Taħriġ fil-Komunikazzjoni


Koppja tista’ ma taqbilx rigward it-trobbija tal-ulied, il-finanzi fid-dar, is-sess, relazzjonijiet mal-kunjati u nies oħra, iżda dawn il-problemi ġeneralment jinqalgħu minħabba komunikazzjoni fqira.

Komunikazzjoni effettiva nistgħu nxebbhuha mhux ma’ triq b’karreġġjata waħda (one-way), iżda ma’ triq b’żewġ karreġġjati. Hi l-vann li ġġorr il-merkanzija mingħand Edwina għal għand Ivan, u mingħand Ivan jitlaq b’merkanzija simili għal għand Edwina. Il-merkanzija hi mentali: il-ħsibijiet, opinjonijiet, kontro-opinjonijiet, fehmiet, informazzjoni, twissijiet, ċanfir, inkuraġġiment, kumplimenti u tagħlim mingħand xulxin.

Il-Kristjan ma jistax jaffordja jkun inkonsistenti fl-użu tal-ilsien (Ġak.3:8-10).

A. Linji Gwida għall-Komunikazzjoni

Dawn huma xi siliet bibliċi li jservu bħala linji gwida għall-komunikazzjoni. "Il-mewt u l-ħajja huma fil-qawwa tal-ilsien" (Prov.18:21).

Aħseb dwar dawn il-gwidi u immedita fuq il-passaġġi indikati.
  1. Kun semmiegħ pront; tweġibx qabel ma l-persuna l-oħra tkun spiċċat titkellem (Prov.18:13; Ġak.1:19).
  2. Kun tqil biex titkellem. Aħseb x’se tgħid l-ewwel. Tgħaġġilx u tfexfixx fi kliemek. Tkellem b’tali mod li l-persuna l-oħra tkun tista’ tifhem kulma tgħid (Prov.15:23,28; 29:20).
  3. Tidħolx torqod irrabjat! Kuljum ikklirja l-offiżi ta’ dik il-ġurnata. Għid il-verità dejjem, iżda qis li tkun bl-imħabba. Tesaġerax (Mt.6:34; Ef.4:15,26-27; Kol.3:8).
  4. Tużax is-silenzju biex tinnervja jew tiffrustra lill-persuna l-oħra. Spjega għaliex qed iddum ma twieġeb (Prov.10:19; 16:21,23; 18:2; 20:15; Kol.4:6).
  5. Titħabbilx f’tilwim. Huwa possibbli ma taqbilx ma’ ħaddieħor mingħajr ma titlewwem jew tiġġieled (Prov.17:14; 20:3; Rum.13:13; Ef.4:29-31).
  6. Tirrispondix b’rabja mhix ikkontrollata. Aġixxi bi tweġiba ħelwa u ħanina, u b’ton sieber (Prov.14:29; 15:1; 25:15; 29:11).
  7. Meta tinduna li m’għandikx raġun jew tinsab żbaljat, ammetti u itlob maħfra. Staqsi kif tista’ tinbidel (Prov.12:15; 16:2; 20:6; 21:2; Mt.5:23-25; Lq.17:3; Ġak.5:16).
  8. Meta xi ħadd jistqarrlek, għidlu li taħfirlu. Kun ċert li ħfirtlu tabilħaqq; terġax taqla’ l-kwistjoni ma’ xi ħadd ieħor, mal-persuna involuta, jew miegħek innifsek! (Prov.17:9; Ef.4:32; Kol.3:13; 1 Pt.4:8).
  9. Evita l-iffittar; dan għandu ħabta jdejjaq u jiffrustra lill-persuna l-oħra (Prov.10:19; 16:21,23; 17:9; 18:6-7; 21:19; 27:15).
  10. Iċċanfarx u tikkritikax lil ħaddieħor għalxejn b’xejn. Minflok, irrestawra, inkuraġġixxi u edifika (Rum.14:13; Gal.6:1; 1 Tess.5:11).
  11. Jekk xi ħadd jattakkak, jikkritikak jew iċanfrek verbalment, tirrispondix bl-istess manjiera (Rum.12:17,21; 1 Pt.2:23; 3:9). Aħseb u rrifletti dwar xi smajt mingħandu; prova ara s-sitwazzjoni mill-perspettiva tiegħu. Kun simpatetiku.
  12. Prova ifhem l-opinjoni tal-persuna l-oħra. Agħti lok għal differenzi fil-fehma. Kun ikkonċernat dwar l-interessi tal-persuna l-oħra (Ef.4:2; Fil.2:4; 3:15-16).
Dawn li għadek kif studjajt huma direttivi bibliċi li jġibu ’l quddiem komunikazzjoni tajba u relazzjonijiet b’saħħithom ma’ nies oħra. Uri impenn u agħmel sforz, dejjem bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, biex issir togħġob lill-Mulej fit-taħdit u d-diskors tiegħek.

