17.11.19

Meta għandi jew m'għandix nitlaq minn knisja?

Sidna Ġesù ddisinnja ‘dar’ jew familja għal niesu: il-knisja. Sfortunatament għadek tiltaqa’ ma’ xi Kristjani li għadhom mhumiex konvinti mill-bżonn ta’ sħubija fi knisja lokali u oħrajn iqattgħu snin mingħajr ma jikkommettu ruħhom. Forsi ma jafux, jew ma jridux jaċċettaw, li huwa d-dmir bibliku ta’ kull persuna mwielda mill-ġdid li jixxierek ma’ ġemgħa ta’ Kristjani.

Apparti mis-sħubija aħna msejħin ukoll biex inkunu leali lejn il-knisja, xi ħaġa li aktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed issir rari. Huwa fatt illi l-impenn serju tal-membri fil-knisja qed jispiċċa u b’konsegwenza l-effettività tax-xhieda tagħha fid-dinja qed tiddgħajjef. Imqar il-ħsieb li l-knisja hi mxebbħa ma’ ġisem; il-ġisem ta’ Kristu, imissu jqanqalna lejn impenn serju u lealtà isħaħ.

Però wieħed irid jistaqsi: il-lealtà tagħna għandha tkun ‘għamja’? Hemm ċirkostanzi fejn huwa ħażin li nibqgħu leali u allura nikkunsidraw nitilqu? Bla dubju. Ma rridux inpoġġu l-lealtà qabel il-verità biblika. Irridu nirrikonoxxu li fil-pjan sovran t’Alla hemm ukoll li xi wħud ‘jiċċaqalqu’ u jħallu knisja biex jingħaqdu ma’ oħra. Sintendi deċiżjoni simili jeħtieġ tittieħed bl-ikbar għaqal u dixxerniment u ċertament mhux bl-addoċċ jew fis-saħna tal-mument. Jeżistu raġunijiet tajbin għala persuna titlaq knisja u raġunijiet ħżiena għala titlaq.

Raġunijiet li m'għandekx titlaq

Nibdew l-ewwelnett billi nsemmu xi raġunijiet jew motivi ħżiena għala xi ħadd jiddeċiedi jitlaq knisja biex ifittex oħra meta fil-fatt ikun aħjar kieku jibqa’ hemm u jiddilja mal-isfidi li jkun qed iħabbat wiċċu magħhom. Titlaqx knisja:
  • Għax tara ċerti dgħufijiet f’xi membri tal-knisja. Ftakar li dawn se ssibhom f'kull ġemgħa.
  • Għax it-talenti jew doni li jidhirlek li tippossiedi ma jiġux rikonoxxuti jew apprezzati u ma tingħatax dik il-pożizzjoni jew ministeru fil-knisja li tixtieq. (F’każijiet simili jista’ jkun, wara dixxerniment, li tista’ titlaq imma m’intix kmandat biex tagħmel dan). 
  • Għax il-membri ma 'jagħtux kasek,' ma jilqgħukx, ma jiġux jitkellmu miegħek eċċ. Ikkunsidra tagħmel l-ewwel pass int. Minflok tibqa' tistenna lill-oħrajn jiġu lejk, kun int li tersaq lejhom.
  • Għax kellek xi ministeru u għal raġunijiet validi tintalab tieqaf minnu.
  • Għax m'għandekx grazzja ma' xi membru/i u jdejjquk.
  • Għax irċevejt xi azzjoni ħażina jew weġgħa minn xi membru/i. Deċiżjoni li ġejja minn rabja jew sens ta' tpattijia qatt mhi waħda tajba. 
  • Għax taħseb illi l-membri mhumiex impennjati bħalek jew spiritwali daqshekk.
  • Għax ressaqt xi suġġeriment/i li għalik tant huma importanti u validi u dawn ma ntlaqawx, almenu meta u kif ridt int.
  • Għax tgħid li ma sibtx dak li kont qed tfittex jew dak li għandek bżonn. Bħal dak li qallu l-knisja xi supermarket li għax ma ssiblux xi prodott li trid, tmur tixtrih x’imkien ieħor! U xi ngħidu għall-fatt li l-knisja m'għandiex tkun primarjament dwar x'se nieħu imma aktarx x'nista' nagħti, kif nista' naqdi biex nibni u nsaħħaħ il-ġisem ta' Kristu?
  • Għax il-knisja ’l bogħod wisq minn darek jew għandek problemi ta' trasport eċċ (anke f’każ bħal dan jeħtieġ tiddixxerni sew qabel ma tieħu deċiżjoni).
  • Għax knisja oħra aktar attraenti, aktar popolari, jew għandha kongregazzjoni ikbar.
  • Għax m’hemmx nies ‘bħalek’. Dan jgħodd għall-miżżewġin, koppji bit-tfal, ġuvintur u nisa ‘single’, żgħażagħ, persuni tal-istess qagħda soċjali jew ekonomika eċċ.
  • Għax m'għadekx tħossok komdu. Qatt m'għandna nieħdu deċiżjoni mibnija esklussivament fuq il-ħass. Ma ninsewx illi kull relazzjoni tgħaddi minn staġuni ta' nixfa fejn għandhom x'jaqsmu s-sentimenti u l-emozzjonijiet.

