Il-mewt ta' Luteru


Martin Luteru kien għadu żagħżugħ, student tal-liġi. Darba minnhom kien qed jivvjaġġa lejn l-università riekeb fuq żiemel. Inqabad f’maltemata qalila; sajjetta ħabtet qrib tiegħu. Imwerwer mill-mewt u l-ġudiżżju, Martin għajjat, “Għinni Sant’Anna; jien nidħol patri!”

Minkejja s-superstizzjoni u l-idolatrija tiegħu, Alla kellu ħniena minnu u ħelsu mill-mewt. Il-providenza divina kien għad trid tlaqqgħu mas-Salvatur u tagħtih il-privileġġ li jiddefendi u jxandar l-evanġelju lil ħafna nies.

Għadda ż-żmien; meta kellu 62 sena, Luteru mar iżur raħal twelidu, Eisleben. Filgħaxija beda jħossu ma jiflaħx u b’uġigħ f’sidru. Daħal jorqod kmieni. Fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, Luteru stenbaħ bl-uġigħ f’sidru u mxarrab bl-għaraq. Fil-kamra kien imdawwar minn diversi ħbieb. Semgħuh jitlob hekk:

“O Alla etern u ħanin, Missieri tas-smewwiet, Missier Sidna Ġesù Kristu, Alla ta’ kull faraġ - nirringrazzjak li rrivelajtli lil Ibnek Ġesù Kristu, li fih jien emmint, lilu jien pritkajt, lilu jien stqarrejt, li nħobb u nqim bħala is-Salvatur għażiż u l-Feddej tiegħi … Nitolbok, Sidi Ġesù Kristu, ilqa’ lil ruħi. O Missier fis-smewwiet, għalkemm nittieħed minn din il-ħajja, għalkemm ikolli nħalli dan il-ġisem, madankollu naf żġur li jien se ngħammar miegħek għal dejjem, u li ħadd ma jista’ jaħtafni minn idejk. F’idejk nerħi l-ispirtu tiegħi; inti fdejtni, O Mulej Alla tal-verità (Salm 31:5) … Alla hekk ħabb id-dinja li ta ’l Ibnu l-waħdieni, sabiex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna.”

Imbagħad siket. Xi ħin wara, wieħed pastor, Justus Jonas, għolla leħnu u staqsih, ‘Għażiż missier, lest biex tmut tafda f’Sidek Ġesù Kristu u tistqarr id-dottrini li għallimt f’ismu?” Martin wieġeb b’vuċi ċara: “Iva!” Wara dik l-istqarrija, Luteru ma tkellimx iżjed. In-nifs beda jonqoslu sakemm fl-aħħar waqaf. Martin Luteru mar jiltaqa’ mas-Salvatur tiegħu.

Inti lest biex titlaq? Iffaċċjat mill-mewt, tibża’ jew kunfidenti li se tgħammar mal-Missier għal dejjem? Qiegħed tafda f’Ġesù Kristu?

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446