Ruħi Tfaħħar il-Kobor tal-Mulej

Alla għamel ħwejjeġ kbar ma’ Marija, il-verġni ta’ Nażaret. Minn fost in-nisa kollha Alla għażel lilha sabiex l-Iben t'Alla sar bniedem u għammar fostna. Mhux ta’ b’xejn l-Insara kollha jsejħulha hienja.

Sabiex iħares lil Marija mill-kburija, Alla żejjinha bi spirtu ta’ dehen u umiltà. Għat-tislima ta’ Eliżabetta, Marija wieġbet: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.” Ma riditx tgħolli lilha nfisha għax għarfet “iċ-ċokon tal-qaddejja” t’Alla. Marija riedet biss teżalta lill-Mulej Alla u tfaħħar l-kobor bla tarf tiegħu.

Sfortunatament matul l-istorja tal-knisja xi wħud injoraw ix-xewqa ta’ Marija u għollewha b’titli u ġieħ kontra r-rieda tagħha. Xi wħud isejħulha “il-bieb tas-sema,” “l-ħajja tagħna” u “t-tama tagħna” avolja l-Bibbja tgħallimna li l-Mulej Ġesù biss hu l-bieb tal-Ġenna, l-ħajja u t-tama tagħna. Fl-1854 u fl-1950 il-Knisja Kattolika tatha t-titli ta’ Immakulata Kunċizzjoni u Assunta avolja l-Iskrittura ma tgħidx imqar kelma waħda fuq hekk. L-Iskrittura tridna nitfgħu ħarsitna fuq bin Marija, Ġesù Kristu. Hu biss kien imnissel bla dnub (Lhud 7:26); u ladarba hu ġust, Ġesù seta’ jmut għalina l-inġusti biex iressaqna lejn Alla (1 Pietru 3:18).

Wara l-għajb tas-salib, Alla l-Missier qajmu mill-mewt, tellgħu fil-glorja tas-sema, u tah l-isem fuq kull isem, biex għall-isem ta’ Ġesù tiltewa kull irkoppa. Bħalissa Marija wkoll tingħaqad mal-anġli u l-qaddisin fis-sema u fl-art biex tqim u tadura lill-Mulej. Jekk trid timxi fuq l-eżempju tagħha, agħti inti wkoll kull qima lil Ġesù Kristu, il-Mulej.

Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien

Fi ċkuniti l-katekisti pinġewli xbieha mgħawwġa t’Alla l-imbierek. Qaluli li l-Mulej huwa l-Imħallef rett u m’għandix nersaq direttament għandu. Qaluli li aħjar nitlob lil Marija, l-omm ħanina, biex hi tidħol għalija quddiem Binha.

Marija tirrifjuta diskors fieragħ bħal dan. Bi kliem ċar tgħallimna li “l-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.” Mhux Alla ħalaq lill-omm? Il-ħniena tal-omm mhix minn Alla ġejja? Kif nistgħu mela niddubitaw it-tjieba u l-ħlewwa t’Alla, l-għajn ta’ kull ħniena?

Marija taf xi tfisser il-ħniena tal-Mulej. Meta kien imdendel mal-għuda tas-salib, ftit mumenti biss qabel radd ruhu, Ġesù ħaseb fiha u qabbad lil ħabibu Ġwanni biex minn dakinhar jibda jieħu ħsiebha. Qalilha, “Mara, hawn hu ibnek”; u lil Ġwanni: ”Hawn hi ommok.” Ġwanni fehmu x’ried ifisser u minn dak il-ħin ħadha għandu (Ġwanni 19:26, 27).

Marija tridna nirrikorru għandu fil-bżonnijiet tagħna. Fit-tieġ ta’ Kana talbet lil Ġesù għall-għarajjes. Hekk ukoll għandna nagħmlu aħna. Nitolbu lill-Mulej għall-bżonnijiet tagħna u ta’ ħaddieħor. Wara t-tlugħ tal-Mulej fis-sema, Marija kienet titlob mad-dixxipli lill-Mulej. Imkien fl-Iskrittura m’għandna eżempju, permess jew kmandament biex nitolbu lil Marija jew lill-qaddisin wara mewthom. Jekk tassew tirrispetta lil Marija, ħu l-eżempju tagħha u irrikorri dejjem għand il-Mulej.

Il-Mulej Ġesù stess jistedinna mmorru direttament għandu. Hu wegħdna: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien inserraħkom” (Mattew 11:28). Il-Mulej qatt ma ċaħad lil ħadd. Id-dixxipli riedu jwarrbu t-tfal imma Ġesù qalilhom: “Ħallu t-tfal ċkejknin jiġu għandi.” In-nies ċanfru ’ll-għama u pprovaw isikktuh; Ġesù sema’ l-għajta tiegħu u tah id-dawl. Lill-imġiddmin, l-emarġinati tas-soċjetà, Ġesù resaq lejhom u fejjaqhom. Bil-ġebel f’idejhom in-nies kienu lesti biex iħaġġru lill- adultera; l-uniku wieħed li seta’ jikkundannaha, ħenn għaliha u ħafrilha. Lill-ħalliel imsallab maġenbu, Kristu wegħdu post f’saltnatu.

