Moneymore


Kitbitli omm inkwetata: “Hello, Dr Mizzi! Issa smajna b'marda oħra, moneymore.” Naħseb li kienet qed tirreferi għall-monkeypox (infezzjoni tixbaħ il-ġidri li dan l-aħħar issemmiet fil-media; mhix marda serja u hi rari ħafna). Imma l-marda li semmiet hi, moneymore, (li ordinarjament ngħidulha regħba) hi kundizzjoni komuni ħafna u wisq aktar serja għax tnixxef il-qalb minn kull hena u tbarri l-bniedem mis-Saltna t’Alla.

Il-kura tal-moneymore tikkonsisti fi tlett mediċini: (1) fiduċja f’Alla (2) gratitudni u (3) ġenerosità.

L-ewwel, il-fiduċja f’Alla. Kemm immur żmerċ jekk naħseb li se nsib is-sigurtà u l-ferħ billi ngeddes aktar u aktar flus u ħwejjeġ materjali! Minflok issib sodisfazzjon, il-qalb rgħiba tinfena b’tant ansjetà u skuntentizza. Irrid nitgħallem nafda fil-Missier; hu li saħansitra jieħu ħsieb l-għasafar tal-ajru u l-ġilji tal-għelieqi, ma jiħux ħsieb lilna, uliedu?

It-tieni, il-gratitudni. Minflok ingerger, neqred u ngorr, irrid nrawwem attitudni ta’ gratitudni lejn Alla: niżżihajr ta’ spiss, naprezza u ngawdi l-barkiet kotrana tiegħu. Irrid nitgħallem ukoll ngħid grazzi mill-qalb u ta’ spiss lil dawk kollha li b'xi mod jgħinuni u jservuni - nibda fid-dar tiegħi stess.

It-tielet, il-ġenerosità. Minflok ngħir u ninħaraq għall-ġid u s-suċċess ta’ ħaddieħor, irrid nitgħallem imbierek lill-għajri, nagħti karità lil min hu fil-bżonn, u nieħu kull opportunità biex ngħin lil ħaddieħor.

Dawn mela huma ż-żewġ għażliet: (1) Regħba, għira, skuntentizza u miżerja, jew (2) fiduċja, gratitudni, ġenerosità u kuntentizza.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446