Suġġerimenti prattiċi għat-talb fil-pubbliku


Dawn li ġejjin numru ta’ suġġerimenti prattiċi importanti u bżonnjużi. Mhumiex liġijiet u wisq inqas kmandamenti divini li tidneb jekk tikser xi waħda minnhom jew ma timxix eżatt magħhom. L-iskop ewlieni għala qed jingħataw hu biex ngħinuk u mhux biex niskuraġġuk; speċjalment jekk persuna li għadek qed tibda’ tagħmel l-ewwel passi u titlob b’mod pubbliku. Ftakar illi Alla jilqa’ u jaċċetta mqar it-talba mregħda u mkissra tiegħek, l-istess jagħmlu ħutek.

Però hemm bżonn li lkoll kemm aħna nkunu konxji illi daqskemm nistgħu ngħinu u ninkuraġġixxu lil xulxin fit-talb daqshekk ieħor nistgħu niskuraġġixxu u nfixxklu lil xulxin, anke bla ma nafu. Xi wħud minnkom abbli m’intomx konsapevoli ta’ ċertu defiċjenzi fil-mod li titolbu. Forsi ħadd qatt m’għallimkom jew ġibdilkom l-attenzjoni dwarhom. Oħrajn irċevejtu t-tagħlim imma jew ma tajtux kas inkella m’intomx konxji li qed tirreptu l-istess żbalji.

Nixtiequ li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jgħinukom tagħmlu evalwazzjoni tal-mod li INTOM qed titolbu fil-pubbliku u allura fejn u kif tistgħu titjiebu. Mela hekk kif taqra' tgħidx; “Eh din tgħodd għat-tali”, jew “Dik hekk tagħmel” Aktarx evalwa lilek innifsek u għid; “Din tgħodd għalija. Irrid nieħu nota tagħha u nagħmel sfroz biex nirranġaha.”

1. L-ewwel rekwiżit (dik neċessarja) għal-laqgħa tat-talb ta’ suċċess hi l-attendenza.

L-attendenza trid tkun waħda: 
  • Regolari mhux erratika, b’impenn mhux bl-aptit.
  • Frott ta’ konvinzjoni interjuri u personali dwar il-valur tat-talb komunitarju mhux għax sforzat, bilfors jew mhedded mill-pastor, jew b’sens ta’ ħtija, jew għax hekk suppost.
  • Bil-ferħ, żelu u stennija mhux tiġi bla ħeġġa, imtaqqal, qisek sejjer għall-forka.
  • Timxi id f’id mal-parteċipazzjoni attiva. 
2. Meta tiġi għal-laqgħa tat-talb itlob, u itlob b’vuċi li tinstema’.

Veru li Alla jisma’ anke t-talb f’qalbek. Fl-1 Samwel kapitlu 1 Anna kienet titkellem f’qalbha; xufftejha biss kienu jitħarrku, u leħinha ma jinstemax. Però l-iskop ewlieni tal-laqgħa tat-talb komunitarja hu biex nitolbu flimkien u meta ma ssemmax talbek, ħutek ma jistgħux jingħaqdu miegħek. Għalhekk li tattendi tajjeb, aħjar milli ma tattendix. Li titlob f'qalbek aħjar milli ma titlob xejn. Imma li tattendi u tipparteċipa billi titlob b’vuċi li tinstema’ wisq aħjar.
 
Għaliex ma titlobx b’leħen li jinstema’? Forsi minħabba waħda minn dawn ir-raġuniiet li ġejjin.
  • Tistħi. Jekk int mistħi jew riżervat, trid tieħu deċiżjoni biex tipparteċipa aktar fil-ħajja tal-knisja. “Alla ma taniex spirtu ta’ timidità...”
  • Tibża’ li tiżbalja. B’daqshekk...taħseb li xi ħadd se jidħaq bik? Tibża’ li ħutek se jiġġudikawk skont talbek? Ma tarax! 
  • Tintimida ruħek mit-talb ta’ xi wħud li għandhom aktar esperjenza minnek fil-ħajja spiritwali. Tarbija ‘titlob’ billi tibki, tfajjel ma jitlobx bl-istess mod li xi ħadd matur jitlob. Itlob kif taf, fejn int. Ftakar li ċ-ċkejknin huma wkoll għeżież għal Alla.
  • Tiddubita il-motivi tiegħek - li huma motivi ħżiena jew egoistiċi. Jekk dubjuż l-aħjar ħaġa li tagmel hu li titlob xorta u tħalli f’idejn Alla biex jara hu x’hemm f’qalbek. Aħjar titlob ‘mgħawweġ’ milli ma titlob xejn, għalkemm l-aħjar ikun li titlob sew.
  • Tħossok ħati minħabba sens ta’ ħtija tad-dnub. Jekk dan hu l-każ, indem immedjatament, sinċerament, u kompli billi titlob.
  • Tħossok indenju. Min fostna hu denju? Ħadd minna. Aħna nitolbu mhux għax denji imma għax Alla jistedinna.
 3. Itlob b’leħen li jista’ jisimgħek kulħadd.

