Mibnija fuq Kristu


Fuq min hi mibnija l-Knisja?

L-Iskrittura tħeġġeġ lill-membri tal-Knisja: “Għixu mela fi Kristu Ġesù, Sidna, kif tgħallimtuh, b’għeruqkom fih u ħajjitkom mibnija fuqu, imwettqin bil-fidi bħalma tgħallimtu” (Kolossin 2:6-7). Il-Knisja hi mibnija fuq Kristu, kif imxandar mill-profeti u l-appostli: “Mibnija lkoll fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka” (Efesin 2:20). Il-pedament tal-Knisja diġà tqiegħed. “Pedament ieħor ħadd ma jista’ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu” (1 Korintin 3:11).

Min hu l-Kap tal-Knisja?

“Kristu hu ras il-knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu” (Efesin 5:23). L-Iben il-maħbub t’Alla “hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja” (Kolossin 1:18). Il-primat tal-Knisja huwa Kristu.

Lil min ħalla Kristu rappreżentant tiegħu fuq l-art?

Fil-lejl qabel bata, il-Mulej Ġesù wiegħed lid-dixxipli: “Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità” (Ġwanni 14:16-17). L-Ispirtu s-Santu ġie f’Pentekoste. Hu kien, għadu u jibqa’ l-Vigarju ta’ Kristu fuq l-art sa tmiem id-dinja.

Fuq din il-Blata

Il-knisja Kattolika tagħti tweġibiet differenti. “Il-Mulej għamel biss lil Xmun il-blata tal-Knisja tiegħu u tah l-isem ta’ Pietru.” “L-isqof ta’ Ruma, bis-setgħa tal-uffiċċju tiegħu bħala Vigarju ta’ Kristu u Ragħaj tal-Knisja kollha, għandu fil-Knisja setgħa sħiħa u suprema u universali” (Katekiżmu 881, 882).

Biex niżnu dawn l-istqarrijiet, tajjeb l-ewwel naqraw is-silta li skont il-knisja Kattolika tagħti prova tal-awtorità tal-Papa.

Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” “Imma intom min tgħidu li jien?” staqsihom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jien ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-Infern ma jegħlbuhiex.” (Mattew 16:13-18).

Meta kont għadni tfajjel fuq il-bank tad-dottrina, l-għalliema qaltilna li l-Knisja hija mibnija fuq Pietru, għaliex ‘Pietru’ tfisser ‘blata.’ Kont pjuttost sorpriż meta tgħallimt li ‘Pietru’ (petros) u ‘blata’ (petra) huma żewġ kelmiet b’tifsira differenti. It-tifsira Kattolika tassumi li ‘Pietru’ u ‘blata’ huma pariġġ, meta fil-fatt mhumiex.

Kristu jibni l-Knisja fuq il-blata. Imma, x’inhi din il-blata soda li fuqha sserraħ id-dar t’Alla? Is-suġġett tal-pass f’Mattew 16 mhux Pietru, imma l-identità ta’ Ġesù. Għalhekk naħseb li ‘l-blata’ hi l-istqarrija tal-fidi fuq fomm l-appostlu Pietru, jiġifieri, “Int l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” Wara kollox kemm l-appostlu Pawlu kif ukoll l-appostlu Pietru nnifsu jsejħu lil Ġesù Kristu ‘il-blata’ (petra) (1 Korintin 10:5; 1 Pietru 2:8). L-Iskrittura tistaqsi, “Min hu Alla ħlief il-Mulej, u min hu Blata ħlief Alla tagħna?” (Salmi 18:32).

Taħsibx li din hi xi interpretazzjoni ġdida ta’ dan il-pass kruċjali. Għalkemm xi wħud mill-kittieba patristiċi jfissru ‘l-blata’ bħala Pietru jew l-appostli, il-maġġoranza tagħhom ifissruha bħala Kristu stess jew l-istqarrija ta’ Pietru dwaru, “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj.” Ngħidu aħna, Sant’ Wistin kiteb: “Għalhekk, qal Ġesù, ‘Int Pietru, u fuq din l-Blata’ li inti stqarrejt u għaraft, meta għidt ‘Inti l-Kristu, Bin Alla l-ħaj’ jien nibni l-knisja tiegħi; jiġifieri fuqi, fuq l-Iben t’Alla l-ħaj, ‘nibni l-knisja tiegħi.’” (Philip Schaff, Nicene and Post-Nicene Fathers, vol. VI, Saint Augustine, Sermons on New Testament Lessons, Sermon 26.1-2 (Grand Rapids: Eerdmans, 1956), p.340.)

