Meta tiltaqgħu flimkien


Id-dixxipli ta’ Kristu jiltaqgħu flimkien. Hekk nagħmlu aħna, bħalma jagħmlu eluf ta’ knejjes oħra fid-dinja, u hekk kien matul l-istorja tal-knisja sa mill-bidu nett. Dan jidher ċar mill-Patt il-Ġdid – speċjalment l-Atti u l-epistoli – ejja inħarsu biss lejn kapitlu 11 tal-Ewwel Epistola lill-Korintin (versi 17, 18, 20, 33, 34).
  • Issa f’dan li qiegħed ngħidilkom miniex infaħħarkom, għax qegħdin tiltaqgħu flimkien mhux għall-aħjar, iżda għall-agħar.
  • Għax l-ewwelnett, meta tiltaqgħu flimkien bħala knisja, smajt li hemm firdiet bejnietkom; u xi ħaġa nemmen.
  • Mela meta tiltaqgħu flimkien f’post wieħed, dan mhux biex tieklu l-ikla tal-Mulej.
  • Għalhekk, ħuti, meta tiltaqgħu flimkien biex tieklu, stennew lil xulxin.
  • U jekk xi ħadd għandu l-ġuħ, ħa jiekol id-dar; biex ma tiltaqgħux flimkien għall-kundanna.
Ħames darbiet l-appostlu Pawlu jiktbilhom, ‘meta tiltaqgħu flimkien’ jew frażi simili. Ma jgħidilhomx, ‘Jekk tiltaqgħu flimkien’ imma ‘meta tiltaqgħu flimkien.’ Lanqas ma jikkmandahom biex jiltaqgħu; ma kienx hemm għalfejn għax fil-fatt hekk kienu qed jagħmlu. L-Insara fil-belt ta’ Korintu kienu regolarment jinġabru flimkien bħala knisja. Din hija l-prattika normali u naturali tad-dixxipli ta’ Kristu kull fejn issibhom.

Ninnota b’dispjaċir li xi Kristjani jagħżlu li jibqgħu iżolati. Ma jingħaqdux ma’ knisja. Jippreferu joqgħodu d-dar, jitolbu u jaqraw il-Bibbja weħidhom. Imma possibbli ma jindunawx meta jaqraw l-Epistoli li posthom hu ma’ ħuthom fil-knisja lokali? Forsi ‘meta tiltaqgħu flimkien’ ma tgħoddx għalihom? Forsi għax jaħsbu li m’għandhomx bżonn ix-xirka ma’ ħuthom jew il-ministeru tal-Kelma? Jew forsi ma jridux iservu lil ħaddieħor bl-imħabba u d-doni li tahom l-Ispirtu għall-benefiċċju tal-knisja? Forsi huma egħref mis-Sid Ġesù, ir-Ras tal-ġisem?

Imma abbli wieħed jirribatti u jgħid, "Meta l-Korintin kienu jiltaqgħu flimkien iżjed kienu qed ifixxklu lil xulxin milli għall-ġid." Verament, u għalhekk l-appostlu Pawlu kitbilhom sabiex jikkoreġihom. Qalihom x’għandhom ibiddlu fl-imġieba tagħhom, imma ma qalilhomx biex jibqgħu d-dar! Jekk ikollok tyre baxx ma tiggaraxxjax il-karozza jew tiskreppjaha!

L-aħwa, anke l-Ikla tal-Mulej tissinfika l-unità tagħna li Kristu kisbilna b’tant tbatija. Ejja nieħdu sehem minnha bi gratitudni għall-privileġġ li bl-Ispirtu Ġesù għamilna membri ta’ ġismu; ejja nieħdu sehem sabiex inġeddu l-impenn sħiħ tagħna li nwettqu d-dmir li ngħinu u nibnu wieħed lill-ieħor kull meta niltaqgħu flimkien.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446