Li mmut qliegħ


Għalina l-Insara l-mewt mhix traċedja inevitabbli. Tassew, il-mewt daħlet minħabba d-dnub, imma s-Salvatur tagħna rebaħ fuqha. Il-mewt mhix it-tmiem, imma bieb miftuħ għal ħajja ġdida fil-preżenza tal-Maħbub tagħna. Qalbna tixxennaq biex inkunu miegħu. Mhux biss, ladarba nafu dan, aħna nistinkaw biex nogħġbuh f'kollox, peress li nafu li hu se jippremjana għat-tajjeb li nagħmlu llum.

Dawn l-Iskritturi jagħtuna perspettiva tajba dwar il-ħajja u l-mewt, u tama għall-ġejjieni.

Ġwanni 6:38-40
Jien inżilt mis-sema, mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni. U din hi r-rieda tal-Missier li bagħatni, li ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, imma li nqajmu fl-aħħar jum. U din hi r-rieda ta’ dak li bagħatni, li kull min jara l-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem, u jien inqajmu fl-aħħar jum.

Lhud 2:14-15
Mela billi l-ulied għandhom l-istess laħam u demm, hu wkoll ħa sehem bħalhom, biex permezz tal-mewt jeqred lil dak li kellu l-ħakma tal-mewt, jiġifieri, ix-Xitan; u jeħles lil dawk li minħabba l-biża’ tal-mewt kienu suġġetti għall-jasar ħajjithom kollha.

1 Korintin 15:55-57
Ja mewt, fejn hi n-niggieża tiegħek? Ja qabar, fejn hi r-rebħa tiegħek? In-niggieża tal-mewt hu d-dnub; u l-qawwa tad-dnub hi l-liġi. Imma niżżuħajr ’l Alla, li tana r-rebħa permezz ta’ Ġesù Kristu.

Salm 73:24-26
Int tmexxini skont il-ħsieb tiegħek u mbagħad tilqagħni fil-glorja tiegħek. Min għandi fis-sema ħliefek? U mhemm ħadd fl-art li nixtiequ ħliefek. Ġismi u qalbi ma jifilħux iżjed: iżda Alla l-qawwa ta’ qalbi u sehmi għal dejjem.

Luqa 23:42-43
U qal lil Ġesù, "Mulej, ftakar fija, meta tiġi fis-saltna tiegħek." U Ġesù qallu, "Ngħidlek is-sewwa li llum tkun fil-ġenna miegħi."

2 Korintin 5:8-9
Aħna għandna qalbna qawwija, ngħid jien, u rridu aktarx li noħorġu mill-ġisem, u ngħammru mal-Mulej. Għalhekk naħdmu biex sew jekk nibqgħu, u kemm jekk ma nibqgħux, aħna nogħġbuh.

1 Samwel 2:6
Il-Mulej imewwet, u jaħji; iniżżel fis-saltna tal-imwiet, u jtella’ minnha.

Filippin 1:21-23
Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u li mmut qligħ. Imma jekk ngħix fil-ġisem, dan hu frott tal-ħidma tiegħi: imma x’naqbad nagħżel ma nafx. Għax jien marsus bejn żewġ naħat: għandi xewqa li nitlaq, u li nkun ma’ Kristu; li hu wisq aħjar: 24 Madankollu li nibqa’ fil-ġisem hu aktar meħtieġ għalikom.

Rivelazzjoni 14:13
Imberkin il-mejtin li jmutu fil-Mulej minn issa ’l quddiem: Iva, igħid l-Ispirtu, biex jistrieħu mit-taħbit tagħhom; u l-għemejjel tagħhom imorru warajhom.

Salm 116:15
Għażiża l-mewt quddiem il-Mulej tal-fidili tiegħu.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446