Dwarna
Min Aħna
Qabel xejn aħna Nsara, dixxipli tal-Mulej Ġesù Kristu. Nemmnu fih b’qalbna kollha u rridu ngħixu għalih. Nissejjħu “Evanġeliċi” għax nibnu l-fidi tagħna fuq it-tagħlim tal-Iskrittura biss.Aħna niltaqgħu bħala knisja biex inqimu ’l Alla u ngħinu lil xulxin fil-mixja tagħna. Nagħrfu wkoll il-knejjes Kristjani mxerrdin mal-erbat irjieħ tad-dinja. Għalkemm jissemmew b’ismijiet u laqmijiet diversi, u minkejja d-difetti tagħna lkoll, il-Kristjani huma lkoll aħwa u familja waħda għax għandna Missier wieħed, Mulej wieħed u Spirtu wieħed.
X'nagħmlu
Fil-laqgħat tagħna nkantaw għanjiet u tifħir lill-Mulej, nitolbu flimkien, naqraw mill-Bibbja u nisimgħu l-Kelma t’Alla pritkata. Kull nhar ta’ Ħadd niċċelebraw l-Ikla tal-Mulej billi naqsmu bejnietna l-ħobż u l-inbid b’tifkira tas-sagrifiċċju ta’ Kristu għall-maħfra tad-dnubietna. Il-knisja tagħna hi ċkejkna iżda x-xirka bejnietna hi ħelwa tassew.Għalina l-fidi Kristjana hi attitudni u impenn għall-ħajja kollha, mhux biss waqt li niltaqgħu l-knisja, imma wkoll meta nkun id-dar, fuq ix-xogħol u kullimkien. Irridu ngħixu konxji tal-preżenza t’Alla magħna f’kull ħin u kullimkien.
Aħna nistinkaw biex inxandru l-Evanġelju, speċjalment fost il-Maltin u l-Għawdxin. Ma nistgħux ma naqsmux ma’ kulħadd il-Bxara t-Tajba li biha ksibna l-paċi m’Alla u l-ferħ li ma jitfissirx bil-kliem.
Twemmin
- Aħna nemmnu fit-Trinità Mqaddsa, Alla wieħed fi tlett Persuni, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, kif nistqarru fil-Kredu.
- Nemmnu f’Ġesù Kristu, l-Iben waħdieni u etern t’Alla, natura waħda mal-Missier, li bih sar kollox.
- Għas-salvazzjoni tagħna l-Iben t’Alla sar bniedem u twieled mill-verġni Marija.
- Ġesù miet għal dnubietna fuq is-salib, qam mill-mewt, u tela’ s-sema fejn qiegħed jidħol għalina u jsaltan fil-glorja.
- Nemmnu li s-salvazzjoni hi grazzja b’xejn t’Alla, u nirċivuha permezz tal-fidi fi Kristu, u mhux bil-merti tal-opri tagħna.
- Alla sejħilna għall-qdusija, imħabba, ġustizzja u opri tajba, bl-għajnuna ta' l-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina.
- Il-Mulej Ġesù se jerga’ jiġi bis-setgħa u l-glorja, biex iqajjem il-mejtin kollha, għall-kundanna tal-ħżiena fl-Infern, u biex jippremja lill-ġusti u jdaħħalhom fl-hena tal-Ġenna għal dejjem.
Laqgħat
Il-laqgħat isiru bil-Malti, idumu madwar siegħa, u huma miftuħin għal kulħadd.Il-Ħadd 9:30 a.m. Servizz ta' Qima
Il-laqgħa tinkludi kant, talb, qari tal-Iskrittura, prietka u l-Ikla tal-Mulej.
Nipprovdu traduzzjoni għall-Ingliż permezz ta' headphones.
It-tfal ikollhom lezzjoni għalihom fis-Sunday School.
L-Erbgħa 7:00 p.m. Studju tal-Bibbja
Nitgħallmu l-Iskrittura flimkien.
Il-Ġimgħa 7:00 p.m. Laqgħa ta' Talb
Tifħir, ringrazzjament u interċessjoni.
Post: Il-laqgħat isiru fil-bini tal-Knisja Evangelika Trinità, f’9, Triq Misraħ il-Barrieri, Msida. Faċli ssibna: Minn fuq ir-roundabout ta' ħdejn l-Isptar St Philip, suq fid-direzzjoni tal-Ħamrun (Triq il-Kappillan Mifsud). Idħol fit-tieni triq fuq ix-xellug (Triq Misrah il-Barrieri), kantuniera ma' Centro Casalinga. Il-knisja tinsab ftit metri l-isfel fuq ix-xellug. Ara GoogleMap: Link.
Kuntatt
Pastor Paul MizziE: knisjaevangelika@yahoo.com
WhatsApp: +356 79551446
Facebook: Knisja Evangelika Trinita