B. Ir-Riedni tad-Diskors

Ċerti prinċipji bibliċi jeħtieġ imexxuk, speċjalment fil-ħajja miżżewġa tiegħek, biex titkellem bil-miftuħ u onestament. Dawn il-prinċipji huma preżentati hawn fl-għamla ta’ mistoqsija. Immemorizzahom u użahom fl-isforzi tiegħek biex tikkomunika mal-proxxmu tiegħek.
  1. Dan li biħsiebni ngħid hu veru? Għandi tabilħaqq il-fatti? (Prov.18:13; 1 Pt.3:10).
  2. Dan li se ngħid hu siewi? Hu magħdud bil-għerf? Se jgħin jew se jweġġa’? Hu kostruttiv jew distruttiv? Hu strettament neċessarju? (Prov.20:15; Rum.15:1-3; Ef.4:29).
  3. Huwa l-ħin xieraq u adatt biex ngħid dan li għandi ngħid? Ikun aħjar kieku nistenna Proverbji 15:23 jgħid: “Bniedem jifraħ bi tweġiba f’lokha, u kemm fiha għaxqa kelma mlissna f’ħin propizju!” U fil-Proverbji 25:11 naqraw: “Bħat-tuffieħ tad-deheb fi gwarniċ tal-fidda hi kelma mlissna f’ċirkostanzi sewwa.”
  4. L-attitudni tiegħi pożittiva jew imħassra? Il-qagħda ta’ qalbek u l-motivi huma mmexxija mill-imħabba, jew minn xi raġuni ulterjuri u egoistika? (1 Kor.16:14; Tit.3:1-2).
  5. Il-kliem li biħsiebni nuża huma l-aħjar mod possibbli biex nesprimi lili nnifsi? (Prov.12:25; 15:1; 16:23; Ek.12:10). Proverbji 15:28 jgħid: “Qalb il-ġust taħsibha kif se twieġeb, iżda ħalq il-ħażin iferra’ ħwejjeġ ħżiena.” Ftakar kif l-iben il-ħali ppjana u ħaseb minn qabel x’se jgħidlu lil missieru meta jirritorna għandu! Ippjana bħalu, speċjalment fi kriżijiet importanti, li jistgħu jgħarrqu jew isewwu r-relazzjoni tiegħek ma’ ħaddieħor.
  6. Tlabt dwar l-affari? Qed nafda ’l Alla biex jgħinni? (Sal.19:14; Prov.3:5-6).
C. Komunikazzjoni għall-Bini taż-Żwieġ

Ebda koppja ma tista’ tkun laħam wieħed mingħajr ma tkun trasparenti u onesta fil-komunikazzjoni. Fl-istess ħin, jeħtieġ tkun it-tip ta’ onestà tajba, b’tattika u sensittività. Altrimenti, tkisser aktarx milli tibni relazzjonijiet tajba.

Iż-żwieġ jissopravivi jekk ikun hemm komunikazzjoni regolari u dejjem tissaħħaħ. Mhix xi ħaġa żejda, anzi, hi assolutament vitali. Hija n-nerv, it-taħbita tal-qalb fiż-żwieġ. Fejn il-komunikazzjoni hi batuta jew nieqsa, ir-relazzjoni taż-żwieġ tiddeterjora, tmur lura u finalment tmut. Fejn hi b’saħħitha, ir-relazzjoni bejn ir-raġel u martu tiffjorixxi.