Interessanti li l-knisja Kattolika tammetti li din hi tifsira korretta. Fil-Katekiżmu, paragrafu 424, insibu miktub: “Imbuttati mill-grazzja tal-Ispirtu s-Santu u miġbudin mill-Missier, aħna nemmnu u nistqarru dwar Ġesù: ‘Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj’ (Mt 16,16). Hu fuq il-blata ta’ din il-fidi, li stqarr San Pietru, li Kristu bena l-Knisja tiegħu (ara Mt 16,18).” Tassew, il-blata hija l-fidi mistqarra minn Pietru, “Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj.” Kif mela l-knisja Kattolika tinsisti li “l-Mulej għamel biss lil Xmun il-blata tal-Knisja”?

L-appostlu Pietru

Pietru u l-appostli l-oħra qatt ma fehmu li l-Mulej ħatar lil Pietru l-ewwel fosthom jew il-kap tagħhom. Saħansitra fil-lejl tal-passjoni “nqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed” (Luqa 22:24). Il-Mulej ma fakkarhomx x’kien qal aktar kmieni lil Pietru f’¬esarija. Qalilhom biss li ma kellhomx jaħkmu fuq in-nies bħas-slaten tal-pagani, imma kellhom ikunu l-qaddejja tal-Knisja.
Pietru fehmha sew il-lezzjoni. Għalkemm kien prominenti fost sħabu, fetaħ il-bieb tas-saltna għal-Lhud u l-Ġentili, u ħadem kemm felaħ għall-Knisja, Pietru sejjaħ lilu nnifsu appostlu u qaddej ta’ Ġesù Kristu u “presbiteru jien ukoll” bħall-presbiteri l-oħra. Iżda qatt ma ftaħar b’xi titlu bħal Papa, kap tal-appostli, vigarju ta’ Kristu jew isqof universali. Il-knisja Kattolika ssejjaħ lil Pietru “r-ragħaj il-kbir tal-knisja.” Pietru ma jaqbilx; mhux lilu nnifsu imma lil Kristu jsejjaħ “ir-Ragħaj il-kbir.” (Qabbel Katekiżmu paragrafu 857 ma’ 1 Pietru 5:4.)

Skont ix-xhieda tat-Testment il-Ġdid, Pietru ma kellux setgħa fuq il-Knisja kollha. Għalhekk avolju kieku l-isqof ta’ Ruma kien is-suċċessur tiegħu, ma kien ikollu ebda dritt jissejjaħ isqof universali. Mhux biss, l-isqof ta’ Ruma m’għandux dritt għall-awtorità appostolika ta’ Pietru. L-Iskrittura mkien ma tagħti ħjiel li Pietru kien isqof fil-belt kapitali tal-Imperu. Huwa fatt storiku li fl-ewwel sekli anqas l-isqfijiet ta’ Ruma m’affermaw li huma suċċessuri ta’ Pietru.

Ħdejn il-bieb tat-tempju, Pietru u Ġwanni ltaqgħu ma’ raġel magħtub. Stennihom jagħtuh karità. Minflok Pietru qallu: “Fidda u deheb m’għandix, imma dak li għandi nagħtihulek: f’isem Ġesù Kristu ta’ Nażaret, imxi!” Il-magħtub b’qabża waħda waqaf u beda jimxi, jaqbeż u jfaħħar ’l Alla (Ara Atti 3:1-10). L-isqof ta’ Ruma jgħid li hu s-suċċessur ta’ Pietru, imma qajla jista’ jgħid “fidda u deheb m’għandix.” Wisq anqas għandu l-qawwa mirakoluża li kellu Pietru. Ma ngħidx dan b’disprezz, imma ladarba l-Papa jippretendi titli hekk għolja, m’għandniex nistennew provi bil-fatti ukoll?