Taħsibx li għax titlob b’leħen baxx talbek hu aktar reverenti jew umli. Billi terfa’ ftit aktar leħnek biex jisimgħek kulħadd ma jfissirx li m’intix titlob kif suppost. Mela titlobx minn taħt l-ilsien għax min ma jisimgħekx ma jistax jingħaqad mat-talba tiegħek; l-għan tat-talb komunitarju. Persuna tifrustra ruħha jekk ma tistax tiffolowjak għax titlob minn taħt l-ilsien - speċjalment jekk tkun fuq quddiem jew wara nett. Ukoll itlob b’leħen li jifhmuk, taħtafx il-kliem
 
4. Talbek indirizzah lejn Alla u mhux lejn ħutek.

Kun konxju tal-preżenza t’Alla u indirizza lilu. Ftakar li qed titkellem ma’ Alla Missier li jħobbok u jinteressah minnek u lest li jbierek u jilqa’ anke t-talb imriegħed tiegħek. Sintendi filwaqt li trid iżżomm quddiem moħħok li qed titlob u tindirizza lil Alla, trid ukoll tkun konxju ta' ħutek għax wara kollox qed titlob mal-oħrajn.

Mela, irridu nżommu bilanċ bejn id-dimensjoni vertikali u orizzontali - m’aħniex waħidna - dan mhux il-ħin ta’ talb personali tiegħek. Evita wkoll li tuża' t-talba tiegħek biex tgħaddi xi 'messaġġ' - pereżempju tikkoreġi, tikritika jew tgħallem - li xi oħt jew ħu.
 
5. Agħmel distinzjoni bejn il-persuni divini u ddistingwi bejniethom.

Pereżempju titlobx: ‘Missier grazzi talli xerridt demmek għalina fuq is-salib’. Kien Ġesù li miet fuq is-salib mhux il-Missier. Veru li l-persuni divini ma jwettqux il-ħidmiet tagħhom separati minn xulxin però aħna nirrikonoxxu li lkoll iwettqu xogħol distint. 

6. Attent kif tuża isem Alla, użah b'rispett.

Evita li tuża' kliem bħal 'Mulej', 'Missier qaddis', ‘Ġesù’ u titli simili ripetutament bħala virgola jew punt minflok ma tagħmel pawsa fit-talba. Tgħallem kif tieqaf u taħseb, qabel tkompli titlob, u timliex il-vojt b'isem Alla darba wara l-oħra. 
 
7. Tgħallem kif tuża’ l-pawsiet ta’ s-skiet bejn talba u oħra.

Adura 'l Alla f’qalbek, itlob għal dawk siekta eċċ., itlob lill-Ispirtu biex imexxik għal xiex imissek titlob. Taqbadx u terġa’ titlob sempliċement biex timla’ l-vojt. Itlob għat-tieni darba jekk tiġġudika li kull min jixtieq jitlob diġà talab. Agħti ċans lil ħaddieħor jitlob u stenna.

Sabiħ li nkunu żelużi fit-talb, imma dan jfissirx li nirraxxjaw u nitolbu b’ċertu għaġġla kulma jiġina moħħna. Xi individwi għandhom bżonn jikkalmaw. Kun af li hawn min għandu bżonn ftit ħin aktar minnek biex jirranka qabel jitlob, mela kun sensittiv - agħtih/a ftit ċans u jekk tara li ħadd minn dawk li għadhom ma talbux talab ressaq int it-talba tiegħek. U jekk int kajman, iċċaqlaq naqra.
 
8. Ipprepara mentalment it-talba tiegħek, tal-inqas is-suġġett.

Ma jfissirx li tipprepara kelma b‘kelma jew tikteb talbek minn qabel biex tinqaraha. Dan jista’ jwassal li talbek isir ritwal formali u bla ħajja.
 
9. F’talbek ikkonċentra fuq aspett wieħed tat-talb.

Pereżempju, foħrija u ringrazzjament; jew, interċessjoni; jew, stqarrija; jew adorazzjoni; jew petizzjoni. Jekk min ikun qed imexxi l-laqgħa fil-bidu jagħti direzzjoni - eż. ejjew nibdew b’ħin ta’ ringrazzjament - agħti kas u itlob talba ta’ ringrazzjament. Dan ma jfissirx li f’talba ta’ petizzjoni ma tistax tinkludi kelma ta’ foħrija jew ringrazzjament. Lanqas  ma jfisser li jekk tkun imqanqal għall-indiema ma titlobx għax ikun qed isir talb ta’ interċessjoni. 

