Il-Maħfra tad-Dnubiet

Niddedika din il-kitba lill-ħbiebi Kattoliċi


Ħabib, ħsibt biex niktiblek fuq suġġett li jolqotna t-tnejn: il-maħfra tad-dnubiet. Hemm diversi differenzi bejn ir-reliġjon Kattolika u l-fidi evanġelika, imma fuq dan naqblu – aħna lkoll midinbin. Jiena u inti ksirna l-liġi qaddisa t’Alla u ħaqqna l-kastig tiegħu. Għalhekk it-tnejn li aħna neħtieġu l-maħfra biex niksbu l-paċi f’ruħna matul ħajjitna u fuq is-sodda tal-mewt tagħna.

Bħala Kattoliku inti tfittex il-maħfra permezz tas-sagrament tal-qrar. Minn ċkunitek inti tgħallimt li l-Mulej ta s-setgħa lis-saċerdot jaħfer d-dnubiet, u li int obbligat tistqarrhom miegħu, u tagħmel penitenza bi tpattija għal dnubietek.1 Nistiednek tqabbel dan it-tagħlim mal-Iskrittura, il-Kelma t’Alla.

Ma’ min għandna nistqarru dnubietna? Ġesù għallimna: ‘Mela itolbu hekk: “Missierna, li inti fis-smewwiet...”’2  Ġesù jridna nindirizzaw it-talb tagħna lil Alla l-Missier. Fost ħwejjeġ oħra qalilna nitolbuh, ‘Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.’ Ġesù jridna nistqarru dnubietna direttament lil Alla l-Missier. Hekk kienu jistqarru dnubiethom l-Insara fl-ewwel sekli tal-knisja. Kien mis-seklu sebgħa wara Kristu li l-qrar sigriet mas-saċerdot beda jsir popolari,3u kien biss fis-sena 1215 meta sar obbligatorju.4

Wara l-qawmien, Ġesù qal lid-dixxipli: ‘Ħudu l-Ispirtu s-Santu: dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom, ikunu miżmuma.’5  Jidher ċar li l-Mulej ta kommissjoni lid-dixxipli biex iwasslu l-maħfra lid-dinja. Imma kif? Bliema mod? Forsi billi ħatarhom imħallfin u tahom is-setgħa tal-assoluzzjoni, kif tgħallem il-Knisja Kattolika?6 Jew b’xi mod ieħor? X’tgħid l-Iskrittura fuq hekk? X’ried ifisser Ġesù, u x’fehmu l-appostli?

Fl-Atti tal-Appostli insibu miktub kif l-Ispirtu s-Santu mexxihom biex iwettqu l-missjoni fdata f’idejhom minn Kristu. L-appostli ma kinux iqaraw, u lanqas jobbligaw n-nies iqerru. Meta ċertu wieħed Xmun dineb bl-ikraħ, l-appostlu Pietru ma qallux iqerr għandu, imma qallu: ‘Indem minn dan il-ħażen tiegħek, u itlob lill-Mulej biex forsi jaħfirlek dan il-ħsieb tiegħek.’7 Jekk tistaqsi lill-appostlu Pietru, ‘Għand min għandi nistqarr dnubieti,’ żgur jirrispondik bl-istess kliem, ‘Itlob lill-Mulej.’

Kif mela wettqu l-kommissjoni tal-maħfra li tahom il-Mulej Ġesù? Ġesù stess fissrilhom: ‘Hekk kien miktub, li kellu l-Messija jbati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum, u tixxandar f’ismu ndiema u maħfra tad-dnubiet għall-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan.’8  L-appostli wasslu l-maħfra t’Alla lid-dinja permezz ix-xandir tal-Kelma dwar Ġesù Kristu, mhux bil-qrar. Jekk tixtieq tikkonferma dan, inħajrek taqra l-ktieb tal-Atti. L-appostlu Pawlu stqarr: ‘Kunu afu, irġiel u aħwa, li permezz ta’ dal-bniedem (Ġesù), il-maħfra tad-dnubiet hi mxandra lilkom.’9  U l-appostlu Pietru xandar: ‘Lilu l-profeti kollha jixhdu, li dawk kollha li jemmnu fih jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiethom.’10  Il-Mulej għamel lid-dixxipli xandara tal-Aħbar it-Tajba, mhux imħallfin u konfessuri.