Raġunijiet li jeħtieġ titlaq

Hemm diversi raġunijiet leġittimi biex persuna titlaq knisja u tfittex oħra. Il-Mulej f’Kelmtu kostantement isejjaħ lill-uliedu biex joħorġu minn fost knejjes mejta jew indenji (ara pereżempju Rum 16.17; Gal 1.8; 2 Ġw 10.11-12; 1 Tim 6.3-5; 2 Kor 6.14-17 u oħrajn). Aħna kmandati sabiex inżommu ’l bogħod mit-tagħlim u l-għalliema foloz u niseparaw ruħna mill-apostasija. Dal-kmand mhuwiex negattiv aktarx huwa att ta’ ubbidjenza pożittiv u kostruttiv li jissalvagwardja l-messaġġ veru tal-vanġelu u jipproteġi s-safa dottrinali ta’ niesu. Dawn li ġejjin xi erjas li jekk ikunu preżenti u jispikkaw fi knisja juruna li jmissna nitilqu. Mela jmissna nitilqu knisja meta:
  • Il-mexxejja tal-knisja juru disprezz u indifferenza lampanti lejn il-verità Biblika u d-dottrini li huma fondamentali għall-fidi u s-salvazzjoni tar-ruħ.
  • Il-mexxejja jgħallmu, jew jippermettu lil min jgħallem dottrini u prattiċi li mhumiex bibliċi jew li saħansitra jmorru kontra l-verità biblika. Sintendi kun ċert li dak li qed ikun mgħallem huwa fil-fatt ereżija u mhux sempliċement xi ħaġa li ma taqbilx magħha int.
  • Knisja, affaċċjata b’offiżi serji evidenti għal kulħadd minn xi membru/i, tirrifjuta li teżerċita d-dixxiplina biblika, anzi tittollera d-dnub sfaċċat. F’każ bħal dan irridu nsemmgħu leħinna ma’ dawk fi tmexxija u jekk il-knisja tibqa’ ma tieħux azzjoni, nitilqu. ‘Tixxirkux,’ jgħidilna Alla permezz tal-appostlu Pawlu, ‘magħhom fl-għemejjel bla frott tad-dlam, imma aktarx saħansitra esponuhom’ (Efes 5.11). Ma ninsewx illi l-Patt il-Ġdid, speċjalment l-1 Korintin 5, jinsisti li nieħdu l-purità tal-knisja bl-akbar serjetà.
  • Knisja ma turi l-ebda xewqa li tieħu bis-serjetà l-Kummissjoni l-Kbira, ma tingaġġax ruħha f’ħidma regolari ta’ evanġeliżmu u ma jista’ jsir assolutament xejn biex din titqajjem mir-raqda għal ubbidjenza sħiħa f'din l-erja. Knisja lokali jeħtieġ li tipproklama l-vanġelu. Jekk dil-funzjoni primarja tkun injorata allura l-knisja ma jmisshiex tistenna l-lealtà tal-membri tagħha, aktar u aktar meta dawn imħeġġin biex iservu lill-Mulej f’xandir u proklamazzjoni tal-vanġelu.
  • Knisja tinjora l-istandards li l-Kelma t’Alla tpoġġilna rigward il-qima u l-evanġeliżmu u timplimenta mezzi u stili karnali u mondani ta’ qima u evanġelizzazzjoni. Kif jista' jkun li nibqgħu mħaddna ma’ knisja li tikkorrompi l-ħwejjeġ sagri u ġġiegħel il-membri tagħha jipparteċipaw f’qima mondana kontra dak li hemm miktub f’Ġakbu 4.4 - ‘ma tafux illi l-ħbiberija tad-dinja hi għadwa t’Alla? Għalhekk kull min mela jixtieq ikun ħabib tad-dinja jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla.’
  • Fil-knisja tispikka l-ipokrisija fil-mexxejja jew fil-parti l-kbira tal-membri u m’għadx fadal impenn serju lejn Kristu, l-iddixxiplar, il-qdusija fil-ħajja u lejn il-vanġelu.
Dawn l-eżempji jmisshom jikkanċellaw id-dover ta’ lealtà tagħna lejn knisja. Fejn problemi bħal dawn ma jeżistux, imissna nkunu konvinti li Alla jsejħilna sabiex nissieħbu ma’ knisja u jikkmandana nkunu fidili u leali lejha.

Prinċipji li jgħinuk tibqa' jew titlaq b'mod tajjeb

  • L-ewwelnett, qabel tieħu deċiżjoni, itlob u fittex il-gwida t'Alla biex tiskopri r-rieda tiegħu għalik. 
  • Tkellem u ddiskuti mal-mexxejja u l-aħwa qrib tiegħek u mhux tagħmel kollox fil-moħbi waħdek bla ma tgħid lil ħadd. 
  • Jekk se titlaq, kun ċert li se titlaq għar-raġunijiet it-tajba.
  • Meta tasal biex titlaq kun ċert li titlaq bi spirtu tajjeb għax dan ikun ta' siwi kemm għalik kif ukoll għal dawk li tħalli warajk.
  • Jekk titlaq tabbandunax ir-relazzjonijiet prezzjużi lil kellek mal-aħwa ta' dik il-knisja. Tinsiex li l-knisja mhix il-bini imma l-persuni li jħobbu lil Ġesù u lil xulxin. 
  • Meta tissepara minn knisja tikkritikax il-knisja li kont fiha u lanqas tidolizza l-knisja l-ġdida li sseħibt magħha.
  • Meta tissieħeb ma' knisja tgħaġġilx u lanqas tittratieni żżejjed biex tinvolvi ruħek f'xi ministeru. Anke jekk mhux faċli prova sib il-bilanċ.

Konklużjoni

Ftakru li d-deċiżjoni li titlaq il-knisja lokali qatt m’għandha tkun kwestjoni trivjali jew ta’ ftit importanza. Mhux biss imma deċiżjoni bħal din qatt mhi faċli billi tinvolvi l-bqija tal-ġemgħa, għax aħna familja. Fl-istess waqt irrejalizzaw li l-kura ta’ ruħkom hi ta’ valur u importanza eterna u jekk int tinsab fi knisja fejn ruħek mhix qed tkun mitmugħa bil-verità biblika imma aktarx bil-velenu tal-ereżija, Kelmet Alla qed tkun ikkalpestata eċċ, jeħtieġ taħrab ’il bogħod kemm jista’ jkun minn hemm, akkost li l-membri l-oħra 'tal-familja' iħossuhom offiżi jew traduti minnek.

Fl-aħħarnett, b’dan kollu li għidna bl-ebda mod ma rridu ninkoraġġixxu persuni jitilqu mill-knisja fejn jinsabu bl-għaġġla jew mingħajr ma jkun sar proċess ta’ dixxerniment bibliku serju, preferibbilment flimkien ma’ persuna/i maturi fil-fidi. Ċertament wieħed m'għandux jieħu deċiżjoni bħal din meta għaddej minn xi perjodu difiċli f'ħajtu u qed jiffaċċja stress, problemi u tibdiliet fil-familja, fuq il-post tax-xogħol eċċ.

Ħa ma ninsew qatt illi hemm żmien li persuna jeħtieġ tibqa’ fil-knisja fejn qegħdha, żmien fejn tista’ titlaq u żmien fejn jeħtieġ titlaq, u dawn mhux dejjem faċli niddistingwu bejniethom. U jekk ikun il-każ li jeħtieġ nitilqu ħa nisseparaw b'mod li jonora lil Alla u lil dawk in-nies kollha li nħallu warajna.

10.11.19

Kif nuri simpatija ma' min qed ibati?

Sakemm għadna f'did-dinja lkoll kemm aħna, xi darba jew oħra, ikollna nesperjenzaw xi forma ta' tbatija. Minn dan tista' tkun żgur: Jew batejt, jew qed tbati, jew se tbati.

Din it-tbatija tista' tkun varjata sew fil-forma kif ukoll fit-tul tagħha. Għaldaqstant aħna li nġibu l-isem ta' Kristjani, fuq l-eżempju u l-kmand ta' Sidna, jeħtieġ nuru simpatija ma’ min qed ibati. Jekk nindunaw, u jalla nkunu attenti mhux aljenati jew ħajjitna ddur biss magħna nfusna, li xi ħadd qed ibati ma nistgħux nibgħu passivi jew indifferenti. Lanqas imissna noqgħodu lura bi skuża li rridu nirrispettaw il-privatezza tal-persuna. Ma ninsewx li aħna komunità ta' imħabba, u għaldaqstant meta membru wieħed iweġġa' l-membri l-oħra jridu jinfaxxawh. Jeħtieġ induru b'xulxin, 'nerfgħu t-toqol ta’ xulxin' (Gal 6:2), u mhux kulħadd ifendi għal rasu. Għal dan l-għan ukoll Missierna ġabna flimkien.