U meta titlob, itlob għal ħaġa waħda u mhux għal numru ta' affarijiet fl-istess talba. Jekk għandek aktar minn petizzjoni waħda stenna u meta jmissek ressaq talba oħra b'petizzjoni differenti.
 
10. Ressaq petizzjoni mhux tagħti struzzjonijiet lil Alla.

Preżenta l-bżonn u mhux tgħid lil Alla xi jmissu jagħmel biex jagħtik dak li għalih qed titlob. Ħalli f'idejn Alla d-dettalji ta' kif u meta jwieġbek.
 
11. Itlob talb speċifiku.

Marku 10 - ‘Xi tridni nagħmillek? Staqsa Sida lill-għami. L-għami ma talabx “berikni” imma “li nirkupra l-vizta”. Mela minflok tressaq petizzjoni ġenerali u vaga tiddejjaqx tinterċiedi għal xi ħadd partikolari u b'għaqal issemmi ismijiet u sitwazzjonijiet speċifiċi. Dan jgħin lilek u lilna nindunaw meta l-Mulej iwieġeb dik it-talba u nirringrazzjawh.
 
12. Ittawwalx talbek bla bżonn.

Tinsiex aktar għandek ċans tiżbalja fit-tul milli fil-qosor. Mela kun konċiż kemm jista' jkun billi tgħid dak li għandek bżonn tgħid mingħajr ma toqgħod iżżewwaq talbek b'ħafna kliem żejjed. Iġġibhiex fit-tul biex tgħid xi ħaġa – iżżewwaqx it-talba b’referenzi skritturali eċċ. Titlobx bħallikieku qed tgħarraf lill-aħwa x’ġaralek, jew agħar, bħallikieku qed tinforma lil Alla b’dettalji żejda. Mela, evita kemm jista' jkun dettalji żejda fit-talba tiegħek.

F'każ li tħoss il-bżonn li tgħaddi l-informazzjoni relevanti għamel dan qabel jibda' l-ħin ta' talb proprju. Jekk dan ma jkunx possibbli ħu ħsieb li t-talba tiegħek tagħmilha konċiża kemm jista' jkun u mhux mgħobbija b’dettalji u allura mġebbda żżejjed. Għid li għandek tgħid fil-qosor u ieqaf mhux tibqa’ għaddej. 

It-talba ta Marija waqt it-tieġ ta’ Kana kienet "M'għandhomx inbid". Ma kinitx:
  • Struzzjoni imma petizzjoni.
  • Speċifika mhux vaga.
  • Konċiża u mhux mgħobbija b’dettalji zejda.
13. Mill-banda l-oħra kultant ma tridx tkun speċifiku imma ġeneriku.

Ma tridx titlob talb li bih tikxef xi affarijiet intmi jew personali tiegħek u ta’ ħaddieħor (sakemm ma ġġibx permess mingħand l-individwu). Ċertu talb mhux postu f’laqgħa għat-talb imma fil-privat.  
 
14. Itlob dwar ħwejjeġ elevati u spiritwali, mhux affarijiet trivjali jew banali.

Titlobx biex ma jidħlux aktar nemus fil-kamra tas-sodda, jew għax rajt xagħra bajba biex ma jkomplix jibjadlek xagħrak. Ma jfissirx li l-ħwejjeġ ‘żagħar’ huma banali jew mhumiex important. Qis li ħadd ma jaħseb li xi ħaġa hi ‘ċkejkna’ wisq biex iressaqha quddiem il-Mulej. Veru li jekk hemm xi ħaġa li qed tinkwetana jew tkiddna mhix żgħira wisq biex inressquha quddiem Missierna tas-sema. Però waqt il-laqgħa ta’ talb irridu nagħtu preċedenza lill-ħwejjeġ spiritwali u elevati, eterni qabel dawk temporali u fiżiċi - eż. Il-pattern tal-Missierna

15. Tiqafx biss filli titlob għalik innifsek jew għall-ġemgħa li għaliha tappartieni imma aħseb u itlob għall-knisja f’pajjiżna u madwar id-dinja. 

Toqgħodx lura milli titlob talb imprekatorju speċjalment kontra għalliema foloz li jingannaw għall-gwadann personali u jqarrqu b'ħafna mbasta jiksbu fama eċċ.
 
