Ma nemminx li ġejna għalxejn


Għall-ateist m’hemm ebda skop dejjiem. Dan l-univers vast ġie mix-xejn u jeżisti għal xejn. Il-bniedem jeżisti għal xejn. Ħajjet il-bniedem hi dawra tond u ma twassal imkien.

L-ateist ma jistax jemmen li jeżisti skop għaliex diġà ddeċieda li m’hemmx Alla personali, u allura m’hemmx ħsieb u intenzjoni, m’hemm xejn għajr il-materja u forzi impersonali. Il-forza tal-gravità u l-elettriku ma jaħsbux, il-ġebel u l-ħadid ma jippjanaw xejn.

Madankollu, b’xi mod jew ieħor, hawn hu, il-bniedem, konxju tiegħu nnifsu, ħassieb, jippjana, u għandu fih aspirazzjonijiet li jkun ferħan, li jkun maħbub, li jgħix bla tmiem.

Imma jidher, jekk l-ateist hu korrett, li l-pjanijiet u x-xewqat kollha tal-bniedem jindifnu miegħu. Il-mewt teqred kull skop dejjiem. Din hi l-perspettiva pessimista u ddisprata tal-ateiżmu.

Fuq il-banda l-oħra, il-Kristjaniżmu jagħti tama… anke quddiem il-qabar.

Qrajna u emminna r-rakkont ta’ Ġesù ta’ Nażaret, kif għix u miet u kien midfun … u li fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, kif jixhdu l-appostli u tant xhud oħra. Ġesù rebaħ fuq l-mewt. Nemmnu li għad iqajjem għall-ħajja lill-bnedmin kollha, kif wiegħed. Xejn ma jista’ jwaqqaf l-għan tal-Ħallieq, li jkun glorifikat fil-poplu tiegħu.

Iva, anke għalina hemm skop tajjeb, li nħobbu u ngawdu l-imħabba, mhux biss għal erbgħat ijiem li nqattgħu f’din l-art, imma għal dejjem.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446