Hemm diversi modi kif nistgħu nuru simpatija ma' min qed ibati. Dawn li ġejjin 7 suġġerimenti li jgħinuna. Mhux bilfors tagħmilhom kollha f'darba waħda fl-ordni li qegħdin. Uża d-dixxerniment u s-sens komun u applikahom b'sensittività kbira. Agħraf ukoll il-mument opportun meta għandek tpoġġi wħud minnhom fil-prattika, speċjalment dawk li jinvolvu l-qsim ta' xi vers mill-Kelma t'Alla jew xi verità dwar Alla, it-tbatija eċċ.
  1. Iskot. Uża s-silenzju. Kultant tgħanniqa sinċiera, għafsa tal-idejn, taptipa fuq l-ispallejn, ħarsa simpatetika biżżejjed.
  2. Kun magħhom. Il-preżena tiegħek ‘titkellem b’vuċi għolja’
  3. Isma’ b'attenzjoni x’għandhom xi jgħidulek. Agħtihom il-ħin jispjeawlek minn xiex għaddejin. Attent/a titfix l-istorja tagħhom b’tiegħek.
  4. Agħtihom il-wisa’ jiżbaljaw fis-sens li jesprimu d-dubji dwar Alla, l-għejja, in-niket li qed jesperjenzaw. Ippermettilhom ibatu għal mument b'mod imperfett.
  5. Itlob magħhom – u għalihom. Ħu fuqek l-impenn li titlob għalihom regolarment.
  6. Offrilhom u agħtihom għajnuna prattika skont iċ-ċirkostanzi partikolari li jinsabu fihom. Il-Kristjani f'Antjokja eżempju tajjeb ta' kif inġorru t-toqol ta' xulxin b'mod prattiku (Atti 11:27-30).
  7. Agħtihom tama. Kelmtu tama għal dawk kollha li qed ibatu.
  • Fakkarhom f’Alla Trinità. Fil-karattru meraviljuż tal-Missier u tal-Iben, fil-mod li fil-passat l-Ispirtu s-Santu ħadem fil-ħajja ta’ niesu u tagħhom ukoll u kif ċertament jinsab attiv ukoll fihom anke f'daż-żmien.
  • Fakkarhom fil-wegħdiet ta' Alla speċjalment dawk li jitkellmu dwar il-qrubija tal-preżenza tiegħu magħna il-jiem kollha, il-protezzjoni ċerta u soda tiegħu, il-premju kbir u l-wirt meraviljuż li hemm merfugħ għalina fil-ġenna. X'differenza tista' tagħmel għal xi ħadd li għaddej mit-tbatija meta pereżempju tgħidlu jew tgħdilha; "il-Mulej Ġesù jinsab miegħek," (Mattew 28:20) jew, "il-Mulej żgurament mhux se jħallik, lanqas qatt mhu se jabbandunak" (Ġożwè 1:5, Ebrej 13:5).
  • Fakkarhom li t-tbatija mhix fiergħa imma hija waħda mill-mezzi li Alla juża’ biex jimmaturana u jibdilna fix-xbieha ta’ Kristu (2 Korintin 1:8-9).
  • Fakkarhom fl-għajnuniet li Alla provdielom għal żmien bħal dan.
  • Fakkarhom li t-tbatija b'ebda mod mhi se tisraqilhom lil Kristu jew tisseparahom minn m’Alla (Rum 8:35-39).
  • Fakkarhom li t-batija għad tgħaddi u wara d-dlam għad ifeġġ id-dawl.
Mela, ħalli ma noqogħodux lura milli nuru simpatija ma min qed ibati, anke billi npoġġu fil-prattika wħud minn dawn is-suġġerimenti li semmejna. Tibżax jekk forsi tiżbalja, Alla jaf kif ibierek ukoll l-isforzi sinċiera u x-xewqa li tkun ħabib veru, ħu jew oħt fil-familja t'Alla, ma' dawk li qed ibatu.

8.11.19

Irtir - Nifirhu fit-Tbatija


Nistednuk tisma' l-messaġġi li igħataw waqt l-irtir, Nifirħu fit-Tbatija, li sar is-Sibt 9 ta' Novembru, fil-Youth Centre, Marsaxlokk. Kien hemm ukoll sessjoni ta' mistoqsijiet relatati ma' dan is-suġġett, workshop, minbarra ikla u xirka ħelwa mal-aħwa. Nirringrazzjaw 'l Alla għal barkiet li sawwab fuqna f'dan il-jum sabiħ.
  • Ifirħu Dejjem fil-Mulej - Dr. Joseph Mizzi - (Audio / Video)
  • Ix-Xirka fit-Tbatijiet Tiegħu - Dr. Joseph Mizzi - (Audio / Video)


3.9.19

Kif qed nilqgħu - jew m'aħniex nilqgħu - lil dawk li jiġu fostna?


Ġieli dħalt fil-bini tal-knisja u nnotajt li kien hemm xi ħadd li ġie għall-ewwel darba? Forsi tkun familjari miegħu jew magħha inkella jista’ jkun li qatt ma tkun rajtu f’għomrok. X’se tkun ir-reazzjoni tiegħek u kif se ġġib ruħek miegħu? Nittama li m’intix daqshekk passiv u indifferenti illi tqis dil-ħaġa daqslikieku xejn jew ma jimportakx u tibqa’ għaddej/ja bħas-soltu. Għall-kuntrarju nispera li tifraħ b’ferħ spiritwali u fik titqanqal xewqa li trid tagħti merħba ġenwina lill-individwu/i. Ftakar illi ġemgħa ta’ Kristjani trid tkun akkoljenti u turi ospitalità għaliex b’hekk tkun qed tirrifletti l-karattru t’Alla Trinità li jilqa’ għandu l-bnedmin, anke l-agħar midinbin, b’idejh miftuħa. 

Mela, kif imissna nġibu ruħna ma’ dawn il-persuni li jiġu fostna? L-ewwel darba li attendejt fost ġemgħa ta’ Kristjani Evanġeliċi ħassejt li kont milqugħ bl-iktar mod insensittiv possibbli. L-individwu li ‘laqgħani’ jew ma kienx jaf inkella ma kienx jimportah biżżejjed biex iġib ruħu miegħi b’mod sew. Ibbumbardjani b’mistoqsijiet dwar it-twemmin tiegħi, faqagħli moħħi b’argumenti kontra xi prattiċi spiritwali li semmejtlu. Ikkoreġa kulma bdejt naqsam miegħu bi kwotazzjonijiet mill-Bibbja u argumenti, u dan mhux b’xi spirtu manswet jew umli imma aktarx b’superjorità spiritwali, kondixxendenza u saħna tar-ras. Insomma niftakar li tlaqt minn hemm konvint li ma kontx se nerġa’ nirritorna. Fil-fatt li mhux għall-grazzja u l-pjan sovran t’Alla ċertament ma kontx se nerġa’ nersaq lil hemm. 

Minflok għajnuna dan l-individwu seta’ serva ta’ għodda f'idejn Satana u ostaklu serju fil-mixja tiegħi biex ningħaqad ma’ ġemgħa ta’ fidili. Dakinhar tgħallimt waħda mill-ewwel lezzjonijiet kif ma jmissnix nilqa’ persuna li tiġi għall-ewwel darba fostna. Mal-mgħodija taż-żmien innotajt diversi aħwa li wkoll żbaljaw fil-mod li taw merħba, u jkolli nammetti illi anke jien għamilt numru ta’ żbalji. Minn dawn dejjem tgħallimt dak li m’għandiex nagħmel kif ukoll xi jmissni nagħmel biex nagħti merħba xierqa. 