Qis dawn is-suġġerimenti biex tibni komunikazzjoni b’saħħitha. Irrevedihom fil-ġejjieni.
  1. Meta jkun hemm problemi, it-tnejn jeħtieġ tammettu li tifformaw parti mill-problema (Prov.20:6).
  2. Kull persuna jeħtieġ tkun lesta tinbidel: taqta’ vizzji u minflokhom trawwem virtujiet (Mt.5:23-26; Ġw.5:6).
  3. Evitaw l-użu ta’ kliem qawwi emozzjonalment. “Mhux veru tħobbni.” “Int dejjem tagħmel...” “Int qatt ma tagħmel xejn tajjeb.” “Ma jimportanix.”
  4. Kun responsabbli għall-emozzjonijiet, il-kliem, l-azzjonijiet u r-reazzjonijiet tiegħek. Twikkihomx fuq ħaddieħor. Irrabjajt, għajjatt, u l-bqija, għax ridt int (Gal.6:5; Ġak.1:13-15).
  5. Irrifjuta milli terġa’ ssemmi argumenti antiki (Ef.4:26). Tgħallem minnhom u itfagħhom wara dahrek.
  6. Trattaw il-problemi waħda waħda. Solvu waħda mbagħad għaddu għall-oħra. Dan hu l-prinċipju f’Mattew 6:34.
  7. Tratta l-preżent, mhux il-passat. Tistadx fl-imgħoddi, sakemm ma jkunx ta’ għajnuna għall-problemi preżenti tagħkom (Isa.43:25; Ġer.31:34; Fil.3:12-14).
  8. Enfasizza l-pożittiv minflok ma tkabbar in-negattiv (Fil.4:8). Ikkonċentra filli tara s-sabiħ u t-tajjeb fil-partner tiegħek, mhux l-ikrah u l-ħażin.
  9. Tgħallmu kkomunikaw ukoll b’modi mingħajr ma titkellmu (Sal.32:8).
  10. Esprimu l-ħsibijiet u l-ansjetajiet tagħkom lil xulxin. Irrakkontaw l-attivitajiet tagħkom. Isimgħu, ifhmu u rrispondu għat-tifsira wara kliem ħaddieħor. Meta żewġek jitlef it-tempra, abbli qed jgħidlek, “Kelli ġurnata terribbli fuq ix-xogħol illum. Ħadd ma jirrispettani.” Meta jgħidlek, “Ħsiebek biss f’uliedna,” abbli jkun qed jgħidlek, “Għandi bżonn ftit affezzjoni. Ninsab imġewwaħ għal imħabbtek.” (Ara l-eżempju ta’ Ġesù Kristu f’Marku 5:1-15; Ġwanni 1:45-47; 11:20-35).
  11. Ipprattika r-regola tad-deheb: “kull ħaġa kwalunkwe illi tridu n-nies jagħmlulkom, hekk ukoll intom agħmlu lilhom” (Mattew 7:12). Xi trid li l-partner tiegħek jagħmillek? Tkun trid il-partner tiegħek jgħidlek il-verità? Tridu jitlob l-opinjoni tiegħek? Tridu jgħinek fi żmien il-għawġ? Tridu jkun naturali miegħek? Tridu jirringrazzjak għall-assistenza jew servizzi? Allura agħmel l-istess miegħu!
  12. Ipprattika l-prinċipju msemmi f’Luqa 6:35: “Ħobbu ’ll-għedewwa tagħkom, u agħmlu t-tajjeb u sellfu bla ma tippretendu xejn lura, u l-premju tagħkom ikun kbir, u tkunu wlied l-Ogħla, għax hu nnifsu twajjeb mal-ingrati u l-ħżiena.”
Ftakar: komunikazzjoni b’saħħitha tiżviluppa meta tikkonċentra u taħdem biex ittejjeb ir-relazzjoni tiegħek ma’ martek jew żewġek. Ebda relazzjoni umana ma tiffjorixxi meta x-xirka tagħna m’Alla hi fjakka, dgħajfa u inkonsistenti.

Kitba ta' Paul Mizzi.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446