Biċċa injama


Kulħadd sema’ bl-istorja ta’ Pinokkju u bejn wieħed u ieħor jaf fiex tikkonsisti. Però ftit nies jafu li l-ewwel vers li bih jiftaħ ir-rumanz huwa wieħed mill-aktar l-ewwel vrus impressjonanti fil-letteratura ta’ kull żmien. Carlo Collodi, l-awtur, jikteb hekk:

“Darba waħda kien hemm…
‘Sultan!’ Se jgħidu mill-ewwel il-qarrejja ċkejkna tiegħi.
Le tfal, għandkom żball.
Darba waħda kien hemm… biċċa injama!”

Xi ftuħ brillanti! Darba waħda kien hemm biċċa injama, biċċa għuda. L-istess kliem huwa wkoll ftuħ adatt ħafna għall-bidu tal-istorja dwar Ġesù Kristu, il-vanġelu.

Darba waħda kien hemm biċċa injama...

Fuqha, skont il-pjan determinat u t-tagħrif minn qabel t’Alla, safa mdendel Sultan, Ġesù n-Nazzarenu, Sultan tal-Lhud, is-Sultan tas-slaten. Dawk li rawh iċċikawh, żebilħuh, għajruh; “Salva lilek innifsek, Jekk int Bin Alla, inżel mis-salib.”

Iżda hu, volontarjament, umilja lilu nnifsu u sar ubbidjenti sal-mewt, imqar mewta fuq salib. Kien innoċenti, ġust u bla ebda dnub. Madankollu għannaq dik l-għuda u radd l-ispirtu tiegħu fuqha minflok midinbin indenji, inġusti u ħatja għall-aħħar.

Niżluh minn fuq l-għuda u qegħduh f’qabar imħaffer fil-blat, u remblu ħaġra mal-entratura tal-qabar. Iżda hu ma baqax fih mejjet! Lil dan Alla qajmu mat-tielet jum, għax kien impossibbli għalih li jinżamm fl-irbit tal-mewt.

Issa Ġesù hu rxoxtat u jinsab bilqiegħda fuq il-leminija t’Alla, bħala l-Mexxej u Salvatur, biex jagħti l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet.

Dawk kollha li jindmu u jemmnu fih jirċievu l-maħfra sħiħa ta’ dnubiethom kollha permezz ta’ ismu. Dan għaliex permezz tas-salib għamel is-sliem, irrikonċiljana u reġa’ ħabbibna m’Alla. Ikkanċella r-rekordju tad-dejn kontrina billi sammru mal-għuda.

M’għuda sammruk, ċarċart id-demm,
Minfloki kkundannat,
Biex tneħħi ħtija, għajb u dnub
U nkun illiberat.

L-istorja ta’ Pinokkju hi ħrafa. Il-ġrajja dwar Ġesù Kristu Bin Alla hi reali u tolqotna personalment. Tibda’, tkompli u tispiċċa b’mod splendidu u grandjuż.

Għid kif sammruh ma’ dik l-għuda,
Mgħajjeb, imneżża’ w miġrugħ;
Għid dwar id-difna fil-qabar,
Għid x’ġara mat-tielet jum!

Darba waħda kien hemm biċċa injama, l-għuda tas-salib. Ħa ma jkun qatt li niftaħru ħlief bis-salib ta’ Sidna. Ħa nkantaw ferriħin, hekk kif inkomplu interrqu lejn id-dar ta’ Missierna tas-sema:

Għalhekk ngħożż is-salib aħrax tqil
Sakemm nibqa’ f’dit-triq tul dal-jiem;
Naqbad sod mas-salib aħrax tqil
Għax fil-glorja għad nasal bih jien.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446