Nixtieq naqsam magħkom lista ta’ xi ftit minn dawn l-iżbalji sabiex nevitawhom, kif ukoll ftit suġġerimenti pożittvi u prattiċi li jmissna nħaddmu sabiex inkomplu nikbru u nsiru ġemgħa li tabilħaqq tilqa’ lil kulmin jiġi jżurna u li bl-ebda mod ma nservu ta’ tfixkil għal xi ħadd. Sintendi dawn mhumiex xi 'kmandamenti' u mhux kollha japplikaw għal kull individwu jew sitwazzjoni. Pereżempju irridu nagħmlu differenza bejn il-barranin minn pajjiżi oħra li jiġu darba jew darbtejn u Maltin li jiġu b’possibilità li jingħaqdu magħna bħala membri attivi. Għaldaqstant irridu neżerċitaw l-għaqal u d-dixxerniment fl-applikazzjoni tagħhom.

Żbalji li jmissna nevitaw 

  1. Titfax l-attenzjoni tal-ġemgħa b’mod pubbliku fuq persuna li ġiet l-ewwel darba. Mhux kulħadd l-istess, u hawn min hu timidu u jkun jixtieq l-art tibilgħu jekk pereżempju tipponta lejh u tgħidlu biex jintroduċi lilu nnifsu eċċ. Sebgħin fil-mija ta’ dawk li jattendu għall-ewwel darba jirrispondu b’mod negattiv jekk ikunu identifikati pubblikament b’dal-mod. Biżżejjed li jsir avviż fejn tingħata merħba ġenerali lil dawk kollha li ġew għall-ewwel darba. Evita wkoll li titlob pubblikament għall-persuna li ġiet l-ewwel darba, sakemm din ma tkunx urietek ix-xewqa hi qabel il-laqgħa.
  2. Tibdiex il-konverżazzjoni tiegħek fuq punti teoloġiċi, pereżempju tistaqsix, “Int Kattoliku jew Evanġeliku?’ jew ‘int Kalvinist jew Arminjan?’ eċċ. Ftakar li quddiemek għandek raġel jew mara, missier jew omm, student eċċ; ċoè persuna maħluqa fuq xbieha t’Alla mhux xi ħadd b’tikketta ta’ Kattoliku, Pentekostali eċċ. Jekk l-individwu juri x-xewqa u jibda’ jitkellem fuq suġetti bħal dawn kompli miegħu imma tkunx int li mill-ewwel taqbad dibattitu teoloġiku.  
  3. Tiddominax il-konverżazzjoni int u tispiċċa tredden biss int bla ma tagħti ċ-ċans lil dak li jkun ifendi mqar kelma waħda. Ikkontrolla lsienek u l-emozzjonijiet tiegħek. Isma aktar milli titkellem.
  4. Jekk trid tistaqsi mistoqsijiet, staqsi waħda tipo: ‘X’kien li ġabek hawn?’ jew xi mistoqsija pertinenti fuq dak li jkun sar fis-servizz (jekk qed titkellem wara li jkun spiċċa s-servizz). Tgħallem kif tistenna t-tweġiba sħiħa mhux immedjatament li tistaqsiha terġa tgħid xi ħaġa oħra jew tpoġġi xi mistoqsija oħra bla ma tagħti ċans lil dak li jkun jispiċċa. Meta mbagħad iwieġbek, tħossokx obbligat li bilfors trid tirribatti xi tweġiba li jidhirlek hi skorretta jew mhux eżatta. Iġġibx ruħek ta' Inkwiżitur!
  5. Jekk tara li hemm xi ħadd, jew tnejn, diġà qed ikellmu lill-individwu ġdid stenna qabel tmur int ukoll. Ħa ma niffollawx ilkoll fuq persuna waħda u noħonquha, iktar u iktar jekk kull wieħed minna jispiċċa jgħid tiegħu.
  6. Meta ssib ruħek wiċċ imb’ wiċċ ma’ xi ħadd ġdid toqogħodx tiċċassa lejn xi ħaġa evidenti fil-persuna quddiemek. Forsi għandu tpinġija, misluta f'imnieħru, ilbies stramb, xi difett fiżiku  ovvju eċċ.
  7. Xi ħadd darba mar fuq persuna li ġiet l-ewwel darba u qalilha li kienet bilqiegħda fil-post tiegħu u jekk jistax iqum u jsib post ieħor! Nispera li ħadd minna ma jirrepeti dan l-iżball.

Imġiebiet li jmissna nipprattikaw


Insemmi ftit affarijiet pożittivi li lkoll nistgħu nipprattikaw ma’ dawk li jattendu għall-ewwel darba, u anke għat-tieni u t-tielet! B’hekk inkunu qed nagħmlu ħilitna sabiex nilqugħ lill-barranin kif suppost.

  1. Anke jekk int persuna timida u ta’ ftit kliem ċertament kapaċi tmur fuq xi ħadd ġdid u bi tbissima sinċiera mqar tgħidlu ‘merħba’. Jekk le, allura onestament ma nafx kif qatt se tgħeleb attitudnijiet jew tentazzjonijiet iktar gravi f’ħajtek! Taħsibx li min hu ġdid ma jinnotakx li lanqas biss indenjajt ruħek tilqgħu, mela agħmel sforz u bl-għajnuna t'Alla tgħeleb kull mistħija, timidezza jew apatija li żżommok milli tagħti merħba sempliċi.
  2. Ibda’ billi tintroduċi lilek innifsek. Kompli billi ssir af lil dak li jknu; ismu, minn fejn hu, x’jagħmel eċċ. ’Il quddiem, jekk Alla jrid, ikollok ċans tapprofondixxi r-relazzjoni fuq ħwejjeġ spiritwali.
  3. Jekk wasalt qabel beda s-servizz għin lil dawk ġodda jsibu posthom, ara jixtiequx xi bela ilma jew kafè. Agħtihom l-informazzjoni bażika dwar in-Nursery jew jekk barranin provdilhom il-headphones eċċ. 
  4. Jekk il-persuna ssemmielek esperjenzi passati koroħ jew weġgħat li kellha f’ġemgħat oħra, jew ma’ individwi partikolari, tkomplix magħha jew taqbad tirrakkonta l-esperjenzi koroħ tiegħek.  Ma jedifikax anzi jwassalkom it-tnejn għad-dnub tat-tqasqis. Dan żball komuni fostna. Jekk l-individwu jaqbad fuq hekk uri interess sinċier fl-esperjenzi u empatija imma pprova gwidah lejn il-preżent u l-pożittiv u lejn dak li Alla għandu mħejji għalih. 
  5. Introduċi lill-individwu ma’ xi membri oħra tal-kongregazzjoni speċjalment mal-pastor.
  6. Ikkunsidra li toffri ġentilment xi tract jew ktejjeb lil dak li jkun qabel jitlaq. 