Nirringrazzja ’l Alla talli f’żgħożiti kien mxandar lili l-messaġġ appostoliku. Il-Mulej kmandani nindem, jiġifieri nagħti dahri għad-dnub, u nemmen b’qalbi kollha fih. Bil-grazzja tiegħu hekk għamilt. Ma nippretendix iżjed li npatti għal dnubieti bil-penitenzi u l-opri tajba. Kristu patta għal dnubieti darba għal dejjem bil-mewt tiegħu fuq is-salib. ‘Fi Kristu għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, il-maħfra tad-dnubiet, skond l-għana tal-grazzja tiegħu.’11 Ninsab żgur li dnubieti huma maħfura minħabba Kristu.12

Hu privileġġ għalija llum li nxandarlek l-istess messaġġ ta’ ferħ. Nitolbok għalhekk tikkonsidra sewwa t-tweġibiet tal-Kelma t’Alla għal dawn il-mistoqsijiet kruċjali.

1. Min jista’ jaħfer id-dnub?

‘Jekk nistqarru dnubietna, hu (Alla) fidil u ġust hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.’13 Agħmel bħall-ewwel Insara. Stqarr dnubietek 'l Alla.

2. Permezz ta’ min nista’ naqla’ l-maħfra t’Alla?

Ġesù ‘għandu saċerdozju li ma jista’ jgħaddi għal għand ħadd. Għalhekk hu jista’ jsalva għal kollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla, għax hu dejjem ħaj biex jidħol għalihom.’14 Ersaq lejn Alla permezz ta’ Kristu.

3. X’jagħmel tajjeb għal dnubieti – il-penitenzi tiegħi, jew is-sagrifiċċju ta’ Kristu?

‘Id-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub.’ Ġesù Kristu, ‘hu jħallas għal dnubietna.’15 Mhux x’tagħmel inti, imma x’għamel hu li jgħodd!

Ħabib, minn qalbi nixtieq li int ukoll tikseb il-maħfra ta’ dnubietek meta tirrikorri għand Alla permezz ta’ Ibnu, il-Mulej Ġesù Kristu. Emmen fih b’qalbek kollha u dnubietek ikunu maħfura.

Referenzi

1. ‘(Ġesù), minħabba l-awtorita’ tiegħu ta’ Alla, hu jagħti din is-setgħa (li jaħfer id-dnubiet) lill-bnedmin (ara Ġw. 20:21-23) biex jużawha f’ismu.’ ‘L-istqarrija tad-dnubiet lis-saċerdot hi parti essenzjali tas-sagrament tal-Penitenza.’ ‘(Il-midneb) irid “ipatti” b’mod adatt, jew “iħallas” id-dejn ta’ dnubietu. Din it-tpattija nsejħulha tewba jew penitenza.’ Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, ara paragrafi 1441, 1456 u 1459.
2. Mattew 6:9-13.
3. Ara paragrafu 1447 tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. ‘Minn dak iż-żmien (is-seklu sebgħa) is-sagrament baqa’ jiġi ċċelebrat b’manjiera aktar sigrieta bejn il-penitent u s-saċerdot.’
4. Ir-Raba’ Konċilju Lateran, fiż-żmien il-Papa Innoċenzju III.
5. Ġwanni 20:22-23.
6. ‘Is-saċerdot huwa u jiċċelebra s-sagrament tal-Penitenza, ikun jaqdi l-ministeru...tal-Imħallef ġust li ma jħarisx lejn wiċċ in-nies u jagħmel ħaqq skond il-ġustizzja u l-ħniena.’ Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, ara paragrafu 1465. Fil-qrar is-saċerdot mhux sempliċament jitlob għalik, jew jassigurak mill-maħfra t’Alla, iżda hu nnifsu jaħfirlek. ‘U jien naħfirlek dnubietek fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.’ L-assoluzzjonji mhix sempliċament dikjarazzjoni li Alla ħafer lill-midneb, imma att ġudizzjarju tal-qassis. Ara Konċilju ta’ Trentu, sezzjoni 14, qanun 9.
7. Atti 8:22.
8. Luqa 24:46,47.
9. Atti 13:38.
10. Atti 10:43.
11. Efesin 1:7.
12. 1 Ġwanni 2:12.
13. 1 Ġwanni 1:9.
14. Lhud 7:24.25 (Saydon).
15. Ara 1 Ġwanni 1:7; 2:2.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446