Inkomparabbli


Elfejn sena ilu twieled bejbi, li ma kellux missier uman. Trabba u għex fil-faqar, bla ma kien magħruf. Qatt ma vjaġġa fit-tul. Darba biss qasam il-fruntiera ta’ pajjiżu, meta ommu ħaditu bħala rifuġjat fl-Eġittu bħala tifel ċkejken.

Ma kellu la rikkezzi u lanqas influwenza soċjali. Qrabatu ma kinux magħrufa u ma rċieva ebda taħriġ jew edukazzjoni formali. 

Fl-infanzja tiegħu ħawwad sultan; fi tfulitu bellah lid-dutturi tal-liġi; fl-adultezza tiegħu ggverna fuq il-korsa tan-natura, ħalaq il-ħobż, qajjem nies mill-mewt, fejjaq l-għomja, it-torox u l-imġiddma, mexa fuq l-imwieġ u raqqad il-baħar tempestuż. Iva, ikkura ġmiegħi kbar ta’ nies bla mediċina u ma tħallas qatt għas-servizzi tiegħu.

Qatt ma kiteb ktieb, u frattant il-libreriji kollha tad-dinja ma jesgħux il-kotba li nkitbu dwaru. Qatt ma niseġ għanja jew poeżija, u frattant forna t-tema għal innijiet u għanjiet innumerabbli ta’ kompożituri bla għadd.

Qatt ma waqqaf xi kulleġġ, iżda l-iskejjel kollha flimkien ma jistgħux jiftaħru li għandhom studenti aktar minnu. 

Qatt ma ġabar armata, qatt ma sejjaħ lil xi bniedem bil-lieva, qatt ma spara vleġġa jew xkubetta, u frattant ebda mexxej ma attira lejh daqstant voluntieri, suldati fl-armata tal-imħabba, il-ġustizzja u s-sliem tiegħu. 

Qatt ma ppratika l-psikjatrija, u frattant dewwa aktar qlub maqsuma u miġugħa mit-tobba u professjonisti kollha.

Regolarment is-segwaċi tiegħu jiltaqgħu flimkien biex jagħtuh qima, jitgħallmu mingħandu u jaffermaw quddiemu l-lealtà tagħhom lejh. 

L-ismijiet famużi tal-passat, tal-Greċja u Ruma, ġew u marru. L-ismijiet tax-xjentisti, filosfi, kittieba, skulturi, pitturi, teologi u skulari ġew u ntesew. Iżda isem dal-Bniedem jibqa’ jsir aktar u aktar magħruf. Għalkemm iż-żmien firex żewġ millenji bejn din il-ġenerazzjoni u bejn in-nies li vvilifikawh u żżuffjettaw bih fil-kruċifissjoni tiegħu, illum għadu ħaj. Il-qabar ma setax iżommu u l-għedewwa tiegħu ma setgħux jeqirduh. 

Jinsab fl-ogħla quċċata tal-glorja smewwitija, ipproklamat u vvindikat minn Alla nnifsu, magħruf u meqjum mill-anġli, adurat u obdut mill-qaddisin tiegħu. L-infidili u d-demonji jibżgħu minnu, għax ma jistgħux jaħarbu l-fatt li hu s-Sid irxoxtat, il-Mulej u Salvatur tad-dinja.

L-awtur mhux magħruf, traduzzjoni ta' Paul Mizzi.

"Għalkemm kien jeżisti fis-sura t’Alla,
ma kkonsidrax li jkun ugwali m’Alla bħala xi ħaġa li jmissu jaħfinha,
iżda battal lilu nnifsu billi ħa s-sura ta’ lsir, u sar fix-xebh tal-bnedmin;
u billi nstab fid-dehra bħala bniedem, umilja lilu nnifsu
u sar ubbidjenti sal-mewt, imqar mewta fuq salib.
Konsegwentement Alla wkoll għollieh wisq u tah l-isem li hu fuq kull isem,
sabiex għall-isem ta’ Ġesù “kull irkoppa tintlewa”
ta’ ħlejjaq fis-smewwiet, u fuq l-art, u taħt l-art,
u kull ilsien jistqarr illi Ġesù Kristu hu s-Sid,
għall-glorja t’Alla l-Missier."

Filippin 2:6-11.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446