Eżortazzjoni finali


Xi knejjes japplikaw dik li nsejħulha r-regola ta’ ‘tlett minuti’; jiġifieri ma jmorrux jitkellmu mal-membri tal-kongregazzjoni li jafu, u lanqas jintilfu f'attività relatata mal-knisja bħal tindif eċċ, għall-ewwel 3 minuti wara li jispiċċa s-servizz – tipikament it-tul ta’ ħin biex persuna ġdida titlaq – biex jekk hemm xi ħadd li ġie l-ewwel darba jagħtuh merħba. L-aħwa, ma tkunx idea ħażina kieku aħna wkoll napplikaw din ir-regola ma’ dawk li jiġu jżuruna għall-ewwel darba. 

Għeżież qis li ħadd minnha ma jinjora persuna li tiġi żżurna. Ma ninsewx, ilkoll imsejħin biex nilqgħu lill-barranin, mela ħa nkunu ospitali lkoll. Tkun ħasra jekk il-Mulej regolarment jibgħat nies u minħabba n-nuqqas ta' akkoljenza ta' ħafna minna dawn ma nerġawx narawhom.  

Mela, ħa neżaminaw lilna nfusna biex naraw fejn qed nonqsu u x’jeħtieġ li jinbidel fl-attitudnijiet u l-imġieba tagħna ma’ dawk li jiġu jżuruna. Veru Alla jaf jieħu ħsieb lil dawk li huma tiegħu, imma dan ma jnaqqasx mir-responsabbilità tagħna li mhux biss ma nkunux ta’ tfixkil imma aktarx inservu ta’ għajnuna u inkuraġġiment għal dawk l-erwieħ prezzjużi kollha li Sidna jogħoġbu jibgħat fostna.   

18.7.19

Pride - the mother of all sins


The Puritan George Swinnock said; ‘Pride is the shirt of the soul, put on first and put off last.’ John Boys adds; ‘As death is the last enemy; so pride is the last sin that shall be destroyed in us.’ How true! In fact pride never surrenders but keeps fighting on till the day we die. The truth is that none of us can fully eradicate pride but by God's grace we can, and should, bring it into submission. 

The nature of pride

  • Pride was the first sin committed, it lies lowest in the foundation of Satan's whole building, and is with the greatest difficulty rooted out. 
  • Pride is the mother and mistress of all the sins; for where she does not conceive them in her ever-teeming womb, she instigates their movements, and compels them to pay tribute to her glory.
  • Pride is the most hidden, secret, and deceitful of all lusts and often creeps insensibly into the midst of religion, even, sometimes, under the disguise of humility itself!

The effects of pride

If there is a sin that is universal, it is pride. We have to admit that every one of us has some measure of pride. Unfortunately in some people it is left unchecked and so it becomes worse and excessive. It ends up governing all their decisions and directs everything they do. It sours all their relationships; making them unable to love others and preventing them from receiving love and affection. In the end pride will ruin them and all that they do. The Bible reminds us that; ‘In his pride the wicked does not seek Him; in all his thoughts there is no room for God. (Ps. 10:4) and also ‘God opposes the proud.’ (James 4:6)

Pride sets itself against the honor, being, and sovereignty of God. Other sins strike at the word of God, the people of God, and the creatures of God but pride strikes directly at the very being of God. Grace can never thrive where pride and self-conceit grow. If you would see the devil portrayed to the life look upon a proud soul; for as face answers to face, so does a proud soul answer to Satan.

  • Pride exaggerates everything, especially our good points and other people’s faults. 
  • Pride deceives us by making excuses for us especially for our own weaknesses. 
  • Pride makes us compare ourselves with those whom we think are worse than us and makes us despise them. 
  • Pride convinces us that others are to blame for all our ills. 
  • Pride brings disgrace (Prov. 11:2), breeds quarrels (Prov. 13:10), brings a man low and comes before his fall (Prov. 16:18). A mother whale said to her baby whale, “When you get to the surface and start to blow, that’s when you get harpooned."
  • Pride eats at the root of all happiness.
  • Pride slays thanksgiving.
  • God sends no one away empty except those who are full of themselves and therefore pride 'prevents' God from blessing us. 
  • Pride also makes us forget our Lord (Deut. 8:14)

A number of symptoms of pride

The following are some symptoms of pride. In prayerfully considering them you can be helped to expose this malady. Personal application is what we recommend, reminding you that the reason for this short article is that YOU will take time to meditate upon what you read asking the Lord to reveal to you if any of these symptoms are present in your life. Pray that the Blessed Spirit might enlighten ‘the eyes of your mind’ enabling you to see clearly; especially since where pride is present it blinds us to our imperfections and failures and prevents us from seeing those things which are wrong with us, dulling our senses and concealing so much of what is really present in our life.

A person controlled by pride...
  1. Is arrogant, resents authority and accountability and is not submissive. He thinks he knows it all and doesn’t like correction.
  2. Repentance is a work so simple yet it is so difficult to a person ruled by pride since he doesn’t want to seriously repent; because in doing this he will be admitting that he was wrong and mistaken in the past. 
  3. Is seldom a grateful man, convinced that he never gets as much as he deserves, and very rarely does he praise others, since pride takes all and credits no one else.
  4. Is very moody, sensitive and is disappointed when he is not ‘pampered’ by those around him/her. 
  5. Is extremely tenacious of his opinions and impatient of any contradiction, as if to differ from him is a major crime. 
  6. Has an unduly exalted opinion of himself. He/she is, therefore, impatient of a rival, hates a superior, and cannot endure a master.
  7. Demands a superior place, he needs praise, needs to be noticed, needs promotion and must have first place.
  8. Feels a constant necessity to oppose, criticize and condemn.
  9. Has no room for God since he is full of himself.
  10. Pride, unlike all the other vices which choose to be in the dark, loves always to be seen in the light and so the proud person is always demanding a superior place needing to be noticed and praised. ‘He loves to climb up’ says William Gurnall, ‘not as Zaccheus to see Christ, but to be seen.’ 
Spiritual pride is the most dangerous and the most arrogant of all sorts of pride. To be proud of . . .
  • our piety,
  • our spiritual experience,
  • our prayerfulness,
  • our commitment,
  • our knowledge of the Bible,
  • our zeal,
  • our talents and spiritual gifts,
  • our usefulness
. . . this is the worst kind of pride, most offensive to God, most injurious to our own soul, and most obstructive to usefulness. You can see the evidence of spiritual pride in such as are controlled by it by their; "Stand by; I am holier than thou," written across their foreheads. Such people might be serving God, and the work may be God's, but they do it not for God but for themselves. 

The remedy against pride

The above are only a few symptoms of this malady. C. H Spurgeon said: 'There are some weeds that will grow anywhere; and one of them is Pride. Pride will grow on a rock as well as in a garden. It is a weed that is dreadfully rampant. It needs cutting down every week, or else we should stand up to our knees in it.' 

Pride is the last sin which dies, and expires only with the life of the believer. Through our whole pilgrimage we have to contend against spiritual pride, in all its deceitful and multiplied forms. Self love, self seeking, self will, self confidence, self righteousness, all spring from pride. There is no end to this extensive evil, which infects the hearts of men, and fills the earth with misery. 

Friend, never think that you have escaped from pride; if you do so it is only because you have lost the sense of its weight through being surrouded with it.

