Linji Gwida dwar il-Festi

Il-Knisja Evanġelika Trinità hi kommessa għall-prinċipju sola Scriptura, jiġifieri nemmnu l-Iskrittura biss bħala l-ogħla awtorità għalina. Speċifikament inżommu mal-prinċipju regolattiv tal-qima, ċoè, bħala miġemgħa miġbura jmissna nqimu lil Alla bħalma dderiġiena hu stess f’Kelmtu, filwaqt li neskludu kulma ma kmandax. 

Konsegwentement, il-festi tradizzjonali, bħalma huma l-Milied u l-Għid, m’għandniex nosservawhom. Aktar minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju regolattiv, kwalunkwe statwi, films, mima, żfin, recti u invenzjonijiet moderni oħra għandhom ikunu mwarrba totalment mill-qima li noffru lill-Mulej. 

Issa, billi aħna ħielsa fi Kristu, u bħala nies imsejħa biex nagħtu xhieda tiegħu, m’għandniex norbtu lilna nfusna sat-tali estremità illi naħsbu li ma nistgħux nitkellmu jew nippritkaw jew nagħtu xhieda dwar Kristu rxoxtat għax jinzerta huwa jum l-Għid. Aħna obbligati nkunu xhieda tiegħu 365 jum fis-sena, bla ma nikkonsidraw x’jum hu jew mhux. L-istess japplika għall-Milied; jekk il-ħamsa u għoxrin ta’ Diċembru jiġi l-Ħadd, it-topik tal-prietka fil-knisja tagħna jista’ faċilment ikun fuq l-inkarnazzjoni ta’ Bin Alla fostna. 

F’dan ir-rigward Charles Spurgeon, il-predikatur, iddikjara: “Ladarba hu permissibbli, u saħansitra ħaġa ta’ min ifaħħarha, illi nimmeditaw fuq l-inkarnazzjoni ta’ Sidna Ġesù fi kwalunkwe ġurnata tas-sena, ma jmissniex naqgħu għas-superstizzjonijiet ta’ ħaddieħor u nikkonkludu li ma jmissniex naħsbu jew nitkellmu dwar it-twelid ta’ Ġesù llum. Il-ġurnata ma nosservawhiex bħala festa, iżda xorta waħda nroddu ħajr lil Alla għall-għotja ta’ Ibnu għażiż.”

Bl-istess mod, f’Ħadd il-Għid il-knisja miġbura tkun imbierka jekk tisma’ prietka fuq il-qawmien ta’ Kristu proprjament f’dak il-jum. Bħala fidili aħna liberi biex nieħdu dil-pożizzjoni mhux biss biex inġibu fix-xejn l-akkużi tal-infidili, illi “intom ma temmnux fil-qawmien” – ħaġa ovvjament falza – iżda wkoll għax it-twelid, il-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu jifformaw il-qalba tal-vanġelu – il-messaġġ li l-mitlufa jeħtiġilhom jisimgħu għas-salvazzjoni tagħhom, filwaqt li l-fidili jeħtiġilhom ikunu edifikati f’dawn il-veritajiet glorjużi. 

Bħala aħwa fi Kristu jmissna kontinwament inkunu trenjati biex naħsbu biblikament. Is-sejħa tagħna hi illi nfakkru lil xulxin dwar il-prijorità ta’ qima xierqa lil Alla, fl-ispirtu u l-verità, u biex ngħixu f’ubbidjenza għal Kelmtu, u mhux inkunu misjuqa mill-emozzjonijiet tagħna, jew drawwiet tradizzjonali, jew konsiderazzjonijiet prammatiċi. Fil-prattika l-fidi tagħna messha tkun konsistenti mat-tagħlim tal-Iskritturi Mqaddsa, sew jekk fil-knisja, fil-ħajja privata tagħna, fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, u bnadi oħra. 

