It-trabi għandhom jitgħammdu?

Il-ġenituri għandhom jgħammdu lit-tfal tagħhom meta jkunu għadhom trabi? X'tgħallem l-Iskrittura fuq dan?

Fil-qosor:

1. Il-Mulej Ġesù bagħat lill-Appostli u d-dixxipli jxandru l-Evanġelju lill-bnedmin kollha, u jgħammdu lil dawk li jilqgħu l-messaġġ.

2. Fl-Atti tal-Appostli naqraw dwar il-magħmudija ta' bosta nies. Ilkoll kemm huma semgħu u wieġbu għall-Evanġejlu qabel kienu mgħammdin.

3. M'hemm ebda kmand jew eżempju fit-Testment il-Ġdid tal-magħmudija tat-trabi. Anki fir-rakkonti fejn tgħammdet il-familja kollha, jidher li lkoll semgħu l-Kelma u emmnuha.

[F'dan l-artiklu ġbart ir-referenzi kollha għall-magħmudija fit-Testment il-Ġdid]

X'inhu mela d-dmir tal-ġenituri lejn uliedhom? Il-ġenituri Nsara huma msejħin biex irabbu lil uliedhom fit-tagħlim u d-dixxiplina tal-Mulej, jagħtuhom eżempju tajjeb b'imġieba qaddisa u mħabba, u jitobu kuljum għalihom. Ħalli mbagħad jitgħammdu meta jifhmu l-Evanġelju u jemmnu fil-Mulej Ġesù.

Il-magħmudija hi sinjal tal-għaqda ma' Kristu. Imma x'jiswa s-sinjal jekk ma jikkorrispondix mar-realtà? X'jiswa jekk ngħid li jien Nisrani għax għammduni meta kont żgħir, imma ma nafdax b'qalbi kollha fi Kristu għas-salvazzjoni ta' ruħi, u ma nimxix warajh fl-imħabba, ġustizzja u umiltà? Inkun inqarraq bija nnifsi għad-dannu tiegħi stess.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446