Remember that ber pride is a groundless thing. You have reasons for everything, but you have no reasons for pride. Pride is a thing which should be unnatural to you, for you have nothing to be proud of. What is there in man of which he should glory?  Our very creation is enough to humble us; what are we but creatures of to-day? Our frailty should be sufficient to lay us low, for we shall be gone tomorrow. The Talmund has an interesting statement which says: "Why was man created on the sixth day? To teach him that if he is ever swollen with pride, it can be said: A flea came ahead of thee in Creation." 

Be convinced that the one effective remedy against pride is a genuine, personal and intimate relationship with our Lord and Saviour Jesus Christ, sustained primarily by daily prayer and Bible reading and by regular participation in those means of grace appointed by God for your edification. The best cure for pride is a sight of Christ because pride cannot live beneath the cross!

Christian soldier, commit yourself to a lifelong struggle to crucify this corruption within which is ‘disfiguring’ your personality and is spoiling you as a Christian. May our Lord give you the grace you need.


"The haughty looks of man shall be brought low,
and the lofty pride of men shall be humbled,
and the Lord alone will be exalted in that day."

Isaiah 2:11



17.7.19

L-Għaxar Kmandamenti


Il-Kmandamenti fil-Qosor

L-Għaxar Kmandamenti (Id-Dekalogu, Dewteronomju 4:13) insibuhom f’Esodu 20 :1-17 u Dewteronomju 5 :6-21. Din il-lista hi sommarju tagħhom.
  1. Ma jkollokx allat oħra quddiemi.
  2. La tagħmel għalik ebda xbieha minquxa, la tmilx quddiemhom u la tqimhomx.
  3. La ssemmix isem il-Mulej fil-batal.
  4. Ftakar f’jum is-Sibt biex tqaddsu.
  5. Weġġaħ lil missierek u lil ommok.
  6. La toqtolx.
  7. La tikkommettix adulterju.
  8. La tisraqx.
  9. La tgħidx xhieda giddieba.
  10. La tixtieqx ħwejjeġ tal-oħrajn.
X’Jgħallmuna l-Kmandamenti
  1. 'Ma jkollokx allat oħra' jgħallimna nqimu lil Alla biss.
  2. 'La tagħmel ebda xbieha' jgħallimna nqimuh fl-ispirtu u s-sewwa, u biex naħarbu l-idolatrija.
  3. 'La ssemmix isem il-Mulej fil-batal' jgħallimna nistmaw b'reverenza l-isem t'Alla.
  4. 'Ħares Jum is-sibt' jgħallimna biex niddedikaw l-ġurnata tal-mistrieħ lill-Mulej.
  5. 'Weġġaħ lil missierek u lil ommok' jgħallimna nirrispettaw u nobdu lill-ġenituri tagħna.
  6. 'La toqtolx' jgħallimna ngħożżu u nħarsu l-ħajja umana.
  7. 'La tikkommettix adulterju' jgħallimna nkunu safja fil-qalb, fid-diskors u l-imġieba tagħna.
  8. 'La tisraqx' jgħallimna nkunu onesti.
  9. 'La tgħidx xhieda giddieba' jgħallimna ngħidu l-verità.
  10. 'La tixtieqx ħwejjeġ tal-oħrajn' jgħallimna nkunu kuntenti b'dak li jipprovdielna Alla.
Ħames Ċwievet

Dawn il-ħames fatti huma bħal ċwievet li jiftħulna r-rikkezzi tal-10 kmandamenti.
  1. L-10 kmandamenti jirriflettu l-karattru t’Alla. (eż. La tgħidx xhieda giddieba hu mibni fuq il-fatt li Alla hu l-verità u perfettament ġust).
  2. L-awtorità sħiħa tagħhom għadha tgħodd sal-lum. (eż. Is-serq u l-gideb kienu, għadhom u jibqgħu moralment ħżiena).
  3. L-10 kmandamenti kienu ddisinjati għal dawk li jemmnu u mhux biss għall-midinbin. (Ninnotaw li l-Mulej ta l-kmandamenti lil Israel, il-poplu t’Alla).
  4. Kull wieħed mill-10 kmandamenti jkopri familja sħiħa ta’ dnubiet. (eż. La tgħidx xhieda giddieba jkopri kull forma ta’ gideb u qerq).
  5. L-10 kmandamenti, għalkemm huma espressi f’forma negattiva jinkludu wkoll virtujiet pożittivi opposti. (eż. La toqtolx ifisser ukoll li għandna ngħożżu u nħarsu l-ħajja umana).
L-Użu Tajjeb tal-Kmandamenti
  • Aħna obbligati nobdu l-kmandamenti għax Alla hu s-Sid u l-Feddej tagħna.
  • Il-kmandamenti juruna li aħna kontabbli, midinbin u ħatjin quddiem Alla.
  • Il-kmandamenti ma jsalvawniex; ikun żball fatali jekk tipprova tobdi l-liġi bl-iskop li tkun ġġustifikat quddiem Alla b'għemilek. Ġesù Kristu waħdu jsalvana, permezz tal-fidi fih, u mhux bl-opri tal-liġi.
  • Meta nobdu l-kmandamenti nuru li l-konverżjoni tagħna ġenwina u l-imħabba tagħna lejn Alla.
  • Il-kmandamenti huma sillabu prattiku għall-qdusija. L-Ispirtu s-Santu jgħinna biex inwettquhom.
  • Meta nobdu l-kmandamenti jkun ta’ ġid għalina u għall-oħrajn.
  • Ikun ta’ dannu għalina jekk ninjoraw il-kmandamenti t’Alla: la jkollna u lanqas ingawdu assigurazzjoni, Alla ma jużaniex b’mod effettiv, ma nesperjenzawx talb mismugħ, inkunu bla saħħa fit-tiġrib, u nġibu fuqna d-dixxiplina tal-Mulej.

13.7.19

Għajnuniet għal min hu involut fi grupp żgħir

Il-laqgħat fi gruppi zgħar huma utli ferm u ta’ benefiċċju kbir fil-mixja tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu fi sħubija mal-knisja. M’għandhomx jieħdu post il-laqgħat l-oħra tal-knisja, bħal-laqgħa għat-talb u l-istudju tal-Bibbja, aktarx iseddquhom. 

Jekk qatt ma kont parti minn wieħed li jiffunzjona kif suppost diffiċli tapprezza l-valur tagħhom u kemm jistgħu jkunu parti importanti fil-ħajja tiegħek. F’dawn il-laqgħat insibu l-post adatt u l-klima ideali fejn nistgħu nkunu aktar ‘trasparenti’ u nixxerjaw b’mod aktar personali d-diffikultajiet u l-barkiet li regolarment nesperjenzaw fil-ħajja ta’ kuljum fil-familja, fuq il-post tax-xogħol eċċ. Fihom aktar faċli tiskopri lilek innifsek milli fi grupp jew laqgħa ikbar. Għandek aktar ċans tistaqsi mistoqsijiet li forsi qatt ma staqsejt qabel, tirċievi feedback u tinolvi lilek innifsek b’mod personali. Affarijiet li fil-laqgħat usa’ ma jistgħux isiru minħabba diversi fatturi prattiċi.

