt tagħraf min hu Alla?

T. Alla hu Spirtu, u għad illi aħna ma nistgħux narawh, hu jista’ jagħraf u jara kollox, u jista’ jagħmel kollox.


M. X’imissek tagħmel biex togħġob ‘l Alla?

T. Għandi nġib ruħi sewwa m’Alla u mal-bnedmin.


M. Kif imissek iġġib ruħek m’Alla?

T. Għandi nibża’ minnu u nweġġħu, u nħobbu u nservih, nitolbu u nfaħħru.


M. Kif imissek iġġib ruħek mal-bnedmin?

T. Imissni nisma’ mill-ġenituri tiegħi, u ngħid il-ħaqq dejjem, u nkun onest u ħanin lejn kulħadd.


M. X’ħajr tistenna billi tfittex togħġob ‘l Alla?

T. Li jien inkun bin Alla, u jkolli ’l Alla b’Missieri u ħabib għal dejjem.


M. U x’ikunlek jekk int ma tibżax minn Alla, u ma tħobbux, u lanqas tfittex togħġbu?

T. Ikunli, li nkun tifel ħażin, u Alla jagħdab għalija.


M. Għaliex int beżgħan mill-għadab t’Alla?

T. Għaliex jista’ jmewwitli lil ġismi, u jista’ jgħakkes lil ruħi wara li ġismi jkun mejjet.


M. Imma inti qatt għamilt xi ħaġa biex ġiegħelt l Alla jagħdab għalik?

T. Iva, u jien beżgħan li wisq dnibt kontra Alla, u li jistħoqqli l-għadab tiegħu.


M. X’tifhem billi tidneb kontra Alla?

T. Nifhem li nagħmel xi ħaġa li Alla jkun ċaħadha inkella li ma nagħmilx li jmissni.


M. U x’għandek tagħmel biex tinħeles mill-għadab t’Alla, li jistħoqq lil dnubietek?

T. Imissni nkun sogħbien għal dnubieti; u jmissni nitlob ’l Alla li jaħfirli d-dnub l-imgħoddi, u nservih aħjar 'l quddiem.


M. Alla jaħfirlek jekk titolbu il-maħfra?

T. Jiena nitma’ li jaħfirli, jekk nittama fil-ħniena tiegħu, f’ġieħ li għamel u bata Ġesù Kristu.


M. Int taf min hu Ġesù Kristu?

T. Huwa Bin Alla li niżel mis-sema biex jeħlisna minn dnubietna, u mill-għadab t’Alla.


M. X’għamel Kristu biex jeħles il-bniedem?

T. Sema’ mil-liġi t’Alla huwa nnifsu, u għallimna l-kif aħna nisimgħu minnha wkoll.


M. U x’bata Kristu biex jeħles il-bniedem?

T. Miet għall-midinbin li kisru il-liġi t’Alla, u li kien jistħoqqilhom li jintilfu għal dejjem.


M. Issa fejn hu Kristu?

T. Hu ħaj mill-ġdid, u tela’ s-sema biex iħejji għamara hemm għal dawk li jservu ’l Alla, u jħobbu ’l Ibnu Ġesù.


M. Tista’ minnek innifsek isservi u tħobb l Alla u lil Kristu?

T. Le, ma nistax nagħmel dan minni nnifsi, izda Alla jgħinni bl-Ispirtu Mqaddes tiegħu, jekk nitolbu l-għajnuna.


M. Għandu jiġi darb’ oħra Ġesù Kristu?

T. Iva, u jsejjaħ lili u d-dinja kollha biex nfissru ruħna fuq li konna għamilna.


M. L-għaliex ikollna nfissru ruħna fuq dan?

T. Biex ulied Alla, kif ukoll il-ħżiena, jingħatalhom bħalma għamlu.


M. X’isir minnek jekk inti ħażin?

T. Jekk jien ħażin, inkun mibgħut f’nar ta’ dejjem, fost ħlejjaq mgħakksa u ħżiena.


M. U fejn tmur jekk inti tarbija t’Alla?

T. Jekk jien tarbija t’Alla, jien nittieħed fis-sema, u nkun hemm m’Alla u ma’ Kristu għal dejjem.

* * *


Mikiel Anton Vassalli, 1764 -1829.

Pubblikat f’Appendiċi minn A. Zahra de Domenico. “A Protestant Catechism by Vassalli.” Dawl ġdid fuq Vassalli. L-Għaqda tal-Malti (Università) u l-Istitut tal-Lingwistika (Malta 2004), 165-168. Fil-fehma ta’ Zahra de Domenico, dan il-katekiżmu Protestant kien miktub minn Mikiel Anton Vassalli.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446