Kun ħanin miegħi, midneb

Ta' spiss Ġesù kien jgħallem billi jirrakkonta stejjer. Waħda minnhom hi l-parobbola tal-Fariżew u l-pubblikan li telgħu t-tempju jitolbu.

Il-Fariżew m’għamel ebda rikjesta ’l Alla; qagħad jippoppa u jiftaħar bil-kredenzjali tiegħu. Il-pubblikan qagħad fuq wara u b'rasu baxxuta, talbu: “Alla, kun ħanin miegħi, il-midneb.” It-tnejn niżlu lejn darhom; wieħed biss kien ġustifikat, ħieles minn kull ħtija - le, mhux dak li mingħalih kien tajjeb imma l-midneb niedem.

Imma, nistaqsu, kif jista’ Alla ġust jillibera lil min hu ħati?

Ġesù jagħtina ħjiel fil-kelma partikolari tradotta “ħanin” fil-talba, “Kun ħanin miegħi,” jew litteralment, “Kun propizjuż miegħi.”

Naf li "propizjuż" mhix kelma li nużawha ta’ spiss imma mhix diffiċli nifmuha. Il-Lhud kienu joffru sagrifiċċji fit-tempju bi tpattija għal dnubiethom, sabiex iberrdu l-għadab ġust t’Alla lejhom, u minflok kastig jiksbu ħniena u maħfra mingħandu. Din hi t-tifsira ta’ propizjazzjoni. Tpattija. Riparazzjoni.

L-istess kelma tintuża darba oħra biss fil-Patt il-Ġdid, fejn naqraw li Bin Alla “kien magħmul jixbaħ lill-aħwa f’kollox” - fi kliem ieħor, Bin Alla sar bniedem, tad-demm u l-laħam bħalna. Dan għamlu bi skop: “sabiex isir is-saċerdot … ħalli jippropizja għad-dnubiet tal-poplu” (Ebrej 2:17). Fi kliem ieħor, “biex ipatti għal dnubiet il-poplu” (Għaqda Biblika).

Ġesù m’offriex d-demm tal-bhejjem. Dawk kienu biss simboliċi tas-sagrifiċċju reali u effettiv li offra Kristu. Hu offra ġismu u demmu fuq is-salib bħala tpattija u riparazzjoni sabiex iħabbeb il-poplu tiegħu m’Alla.

Meta nitolbu ’l Alla jkollu ħniena minna, ma ninsewx li l-ħniena t’Alla għandha isem: il-ħniena t’Alla hi Ġesù msallab għalina!

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446