Ejja mela inti wkoll għand Ġesù. Ejja għandu għax hu waħdu l-medjatur: “Wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd” (1 Timotju 2:5,6). Marija kisbet il-Ġenna bis-saħħa u l-merti tiegħu; aħna wkoll niksbu l-maħfra, jekk nagħtu widen għax-xhieda tagħha fuq il-ħniena tal-Mulej, u bil-fidi nirrikorru għandu.

L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi

Fil-familja li fiha trabbejt konna ngħidu r-Rużarju kull filgħaxija. Konna nsejħu isem Marija, noffru lilna nfusna lilha u nafdaw f’idejha saħansitra l-aħħar siegħa ta’ ħajjitna. Konna nittamaw fiha biex twassalna l-ġenna. Niftakarna wkoll nitolbu, “Ġesù, Marija, inħobbkom, salvaw l-erwieħ.” Illum nagħraf li dak kollu kien żball.

Fl-Iskrittura Marija qatt ma stiednet lill-midinbin jiġu għandha biex jiksbu s-salvazzjoni. Għall-kuntrarju Marija rrikonoxxiet lil Alla bħala s-salvatur tagħha. “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi.” Jekk tassew tirrispettaha, agħmel bħal Marija u rrikorri int ukoll għand Alla l-Imbierek. Alla fetaħ qalbu beraħ għalina u tana ’l Ibnu Ġesù biex isalvana minn dnubietna.

M’hemm ebda salvatur ħliefu. L-appostlu Pietru ddikjara li “f’ħadd ħliefu m’hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema m’hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvati” (Atti 4:12).

Hemm isem wieħed. Dan l-isem mhux l-isem ta’ Marija. L-isem wieħed mogħti taħt is-sema li bih nistgħu neħilsu mill-Infern huwa l-isem għażiż tal-Mulej Ġesù. Għax hu waħdu Alla u bniedem. Hu biss il-Messija. Hu waħdu xerred demmu fuq is-salib biex ipatti għall-ħtijiet ta’ niesu. Marija ma mititx għal dnubietna. Madankollu jekk bħal Marija tafda s-salvazzjoni tiegħek f’idejn il-Mulej, imbagħad ma’ Marija u l-Kristjani kollha, tkun tista’ tkanta: “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.”

Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva 

Il-Mulej Alla jwiegħed s-salvazzjoni lil dawk kollha li jsejħu ’l Ismu (Rumani 10:13). Ħafna nies jinjoraw il-wegħda tal-evanġelju biex jibqgħu jiffangaw fil-ħażen. Oħrajn ma jemmnuhx għax jippretendu li bit-tjieba u r-reliġjon tagħhom jistgħu jixtru l-Ġenna. Ma jemmnux l-Iskrittura fejn tgħid li l-bniedem isalva bil-ħniena t’Alla u mhux bl-għemejjel tajba tiegħu (Titu 3:5). Nies kburin bħal dawn, mimlijin bihom infushom, Alla ma jilqagħhomx.

Nitolbok, ersaq lejn Alla avolja midneb, ħati u dgħajjef. Ersaq lejh b’konfidenza sħiħa fit-tjieba u l-ħniena tiegħu. Is-salib tal-Kalvarju hu l-prova tal-imħabba t’Alla. Tipprovax tmur fuq il-merti personali jew permezz ta’ Marija jew xi ħadd ieħor. Ersaq lejh bil-fidi permezz tal-medjatur waħdieni, Ġesù Kristu. Alla l-Missier jilqgħek b’idejh miftuħin għax Kristu “jista’ jsalva għalkollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla” (Lhud 7:25).

L-għażla tiegħi

  • Jien nafda fl-isem ta’ Ġesù u l-isem ta’ Marija għas-salvazzjoni tiegħi, avolja naf li l-Bibbja twissini li f’ħadd ħliefu m’hemm salvazzjoni għax “imkien taħt is-sema m’hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih għandna nkunu salvati” (Atti 4:12).

jew

  • Bħal Marija u l-Kristjani l-oħra kollha, jien nafda biss f’isem il-Mulej Ġesù għax hu miktub fl-Iskrittura li “Kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva” (Rumani 10:13). Ma’ Marija u l-mifdijin kollha, jien ukoll nifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.

Ħabib, nitolbok, aħseb sew, itlob 'l Alla u għamel għażla bilgħaqal.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446