Fi grupp żgħir insiru nafu iktar lil xulxin mill-qrib. Dan jirriżulta fi ħbiberijji u relazzjonijiet isħaħ u iktar ġenwini. Ipoġġi wkoll fuqna responsabbilità biex inkunu kontabbli għal xulxin. Mhux biss, imma nistgħu nkunu ta’ inkuraġġiment, sapport u anke nwiddbu lil xulxin b'iktar effettività. Dan ċertament se jgħaqqadna iktar flimkien u jsaħħaħ l-imħabba ta’ bejnietna. Wara kollox il-knisja trid tkun komunità t’imħabba!

Sintendi, bħal ħafna affarijiet oħra, laqgħat simili għandhom 'perikli' abbinati magħhom, pereżempju ma rridux nispiċċaw niddiskutu u nikkritikaw in-nuqqasijiet fl-andament tal-knisja jew inqasqsu fuq dak u fuq l-ieħor minflok inħarsu lejna nfusna, inkella neqirdu biss fuq il-problemi tagħna eċċ.

Dawn li ġejjin huma xi punti prattiċi li jeħtieġ inżommu f’moħħna, u npoġġuhom fil-prattika, meta fi grupp zgħir nixxerjaw. L-ewwel lista tgħodd għal meta nixxerjaw aħna personali, it-tieni għal meta jixxerjaw l-oħrajn.

Punti utli għal meta tixxerja int


1. Għalkemm hi ħaġa tajba u ta’ inkuraġġiment li kull persuna fil-grupp tixxerja, ma rridux inħossuna ‘sfurzati’ biex nixxerjaw. Lanqas m’għandna nixxerjaw sempliċement biex inkunu għidna xi ħaġa. Avolja huwa tajjeb li ninkuraġġixxu ’l xulxin biex ilkoll nixxerjaw, madanakollu jeħtieġ inħallu lil xulxin fil-libertà u ħadd m’għandu jpoġġi pressjoni, diretta jew fin fin, fuq xi individwu biex dan/din jixxerja, speċjalment jekk dan hu ta’ karattru riżervat jew timidu.

2. Segwi kull struzzjoni jew direzzjoni li tingħata mill-persuna li qed tmexxi l-laqgħa sabiex kollox isir bl-ordni. Pereżempju jekk isir appell biex nibdew il-laqgħa billi naqsmu xi barkiet li rċevejna, kun af li dak mhuwiex il-mument tajjeb li tixxerja id-diffikultajiet jew problemi tiegħek. Tgħallem imxi ma’ dak li jkun qed isir u mhux titlaq tredden biex tgħid tiegħek bla ma tagħti kas xejn u ħadd. 

3. Kun ċert/a qabel tibda’ tixxerja. Staqsi lilek innifsek; “Għandi nixxerja dil-ħaġa partikolari, illum, hawnhekk?” Forsi mhuwiex il-waqt u lanqas il-post li tixxerjaha. Jekk hu hekk żomm lura sakemm tkun ċert/a. Ftakar li dak kollu li tgħid se jaffettwa lil dawk preżenti b'xi mod jew ieħor. 

4. Ixxerja dak li l-iktar qed jaffettwak fil-preżent, dak li qed ifixklek jew li qed ikunlek ta’ barka bħalissa. Dejjem staqsi lilek innifsek; “X’għandi nixxerja?” 

5. Ftakar li hemm ċertu affarijiet li m’għandek qatt tixxerjahom fi grupp bħal dan jew waqt laqgħat bħal dawn. Abbli jkunu irrelevanti jew iridu jkunu xxerjati mal-pastor jew xi ħadd ieħor privatament. 

6. Iċċekkja li l-motivi tiegħek għala qed tixxerja huma tajbin: jiġifieri biex tedifika u tkun edifikat/a. Għandna ħabta, bl-iskuża li nixxerjaw, illi ngħaddu informazzjoni biex l-oħrajn jaraw ‘l-għemejjel tajba tagħna’ u jfaħħruna. Staqsi lilek innifsek; ‘Il-għala qed nixxerja din il-ħaġa partikolari, biex niftaħar u nuri kemm jiena spiritwali, jew forsi biex l-oħrajn jitħassruni?’ 

7. Evita li ssemmi dettalji bla bżonn, speċjalment dawk ta’ natura intima. Staqsi; ‘Safejn u kemm imissni nixxerja?’ Dettalji żejda jħawwdu lil dawk li qed jisimgħuk u ma jgħinuhomx jifhmu s-sitwazzjoni preżenti li tinsab fiha. 

8. Kun konċiż u ejja għall-punt. Ipprova għid dak li għandek bżonn tgħid fil-qosor kemm jista’ jkun mingħajr ma toqgħod iddur mal-lewża jew iġġibha fit-tul. B’hekk tkun ukoll qed tagħti ċans u opportunità lil ħaddieħor biex anke hu/hi jkollha l-ħin tixxerja. Pereżempju biżżejjed tgħid li t-tfal għejjewk u tħossok frustrata u m’hemmx għalfejn tirrakkonta kulma qed jagħmlu minn xħin iqumu sakemm jorqdu fid-dettall. 

9. Meta tixxerja pprova indirizza lil kull membru preżenti, billi tħares lejhom kollha, u mhux tkellem biss lill-koordinatur jew lil żewġ individwi oħra biss. Tinjora ’l ħadd speċjalment lil dawk li huma xi ftit aktar kwieti jew riżervati mill-oħrjan.

10. Qatt tixxerja l-problemi ta’ martek / żewġek jew issemmi d-dnubiet partikolari tiegħu / tagħha lill-membri tal-grupp, speċjalment jekk it-tnejn li intom parti mill-kongregazzjoni. Aktarx dejjem ikkonċentra fuq id-diffikultajiet jew dnubiet tiegħek. 

11. Kun af meta għandek tieqaf; għid li għandek tgħid umbagħad iskot.

12. Tibżax tistaqsi mistoqsijiet speċifiċi lil dawk preżenti. Pereżempju; “Qed nissielet ma’ din it-tentazzjoni partikolari, hawn xi ħadd li għandu xi ħsieb kif nista’ ngħelibha?’ jew “Kif se jirnexxieli nibda nitlob kuljum?’ jew ‘Kif inkun naf ir-rieda t’Alla f’din is-sitwazzjoni partikolari?’ 

13. Meta tingħata xi parir, kun għaqli u ddixxerni qabel ma tpoġġih fil-prattika. Għalkemm kulħadd sinċier fl-isforzi biex jgħinuk, mhux kulħadd ikollu raġun. Tgħallem kif tevalwa dak li qed jingħad u tkunx impressjonat b’min jew b’kif qed jingħad. Dejjem evalwa l-pariri li tingħata ma’ dak li hemm mgħallem fil-kelma skritturata, il-Bibbja.

14. Tistennix iżżejjed. Taħsibx li wara li tkun ixxerjajtspeċjalment xi ħaġ li għalik hi verament importanti, dejjem se jkollok is-simpatija tal-oħrajn jew li se jifhmuk kompletament. Tkunx diżappuntat/a jew skoraġġut/a jew tiddeċiedi li ma terġax tixxerja jekk dawk preżenti ma jurux l-istess sentimenti qawwija ( ta’ dwejjaq u / jew gratitudni, ferħ) li qed tesperjenza int. 


