Maħtufin biex niltaqgħu ma' Sidna
Il-Kristjani kollha jħarsu ’l quddiem għat-tieni miġja ta’ Kristu. Aħna lkoll qed “nistennew dik it-tama mbierka u d-dehra glorjuża t’Alla l-kbir u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu” (Titus 2:13). Sidna Ġesù qiegħed iħejji post għalina; hu għad jerġa’ jiġi u jilqagħna għandu biex fejn ikun hu, inkunu aħna wkoll (ara Ġwanni 14:1-3).
Fil-miġja tiegħu, il-Mulej se jqajjem l-Insara li jkunu laħqu mietu, u lilna li nkunu għadna ħajjin, Ġesù se jbiddel ġisimna f’wieħed immortali. Ilkoll flimkien ninħatfu u niltaqgħu ma’ Sidna fl-ajru u hekk inkunu dejjem mal-Mulej (1 Tessalonikin 4:13-18; 1 Korintin 15:50-58).
Storikament, l-Insara kienu jqisu li l-ħatfa tal-knisja bħala parti mill-avvenimenti li se jseħħu fit-tieni miġja ta’ Kristu. Mar-ritorn ta’ Kristu se jkun hemm il-qawmien mill-mewt ta’ kulħadd, tajbin u ħżiena; il-ħatfa tal-knisja; il-ġudizzju finali; tmiem id-dinja, u l-ħolqien ta’ smewwiet u art ġodda. Madankollu, bl-influwenza ta’ John Nelson Darby (1800-1882), u oħrajn, illum ħafna Insara Evanġeliċi jemmnu li l-ħatfa tal-knisja se sseħħ seba’ snin qabel il-miġja viżibbli u glorjuża ta’ Kristu, u aktar minn elf sena qabel il-qawmien u l-ġudizzju tal-ħżiena.
Nistieden lil ħuti Nsara jfittxu fl-Iskrittura biex jaraw jekk dawn il-ħwejjeġ humiex hekk jew le.
1. L-appostlu Pawlu jorbot il-ħatfa u t-telfien tal-ħżiena fl-istess passaġġ (1 Tessalonikin 4:13–5:11). Jum il-Mulej jiġi bħal ħalliel fuq il-mitlufa, iżda l-Insara qed jishru, u għalhekk l-istess jum ma jaqbadhomx bħal ħalliel. L-istess jum isib sew lill-Insara u l-ħżiena fid-dinja: l-Insara jiltaqgħu ma’ Sidhom; il-ħżiena jiġi fuqhom it-telfien.
2. Il-qawmien tal-Insara se jseħħ dakinhar tal-ħatfa; il-Mulej Ġesù jgħallimna li fl-istess jum se jkun hemm il-qawmien tal-ħżiena wkoll. “Tasal is-siegħa, li dawk kollha li qegħdin fl-oqbra jisimgħu leħnu, u joħorġu, dawk li għamlu t-tajjeb għall-qawmien tal-ħajja, u dawk li għamlu l-ħażen għall-qawmien tal-kundanna” (Ġwanni 5:28). Il-qawmien tal-Insara u l-ħżiena se jseħħ fl-istess siegħa, mhux mifrudin minn xulxin b’aktar minn elf sena.
3. Il-knisja ta’ Kristu mhux se tistrieħ mit-taħbit tagħha seba’ snin qabel id-dehra ta’ Kristu u t-telfien ta’ dawk li ma jagħrfux ’l Alla. Il-knisja se tistrieħ mit-taħbit tagħha “meta jidher Sidna Ġesù mis-sema…f’nar iħeġġeġ, u jitħallas minn dawk li ma jagħrfux ’l Alla” (2 Tessalonkin 1:7-10).
4. L-appostlu Pawlu jikteb li aħna l-Insara qiegħdin “nistennew it-tama mbierka, il-manifestazzjoni glorjuża t’Alla l-kbir, ossija s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu” (Titus 2:13). Kif nistgħu nistennew id-dehra glorjuża ta’ Kristu jekk l-Insara ma’ jkunux għadhom fid-dinja f’dak il-jum? Imma fil-fatt aħna l-Insara qed nistennew bil-ħeġġa r-rivelazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu (1 Korintin 1:7) – kif tgħidilna l-Iskrittura – iva, il-knisja se tkun hawn fid-dinja fid-dehra tas-Sultan Ġesù.
Kristu se jerġa’ jiġi. Se jerġa’ jiġi darba biss. Fil-miġja tiegħu se jqajjem il-mejtin kollha, jieħu l-knisja miegħu, u jkeċċi lil ħżiena ’l bogħod minnu għall-kastig ta’ dejjem.