Il-prinċipju regolattiv ma jippermettilniex illi ndaħħlu ż-żfin, il-mima, preżentazzjonijiet drammatiċi u attivitajiet ivvintati oħra, bħala mezz ta’ qima korporata. Madankollu hemm post leġittmu għat-tali attivitajiet bnadi oħra. Alla jagħti lil uliedu l-libertà li jagħmlu għażliet personali fil-konfini tal-liġi morali tiegħu, u fit-tagħlim ġenerali ta’ Kelmtu. Pereżempju, il-Bibbja tgħallimna biex naħdmu u nistrieħu, u tħallina liberi kif se nagħmlu dan. Nistgħu nistrieħu billi mmorru passiġġata, naqraw rumanz jew naraw film. Tara film jew taqra ktieb bħala parti mill-qima korporata mhuwiex xieraq jew aċċettabbli għal Alla, iżda għall-Kristjan individwali jista’ jagħmel dan bnadi oħra. 

B’mod simili, inkwantu l-festi, il-knisja tal-Patt il-Ġdid m’għandha ebda worant bibliku biex tiċċelebra festi vvintati mill-bniedem jew tikkonsidra jiem speċifiċi bħala qaddisa, ħlief Jum is-Sid. Iżda l-Kristjan individwali jista’ jieħu l-opportunità mit-tali festi (il-Milied, l-Għid, u l-bqija) biex jiltaqa’ mal-familja tiegħu u ħbiebu għal xi ikla jew attivitajiet oħra. Dan hu perfettament leġittmu wkoll. 

Għażliet u deċiżjonijiet personali matul l-hekk imsejħa festi għandhom jittieħdu b’kuxjenza tajba fid-dawl tal-liġi qaddisa t’Alla, u jkunu motivati mill-imħabba lejn Alla u l-proxxmu. Dawn id-deċiżjonijiet jinkludu l-għoti ta’ rigali, dekorazzjonijiet, mużika, ikel u ħelu tradizzjonali għall-Milied jew l-Għid, alkoħol, u pranzu mal-membri tal-familja u l-ħbieb. F’kull ġurnata u żmien imissna nevitaw is-superstizzjoni, idolatrija (statwi tal-bambin u kurċifissi), il-materjaliżmu u kwalunkwe eċċessi.

Kulma nagħmlu u nieħdu sehem fih messu jsir għall-glorja t’Alla, b’kuxjenza tajba, bi gratitudni u b’qalb ferrieħa. Imissna nirrikonoxxu wkoll illi Kristjani oħra għandu mnejn iżommu konvinzjonijiet differenti minn tagħna. Għaldaqstant imissna nevitaw milli nkunu offiżi faċilment jew inkella noffendu lil ħaddieħor. Imissna nżommu lura milli niġġudikaw lil ħaddieħor bl-addoċċ. Nirrealizzaw li Alla fi Kristu laqagħna lkoll bħala wlliedu, wasalna f’liema stadju wasalna fil-mixja tagħna miegħu. Ħalli kull wieħed u waħda fostna nfittxu l-ħwejjeġ tas-sliem u l-edfikazzjoni reċiproka. 

Ladarba xi wħud minn dawn il-festi huma btajjel pubbliċi, meta t-tfal ma jkollhomx skola, dawn il-jiem huma opportunitajiet għall-knisja biex torganizza laqgħat speċjali għat-tfal ċkejknin, żgħażagħ u adulti, biex jixxierku flimkien u jkunu msaħħin fil-fidi l-aktar qaddisa tagħna. Dawn l-attivitajiet tal-knisja, b’konsultazzjoni max-xjuħ, inklużi l-avvenimenti għat-tfal u l-adoloxxenti, m’għandhomx ikunu marbuta speċifikament mal-festa.

Festi Kattoliċi, Halloween u btajjel sekulari, għandna nqisuhom bħala opportunitajiet għall-evanġeliżmu. Matul dawn l-okkażżjonijiet ukoll id-dinja jeħtiġilha d-dawl tal-vanġelu. Aktarx milli ninħbew, nibqgħu siekta jew nirtiraw mis-soċjetà, ħa nservu bħala dawl u melħ għas-soċjetà tagħna.

Il-Presbiterju, Knisja Evanġelika Trinità
Paul Mizzi, Joseph Farrugia, Joseph Mizzi, Jonathan Bellizzi u Andrè Camilleri.
29 ta’ Marżu, 2024.

Kuntatt

Pastor Paul Mizzi
Email: knisjaevangelika@yahoo.com
SMS: 79551446