Il-ġlieda għall-poter

Il-Mulej ma tax awtorità lill-isqof ta’ Ruma jew xi bniedem ieħor fuq il-Knisja universali. Is-setgħa li jgawdi l-Papa llum inkisbet bil-mod il-mod matul l-istorja. Skont l-Iskrittura, il-presbiteri għandhom id-dmir jieħdu ħsieb il-knisja tal-post. Madankollu matul it-tieni seklu wieħed mill-presbiteri beda jissejjaħ isqof u sar il-mexxej ewlieni. Fir-raba’ seklu, l-Imperatur Kostantinu, u oħrajn warajh, eżaltaw l-isqfijiet b’ħafna unuri. L-ogħla unur kisbuh l-isqfijiet ta’ Ruma, Kostantinopli, Lixandra, Antjokja u Ġerusalemm.

Diversi isqfijiet ta’ Ruma, fosthom Ljun I u Girgor il-Kbir stinkaw kemm felħu biex ikabbru l-prestiġju tagħhom u tal-knisja ta’ Ruma. It-taqtigħa ewlenija kienet bejn l-isqfijiet taż-żewġ bliet ewlenin tal-imperu, Ruma u Kostantinopli. Il-firda u l-pika bejniethom baqgħu jiżdiedu sakemm il-Kristjanità sofriet xiżma li għadha tinħass sal-lum: il-Knisja Kattolika Rumana u l-Knisja Ortodossa Griega.

Il-patrijarka ta’ Kostantinopli Ġwanni IV assuma għalih innifsu t-titlu ta’ “Isqof Universali”. Il-Papa Girgor IX (590-604) ċanfru għall-kburija tiegħu. Ironikament, il-Papa ta’ wara Girgor, Bonafizju III, ingħata t-titlu “Isqof Universali” mill-imperatur kiefer Phocas. Dan it-titlu għadu jintiret mill-mexxej tal-knisja ta’ Ruma. Konna nkunu obbligati nissottomettu ruħna għall-Papa kieku t-titlu “Isqof Univerali” ngħatalu minn Kristu. Il-fatti huma mod ieħor.

Min hu l-Blata tiegħek?

Storikament il-Papa iddikjara li għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha, huwa assolutament neċessarju li jkunu suġġetti għalih (Unam Sanctam). Fil-passat il-Papiet kien jinsistu li ħadd ma setgħa jsalva jekk ma jibqax fi ħdan u l-unita tal-knisja kattolika (Cantate Domino). Imma mhux hekk għallem l-appostlu Pietru. Hu ma eżaltax lilu nnifsu jew lill-knisja ta’ Ruma għax is-salvazzjoni mhix il-monopolju ta’ xi mexxej jew knisja partikolari. L-appostlu Pietru xandar lil Ġesù Kristu, għax, kif qal: “F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4:12).

Illum il-Papa jgħallem mod ieħor. "Ħafna jaħsbu differenti, iħossu differenti, ifittxu u jiltaqgħu m'Alla b'modi differenti. F'din il-folla, f'din il-firxa ta' reliġjonijiet, hemm ċertezza wadħa li tgħodd għal kulħadd: aħna lkoll ulied Alla." Imma Ġesù insista li hu biss it-triq li twassal għand il-Missier. L-Iskrittura tgħallem li nsiru wlied Alla permezz tal-fidi fi Kristu. Tassew, f'ħadd ħlief fi Kristu, kif jinsisti l-Appostlu Pietru, ma hemm salvazzjoni.

Lil min se temmen? Fuq min se sserraħ is-salvazzjoni ta’ ruħek? Il-Mulej Ġesù bierek lil Xmun Pietru għax stqarru, “Int il-Kristu, Bin Alla l-ħaj.” Int wkoll, jekk bħal Pietru temmen li Ġesù hu l-Messija, Bin Alla, titbierek minn Alla u jkollok il-ħajja f’isem Ġesù (ara Ġwanni 20:30-31). Jalla dan is-Salm isir l-għanja tiegħek ukoll:

  F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi:
  Mingħandu tiġini s-salvazzjoni.
  Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,
  Hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.
  (Salm 62:2-3).

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446