Għajnuniet għal meta jixxerja ħaddieħor


1. Ftakar li f’laqgħa bħal din kull membru hu f’pożizzjoni li joffri inkuraġġiment, korrezzjoni eċċ mhux biss il-koordinatur jew dawk il-membri l-iktar ‘esperjenzati’ fil-ħwejjeġ spiritwali. Ilkoll nistgħu nitgħallmu u ngħallmu lil xulxin.

2. Isma’ b’attenzjoni, uri interess ġenwin lejn dak li qed jingħad. Uri li jimportak verament u li dak li qed jingħad hu importanti għalik billi ssegwi b'attenzjoni. 

3. Tinterrompix lil xi ħadd li qed jixxerja f’nofs sentenza imma għatih/a ċans tispiċċa (sakemm m’intix il-persuna li qed tmexxi l-laqgħa u xi ħadd qabad ilalblad bla kontroll u qed jieħu l-ħin kollu għalih). Iktar ma tagħti ċans lill-persuna tispjega sew, u aktar ma int isma', aktar se tifhem. 

4. Tħossokx ansjuż iżżejjed jew taħt pressjoni bla bżonn li bilfors trid dejjem toffri soluzzjoni jew tagħti parir, gwida jew direzzjoni għal kull ħaġa. Dan jgħodd ukoll, anzi speċjalment, għal min qed jikkoordina. 

5. Agħmel l-almu tiegħek biex tipprova tifhem verament dak li qed jingħad, ċoè dak li l-persuna qed tipprova tgħid lilek u lill-grupp. Ġieli persuna, minħabba diversi raġunijiet, ma tixxerjax direttament dak li verament qed itaqqalha imma tagħti biss ħjiel jew indikazzjonijiet u allura int trid tkun attent/a biex tipperċepixxi x’inhi l-qalba tad-diffikultà, x'qed tipprova tgħid. 

6. Ikkontrolla lilek innifsek u evita reazzjonijiet ovvji bla bżonn u espressjonijiet fil-wiċċ li juru li int ixxokkjat jew maħsud eċċ. speċjalment meta xi ħadd jixxerja xi ħaġa li ma kontx qed tistenna, iwieġeb xi mistoqsija b'mod skorrett jew jagħmel xi kumment li hu teoloġikament żbaljat.

7. Wara li xi ħadd ikun ixxerja tgħallem kif tpoġġi mistoqsijiet pertinenti bħal; 'X'taħseb li qed jgħallmek Sidna minn dan kollu?' jew, 'Il-Kelma t'Alla kif tridek iġġib ruħek f'sitwazzjoni bħal din?' jew ‘Allura kif nista’ nkun ta’ għajnuna għalik?' Evita li tistaqsi mistoqsijiet 'ħżiena,' pereżempju biex sempliċement titkixxef dwar sitwazzjonijiet jew persuni, jew biex taqta' l-kur'ità dwar xi ħaġa, eċċ

8. Żomm widna waħda miftuħa għall-persuna li qed tixxerja u oħra għal Alla. L-Ispirtu s-Santu jista’ jfakkrek f’xi skrittura li jekk fil-mument opportun tixxerja tkun ta’ faraġ, għajnuna, direzzjoni eċċ għal min qed jixxerja. 

9. Jekk xi ħadd jixxerja sitwazzjoni identika jew simili għal dak li għaddejt minnha int fil-passat, kun konxju/a li b’mod speċjali int tista’ tkun ta’ għajnuna. Aqsam l-esperjenza tiegħek fil-qosor, speċjalment dak li lilek għinek biex tgħeleb id-diffikultà jew issolvi l-problema. Sintendi l-ebda żewġ sitwazzjonijiet tal-ħajja, għalkemm jistgħu jkunu simili, qatt mhuma identiċi mija fil-mija.

10. Tagħtix l-impressjoni li int kapaċi, jew suppost tgħin lil kulħadd f’kull sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha jew li trid bilfors twieġeb kull mistoqsija li titressaq. Lanqas tipprova tagħmel dan. Agħraf il-limitazzjonijiet tiegħek u tgħallem irreferi lil dak li jkun għand persuni iktar kompetenti minnek.

11. Wara li xi ħadd ikun ixxerja, sew ħwejjeġ pożittivi kif ukoll negattivi, tistmax jew tiddisprezza skont dak li smajt, u lanqas itella’ jew tniżżel lill-individwu fuq ‘is-sellum’ spiritwali tiegħek abbażi taċ-ċirkostanza preżenti li għadhom kif issemmew. 

12. Qis li qatt ma tirrepeti dak li tisma’ waqt il-laqgħa mal-oħrajn, speċjalment barra mil-laqgħa. Dejjem żomm il-konfidenzjalità. Evita tiddiskuti dak li kien ixxerjat fil-laqgħa ma’ membri oħra fil-knisja billi ħafna drabi dan iwassal biss għat-tqasqis fieragħ, avolja tipprova tiskuża lilek innifsek billi tgħid li qed ‘tixxerja spiritwalment’ dwar il-persuna, jew biex jitolbu għalih/a.

14. Itlob qabel, waqt u wara l-laqgħa, speċjalment dwar dawk is-sitwazzjonijiet partikolari li ġew ixxerjati waqt il-laqgħa, sew jekk kienu diffikultajiet u tiġrib kif ukoll jekk kienu barkiet.

15. Kun ċert/a li titlaq minn kull laqgħa u tieħu ‘xi ħaġa’ lura miegħek id-dar. ‘X’nista’ nitgħallem min dak li ġie xxerjat?’ ‘Xi jmissni nevita?’ 

Konklużjoni


Mela, ħalli napprezzaw il-laqgħat fi gruppi żgħar u nkunu involuti fihom jekk m'aħniex. Ejjew nattendu għal kull laqgħa b'fedeltà u nipparteċipaw b'mod attiv. 

Fuq kollox ħa nsegwu dawn il-linji gwida. B’hekk kollox isir b’iktar ordni u kull laqgħa sservi għall-edifikazzjoni u l-avvanz spiritwali ta’ dawk kollha preżenti u t-tisħiħ tal-knisja, għall-akbar glorja t'Alla l-Missier u Sidna Ġesù Kristu.

1.5.19

Prinċipji bażiċi għall-evanġeliżmu fil-familja



Huwa fatt li numru mhux ħażin ta’ Kristjani qed jgħixu f’familja fejn xi membru jew membri mhumiex Kristjani. Dan joffri sfida kbira speċjalment jekk irridu ngħixu f’armonija u unità bejnietna.

Ir-realtà hi li ninsabu għaddejjin fuq żewġ binarji totalment differenti u opposti; naħsbuha b’mod differenti, għandna prijoritajiet u xewqat differenti eċċ. Żball komuni huwa li nistennew imġiba Kristjana minn dawk li mhumiex Kristjani. Teħodhiex bi kbira jekk żewġek jew martek, li mhumiex Kristjani, ma jarawx l-affarijiet kif tarahom int, inkella li l-ġenituri tiegħek jew uliedek, li mhumiex Kristjani, jirraġunaw b’moħħ karnali u mondan u jkollhom attitudnijiet ħżiena.