16. Itlob għall-ħajjin mhux għall-mejtin.

Il-mejtin jinsabu f’żewġ postijiet: fil-ġenna jew fl-infern. Ma jeżistiex purgatorju - xi waiting room għall-ġenna fejn bit-talb tagħna ngħinu lil min jinsab fih jikseb dħul u aċċettazzjoni għall-ġenna. Fl-Ebrej 9:27 naqraw kif il-bnedmin huma appuntati li jmutu darba u wara dan jiffaċċjaw il-ġudizzju u wara l-ġudizzju hemm biss ġenna jew infern. Għaldaqstant min jinsab il-ġenna m’għandux bżonn it-talb tagħna u min jinsab fl-infern ċertament mhuwiex se jibbenefika minnu.

17. Titlobx għall-fejqan u s-suċċess materjali tal-miskredenti u tinsa titlob ukoll, jew qabel kollox, għall-konverżjoni tagħhom.

Pawlu talab għall-infidili  (Rum.10:1ff), għall-mexxejja ċivili, avolja pagani (1 Tim. 2:1-3), talab għal Publiju li kien pagan biex ifiq (Atti 27). Ġesù talab għall-infidili li sallbuh. Però it-talba primarja tagħna trid tkun għas-salvazzjoni ta’ ruħhom, għax x’jiswielu l-bniedem jekk jakkwista d-dinja kollha; ifiq jew jikseb suċċess, umbagħad jitlef ruħu?

18. Tużax il-ħin tat-talb pubbliku biex taqra siltiet twal mill-Iskrittura.

Jekk taqra, kun konċiż ħafna ftit vrus u agħżel vrus relevanti rigward it-topik tat-talb. Anke l-mument li taqsam il-Kelma importanti li jkun adatt.
 
19. Waqt li ħutek qed jitolbu toqgħodx tevalwalhom talbhom.

Aktarx isma' b'attenzjoni biex tifhem għal xiex qed jitolbu u ngħaqad magħhom bl-Ammen tiegħek - importanti tlissen b'vuċi li jisimgħek kulħadd l-AMMEN tiegħek.

Jekk xi ħaġa fit-talba ta' ħuk tkun ovvja li hi ftit żmerċ - tgħallem mill-iżbalji, u qis li int ma tirrepetixl-istess żball. 

Tipprovax timita t-talb ta’ ħaddieħor. Uża termini li inti familjari magħhom, kliem li taf xi jfissru u għandek konvinzjoni sinċiera dwarhom u mhux tuża' kliem għax smajt lil ħaddieħor jgħid. Iva, tgħallem minn kif jitlob ħaddieħor imma ibqa’ int.
  
20. Tirrepetix l-istess talba li talab ħaddieħor.

Titlobx għal xi ħaġa li diġà talab għaliha persuna oħra. Waqt li talbet int suppost kont attent u anke għamilt it-talba tiegħek ukoll anke bl-ammen. Ovvjament tista’ tħoss il-bżonn li żżid magħha immedjatament wara talba oħra fuq l-istess topik, sintendi qatt tagħmel dan biex bħal qisek turi li ma saritx talba kif suppost jew biex ittejjibha.

21. Prova varja l-espressjoni.

Tużax l-istess frażijiet tas-soltu. Dan jgħinek biex ma titlobx bl-amment jew bla ħsieb. Hekk tevita wkoll li tkun tedjuż ma’ dawk li jisimgħuk. 
 
22. Tiġbidx attenzjoni fuqek innifsek b’mutetti, mossi jew kadenzi stravaganti.

Tibdilx it-ton tal-vuċi naturali tiegħek biex tagħmilha waħda aktar 'spiritwali' jew gravi. Tgħollix il-volum ta' leħnek biex timpressjona. 
 
Konklużjoni

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet qed jingħataw mhux biex jiskuraġġuk imma aktarx biex jinkuraġġuk ħa ttejjeb il-mod li titlob fil-pubbliku. Ilkoll kemm aħna għandna xi erja fejn irridu ntejbu. Kunu konxji li għal ħafna minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet hemm l-eċċezzjonijiet. Jiġifieri kultant ikollok bżonn toħroġ mir-regola.

Veru, abbli rridu nkissru patter stabbilit - nagħmlu sforz biex naqtgħu ċerti 'vizzji' dwar kif nitolbu. Però jekk kull wieħed u waħda minna nieħdu ħsieb nevalwaw talbna u naħdmu biex nirranaġaw u nsaħħu fejn hu defiċjenti il-laqgħa ta’ talb issir inqas tedjanti u ċertament aktar pjaċevoli u edifikanti.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446